Ftit jiem ilu il-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN lil The Sunday Times of Malta qalilha li l-Kumitat Eżekuttiv se jiddiskuti l-qagħda preżenti fil-Partit li, m’għandniex xi ngħidu, għandha tinkludi dibattitu dwar jekk Adrian Delia għandux iżomm postu bħala kap.

Skond rapporti oħra fil-ġurnali, Mark Anthony Sammut kellu laqgħa ma’ Adrian Delia flimkien ma ‘ David Stellini li huwa l-President tal-Kunsill Amministrattiv. Ma nafux x’intqal f’din il-laqgħa iżda – b’differenza għal dak li kien seħħ fil-famuża laqgħa li kienet saret fid-dar ta’ Ġorġ Borġ Olivier f’Tas-Sliema kif irrakkontata fl-awtobijografiji ta’ mexxejja tal-PN tal-imgħoddi – qalulu x’qalulu Sammut u Stellini, lil Delia ma pperswadewħx li jwarrab.

Għall-kuntrarju. Il-fatt li l-PN jidher li qed jimmobilizza l-forzi hi prova ċara li Adrian Delia qed jieħu b’serjetà kbira l-isfida li għandu ma’ wiċċu u qed jikkalkula li għad jista’ jżomm fil-wiċċ u jista’ jkun li qed jikkalkula sew.

Biżżejjed li wieħed isemmi kif fil-laqgħat tal-kumitati sezzjonali ta’ kull belt u raħal qed isiru dikjarazzjonijiet unanimi ta’ appoġġ lill-kap. Jien kont nifforma parti minn dawn il-kumitati għal diversi snin. Naf sew kif jaħdmu hekk kif jirċievu xi direttiva mid-Dar Ċentrali. Tal-kumitat tal-Belt Valletta kellhom żjara minn Frank Psaila. Kumitati oħra ma kellhomx il-ħtieġa ta’ żjarat.

Il-Kumitat Eżekuttiv huwa kontabbli lejn dawn il-kumitati sezzjonali u l-membri tal-Grupp Parlamentari jiddependu fuqhom għall-canvassing fil-kostitwenza. Jaħsbuha kif jaħsbuha personalment dwar Adrian Delia u dwar jekk għandux ikompli jmexxi lill-Partit, dawn jafu li ribelljoni ma tantx tinżel għasel mal-membri tal-kumitati sezzjonali.

Jekk il-motivazzjoni prinċipali ta’ Adrian Delia hi dik li jibqa’ fit-tmexxija, qabad triq li tista’ twasslu għal dan. Qalet x’qalet it-Times of Malta dwar is-sitwazzjoni tiegħu dwar il-ħlas ta’ taxxa, qal x’qal hu dwar dan u hi x’inhi l-verita’. Indipendentement minn kemm jirnexxielu jimbarazza lilu nnifsu b’xenati ta’ għajjat u ta’ rabja. Indipendement minn kemm hi serja għal politiku li jkollu ma’ wiċċu akkużi ta’ vjolenza domestika imdendlin ma’ għonqu. Indipendentement mill-fehma ta’ dawk il-politiċi tal-Partit li kienu jappoġġjawh fl-imgħoddi u li issa jħossu li l-pożizzjoni tiegħu m’għadhiex tenibbli. Fl-aħħar mill-aħħar il-voti biss ser igħoddu u l-proċess qed jiġi organizzat minn sħab Adrian Delia.

Jista’ jkun li Mark Anthony Sammut u David Stellini qatgħuha li ma jibqgħux jagħtu l-istess appoġġ li kienu taw lil Adrian Delia kif kienu għamlu fil-kwistjoni Egrant. Iżda dawn huma biss presidenti ta’ żewġ organi u m’għandhom ebda kontroll fuq il-proċess tal-votazzjonijiet.

Jekk ikun hemm min jażżarda jressaq mozzjoni ta’ sfiduċja f’waħda minn dawn l-organi, x’aktarx li r-riżultat ikun vot ta’ fiduċja f’Adrian Delia. Ikun żamm fil-wiċċ fil-Partit u l-votanti jkunu żammewh f’postu u ma jkollhomx għalfejn joqgħodu jispjegaw lil ħaddieħor ir-raġuni li dabbrulu rasu. Jistgħu ikunu qed jagħmlu dan anki meta saħansitra jafu li vot ta’ fiduċja fih ser ifisser ukoll kundanna ċerta għall-PN.

Telf ta’ żmien? Jista’ jkun. Iżda l-verita’ hi li d-dibattitu minnu nnifsu, jekk dan iseħħ, jista’ jkollu l-effett li jġiegħel lill-membri tal-PN jaħsbu sewwa fuq kwistjonijiet li l-ħassieba li hemm fi ħdan il-Partit diġa’ huma konxji minnhom.

Dibattitu sura ta’ nies ma jistax iseħħ sakemm iddum l-atmosfera li qed tirrenja bħalissa. Lill-kunsilliera tal-Partit qed iċemplulhom mid-Dar Ċentrali biex taparsi jsir sondaġġ dwar l-appoġġ li għandu l-Kap. Ilkoll qegħdin jiddikjaraw lejalta’ assoluta. Iżda dan m’huwiex iżommhom milli privatament jespriemu ma’ ħbiebhom it-tħassib tagħhom dwar dak kollu li qed iseħħ.

Dawk li jagħżlu li ma jikkommettux ruħħom, dawk li huma bejn ħalltejn u dawk li huma biss segwaċi jaslu biex jitolbu lill-kap iwarrab jekk ikunu żguri li din hija wkoll ir-rieda tal-kotra.

Il-biża’ ssarraf f’indifferenza. Tajjeb jew ħażin, iċ-ċansijiet huma li Adrian Delia se jżomm postu. Anki Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant kienu ddeċidew huma weħidhom meta kellhom iwarrbu.

Insemmi wkoll ir-riżorsi kollha tal-Partit li jinsabu għad-dispożizzjoni tal-Kap. Iżda hemm ukoll il-bandiera, il-wirt ta’ mexxejja tal-imgħoddi, l-Istamperija nnifisha, il-voluntiera kollha jiġbdu l-istess ħabel: tajjeb jew ħażin dawn flimkien diffiċli ħafna li jingħelbu.

X’aktarx li Adrian Delia ser iżomm postu u min iribella jkollu jwarrab. Se jkun aktar b’saħħtu fl-ambjent tiegħu. Iżda l-għodda li jeħtieġ biex jirbaħ il-gwerra se tkompli tonqos.