Meta partit politiku jikseb unanimita’ fil-voti miksuba, dan x’aktarx jiġri minħabba t-tbagħbis fl-għadd tal-voti. Għalhekk fiċ-Ċina jkollhom maġġoranzi ta’ madwar 90% fl-“assemblea nazzjonali tal-poplu” jew f’elezzjonijiet immexxijin minn Castro fil-Kuba.

Għaldaqtant mhux korrett min iqis dawk l-10% tal-kumitati sezzjonali li Adrian Delia jikkunsidra li ma vvutawx favurih bħala xi forma ta’ ribeljoni. Kif sejħilhom Adrian Delia, 90% tal-voti jirrappreżentaw appoġġ massiċċ fost l-għeruq tal-Partit fil-konfront tal-Kap.

Anki jekk l-appoġġ li jgawdi fil-Grupp Parlamentari huwa ta’ madwar 50%, Adrian Delia għandu kredenzjali qawwijin ta’ leġittimita’ li jtuħ is-saħħa li ma jiċċaqlaqx minn fejn hu f’każ li ma jkunx irid iwarrab minn jeddu.

Diġa’ tkellimna dwar ir-raġunijiet għala għandu jwarrab u kif kemm hu kif ukoll dawk ta’ madwaru ma qablux ma’ dawn ir-raġunijiet. Il-loġika fl-argumenti kienet nieqsa: iżda huwa fatt li l-voti jgħoddu aktar mil-loġika.

Jekk hu jibqa’ ma jaqbilx li jwarrab minn jeddu fl-aħjar interess tal-Partit u tal-pajjiż, kull attentat biex jitwarrab se jfalli u jispiċċa biex jagħmel aktar ħsara lill-PN.

M’għandniex xi ngħidu, jekk verament irid jibqa’ fejn hu, wieħed ikun irid jgħarbel mhux biss il-fehmiet ta’ Adrian Delia dwar ir-raġunijiet għaliex għandu jwarrab iżda anki r-raġunijiet li ġab għaliex għandu jibqa’.

U dawn ir-raġunijiet jeħtieġ li jkunu validi għaliex l-10% li ma qablux, f’dan il-kuntest, isiru aktar rilevanti. Adrian Delia huwa kapaċi li jirbaħ elezzjoni mingħajr l-appoġġ ta’ dawk li mhumiex lesti li jappoġġjawh?

Naraw ftit min huma dawn. Il-kumitat sezzjonali ta’ Tas-Sliema b’vot b’saħħtu ma approvax mozzjoni ta’ appoġġ lil Adrian Delia. Dan ma ġarax għaliex il-votanti f’din il-lokalita’ iħaddmu moħħhom aktar minn dawk ta’ lokalitajiet oħrajn.

Bosta kienu dawk il-membri tal-kumitati sezzjonali minn diversi lokalitajiet li kellmuni biex igħiduli li meta ttieħed il-vot “unanimu” fil-lokalita’ tagħhom, huma ma kinux preżenti. Wħud minnhom lanqas biss issejħu għal laqgħa għax dawk li jmexxu l-kumitati kienu jafu li dawn setgħu joħolqulhom il-problemi. Il-preżenza tagħhom kienet tikxef l-illużjoni tal-unanimita’. Madankollu dawk li kellmuni kienu konxji tal-fatt li ftit kien hemm ċans li setgħu jipperswadu lill-maġġoranza tivvota kontra l-mozzjoni ta’ appoġġ lill-kap.

Fil-każ ta’ Tas-Sliema li hemm biżżejjed membri tal-kumitat li ma jaqblux ma’ dak li qed iseħħ u li għandhom is-saħħa jieħdu posizzjoni kontra t-tmexxija tal-partit.

Hemm min qed isostni li l-istess ħaġa tista’ sseħħ f’Għawdex u fin-Naxxar iżda wieħed ma jistax ikun ċert qabel jiġi dikjarat ir-riżultat.

Il-Partit, barra l-kumitati sezzjonali fil-lokalitajiet, għandu wkoll l-organi jew fergħat. L-ewwel fergħa li ħarġet b’dikjarazzjoni ta’ appoġġ unanimu għall-kap kienet il-fergħa tan-nisa li x’aktarx iddiskutiet il-kwistjoni dwar l-allegazzjonijiet ta’ vjolenza domestika li saru minn martu qabel ħarġet mimlija ħeġġa fl-appoġġ tagħha.

Il-fergħa taż-żgħażagħ tidher bierda fl-appoġġ tagħha għall-kap.

Hawnhekk jidher li hawn konċentrazzjoni aktar qawwija ta’ dawk li ma jaqblux. Ħażin jagħmel min jikkonkludi li Adrian Delia għandu l-appoġġ tan-nisa dan kollu għaliex il-fergħa tan-nisa tawħ appoġġ unanimu. Daqstantieħor wieħed ma jistax jikkonkludi li Adrian Delia m’huwiex popolari maż-żgħażagħ għaliex tal-MŻPN huma bierda fil-konfront tiegħu.

Fil-kuntest ta’ dan kollu, x’inhi l-pożizzjoni ta’ Adrian Delia?

L-għodda li għandu bżonn il-Partit biex jiġġieled l-elezzjonijiet hi ristretta minn diversi ċirkostanzi li ma jiddependux mir-rieda tal-kap. Il-finanzi tal-Partit kienu f’sitwazzjoni ħażina minn qabel leħaq hu. Dan ifisser li l-Partit m’għandux il-mezzi li jimpjega lin-nies u li jwassal il-messaġġ tiegħu.

Barra minn hekk, ftit huma dawk li jikkunsidraw il-minoranza li għandu l-Partit fil-Parlament bħala xi gvern alternattiv. Dan ifisser ukoll li ftit huma dawk li jeħduhom bis-serjeta’.

F’dan il-kuntest, il-Partit ikun irid jara kif jagħmel l-aħjar użu tar-riżorsi fqar li għandu. Dawn ir-riżorsi huma l-kumitati sezzjonali u l-fergħat tal-Partit kif ukoll il-mexxejja tal-komunitajiet li jistgħu jressqu lill-Partit f’postijiet fejn dawn għandhom ċerta influwenza.

Dawn huma s-suldati li jgħammru fit-toroq li l-PN kien ittraskura għal snin twal qabel tfaċċa Adrian Delia. U minkejja dan, skond il-kejl ta’ Adrian Delia, wieħed minn kull għaxra jiddikjaraw bil-miftuh li ma jqisuhx bħala kap li jistgħu ikollhom il-fiduċja fih.

L-isfida li Adrian Delia għandu ma’ wiċċu qiegħda hawn. Għandu l-ħila jissostitwixxi lil dawk li ma jriduħx b’oħrajn li jkunu lesti li jappoġġjawh? Il-minoranzi li hemm kontrih fil-kumitati sezzjonali u fil-fergħat (u l-maġġoranzi f’uħud minnhom) għandu l-ħila jwarrabhom u jqiegħed oħrajn flokhom li jkunu favurih?

Kapaċi li lill-Partit jagħmlu l-qaddej tiegħu?

Hemm sinjal wieħed li juri ċar li, mill-perspettiva ta’ Adrian Delia stess, it-tweġiba għal din il-mistoqsija hi “le”. Il-messaġġ li qed iwassal hu li mhux lest li jċedi għat-“tradituri”, għal “grupp ta’ nisa”, għal “erba’ bloggers” jew, kif poġġiha dan l-aħħar Pierre Portelli, għal “min fl-imgħoddi m’għamilx suċċess fil-PN u li issa jrid jieħu r-riedni f’idejh”. It-tmexxija preżenti tal-PN qatgħet qalbha li qatt tkun tista’ timmobilizza l-appoġġ għall-politika tagħha anki fost dawk li ma jaqblux magħha.

Ġaladarba dawn qatgħu qalbhom li qatt jistgħu jirbħu argument ma’ xi ‘erba’ bloggers’, kif qatt jistgħu jippretendu li jistgħu jgħelbu lil Joseph Muscat?