Matul il-ġranet u l-ġimgħat ta’ wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, kienu bosta dawk li ngħaqdu flimkien bil-għan li tissokta l-ġlieda favur is-sewwa u l-ġustizzja. Din id-deċiżjoni kienet ukoll ittieħdet minħabba l-għażliet li kien qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista.
Niftakar sew meta marti kienet kellmet lil ħbieb tagħha u ħajjrithom jikkampjaw qrib Kastilja biex jipprotestaw. Fi triqitha lejn ix-xogħol, qrat li l-Oppożizzjoni – ġimgħa wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u wara li l-gvern wera’ nuqqas ta’ qbil li dan l-assassinju kien jimmerita dibattitu urġenti – kienet baqgħet fil-Parlament biex tiddiskuti abbozz ta’ liġi ta’ bla importanza.
Għalkemm ilha tgħix f’Malta għoxrin sena, nissoponi li deċiżjoni li ħadet issejset fuq dak li kien jiġri f’pajjiżha – jiġifieri fi Franza – li kieku dan kollu seħħ hemmhekk.
Iffaċċjat b’dak li kien għadu kemm seħħ fil-pajjiż, il-PN deher dgħajjef. Il-mexxej il-ġdid kien għadu kemm ġie elett u – anki li kieku kien xi ġenju politiku – dan kien diġà ta’ żvantaġġ. Iżda minn qabel l-assassinju tagħha, Adrian Delia ried joqtol il-kredibilità li kienet tgawdi Daphne Caruana Galizia biex b’hekk ikun f’pożizzjoni li jxejjen l-istejjer li hi kienet xandret dwaru.
Din il-kontradizzjoni ċara spiċċat biex ikkundizzjonat lill-PN minn dakinhar tal-assassinju tagħha ‘l hawn.
Madankollu l-PN ma waqaf qatt jitħanfes hu u josserva lil uħud iterrqu fl-għalqa politika tiegħu u jiddikjaraw fil-beraħ li huma stess – minħabba s-skiet li jtarrax tal-PN – kien qed ikollhom jopponu l-abbużi u l-korruzzjoni tal-gvern u l-impunità ta’ wħud li kienu qed jingħataw il-kenn minnu.
Għall-ewwel il-PN ipprova jaġixxi bil-kordjalità. F’Diċembru 2017, il-kampanja għas-sewwa u għall-ġustizzja kienet diġà ilha xahrejn li ġiet varata. Wieħed mill-mexxejja tagħha kien Michael Briguglio, veteran tal-attiviżmu. Jum fost l-oħrajn, dan qalli li Pierre Portelli ried ikellmu u staqsieni jekk xtaqtx nakkumpanjah. Jien weġibtu li ma kellix oġġezzjoni.
Kont ilni żmien twil ma nersaq lejn id-Dar Ċentrali. Wara l-elezzjoni tal-2013, mort naħdem fis-settur privat u ma bqajtx attiv fil-politika. Għalkemm offrejt li ngħin fil-kampanja tal-elezzjoni tal-2017, qaluli li ma kellhomx bżonn l-għajnuna tiegħi – jien kont parti mill-imgħoddi tal-PN li ma xtaqux ifakkru lin-nies dwaru.
Wara dik l-elezzjoni hekk kif Adrian Delia beda’ l-kampanja tiegħu, dawk ta’ madwaru dehrilhom li kellhom jistidnuni biex ningħaqad magħhom. Adrian Delia stedinni għall-ikel u l-id il-leminija tiegħu Pierre Portelli żarni fuq ix-xogħol u qalli li jidhirlu li jien kellu jkolli rwol fl-amministrazzjoni transitorja ta’ Adrian Delia hekk kif dan jiġi elett bħala Kap u forsi xi rwol permanenti aktar tard.
Jien ma tantx kont ħerqan li nerġa’ lura għall-ħajja fil-politika u hekk kif sirt naf aktar dwar Adrian Delia, hekk kif intbaħt bir-reazzjoni tiegħu għall-istejjer li kienet xandret dwaru Daphne Caruana Galizia, hekk kif xammejt il-linja tal-ħsieb tiegħu, ikkonvinċejt ruħi li t-triq li stednuni ngħaddi minnha ma kinitx għalija.
U sa tmiem dik il-kampanja għat-tmexxija, ir-relazzjoni tiegħi ma’ dawk ta’ madwar Adrian Delia kienet marret il-baħar. Dawn kienu stennew li jirċievu l-appoġġ tiegħi u minflok irċivew l-oppost. Fil-blog tiegħi kont ktibt bil-miftiħ li t-tmexxija tal-PN ma kinitx ħobż għal snien Adrian Delia u, wara li kien ġie elett bħala Kap, il-kritika tiegħi kompliet tkun ċara.
X’aktarx din kienet ir-raġuni għala f’Diċembru kont ġejt imsejjaħ għal dik il-laqgħa fl-uffiċċju ta’ Pierre Portelli taparsi biex nakkumpanja lil Michael Briguglio. Ma domtx biex intbaħt li l-preżenza tiegħi hemmhekk ma kinitx kumbinazzjoni.
L-argumenti li dawn qiegħdu quddiemi diġà smajniehom drabi oħra: jeħtieġ li lil Partit Laburista nirbħulu. Il-voti ta’ dawk li kienu qed iniedu kampanja għas-sewwa u għall-ġustizzja wara li ġiet assassinata Daphne Caruana Galizia huma meħtieġa biex inkunu f’pożizzjoni li ngħelbu lil tal-Labour. Iżda dehrilhom li Daphne Caruana Galizia innifisha kienet għamlet ħsara lill-PN.
Qaluli li jien kont fid-dmir lill-attivisti għas-sewwa u għall-ġustizzja inħeġġiġhom jappoġġjaw lil Adrian Delia u lill-PN.
Jien qgħadt hemm bil-kwiet nisma’ dak kollu li kellhom x’jgħiduli. U mbagħad qbiżt u għidtilhom li jekk Pierre Portelli mingħalih li lill-attivisti li qed jipprotestaw kontra l-assassinju ta’ ġurnalista tista’ b’xi mod torndalhom x’għandhom jaħsbu u lil min għandhom jappoġġjaw – u li dawn tista’ ġġiegħlhom ibaxxu rashom u jobdu l-ordnijiet bħallikieku huma xi ngħaġ – kien għadu ma fehem xejn.
Għidtilhom ukoll li Portelli lanqas ma fehem x’kienet ir-raġuni għala kont tlaqt ix-xogħol li kelli biex inkun nista’ niddedika l-ħin kollu tiegħi għall-kitba. U dan biex ma nsemmix ir-raġuni għala kien hemm tant nies li għażlu li jniedu kampanji u jipprotestaw, ilkoll bil-mod tagħhom.
Spiċċajt tlaqt minn dik il-laqgħa u ma erġajtx ersaqt lejn id-Dar Ċentrali. Michael Briguglio għamel bil-kontra. Inħatar bħala kandidat tal-PN għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u qeda’ dmiru skont kif fehem li għandha tkun Pierre Portelli: li jipperswadi li dawk kollha li għandhom kuxjenza li jeħtieġ li jappoġġjaw lil Adrian Delia u lill-PN.
Hekk kif tal-PN intebħu li ma kellhomx il-ħila jipperswaduni b’wegħdiet li jikkumpensawni jew permezz ta’ appelli biex naqdi dmiri, għaddew għal strateġiji oħrajn. Bdew ixerrdu xniegħat li jien kelli xi aġenda moħbija u li f’moħħi kelli l-ħsieb li nikkontesta l-elezzjoni mal-Partit Demokratiku. Kien aktar faċli għan-nies li temmen qlajja’ bħal din milli temmen li jien kont qbadt it-triq tal-kitba għax dik kienet ix-xewqa tiegħi.
Possibbli li dawn emmnu li qlajja’ bħal din dwar “aġenda moħbija” setgħet teħel fl-imħuħ fil-kuntest ta’ xi ħadd li kien qed jissokta fil-passi ta’ Daphne Caruana Galizia? Possibbli ħasbu dawn li, wara li Daphne spiċċat kif spiċċat, in-nies kienet se tibqa’ tkejjel lil ħaddieħor bix-xiber tagħhom u tassumi li wara kull fehma jew inizjattiva ġurnalistika hemm xi pjan politiku moħbi?
Issa li l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew jinsabu fuq l-għatba, l-qlajja’ li qalgħu dwar is-suppost ħsieb tiegħi li nikkontesta l-elezzjoni qed issir inqas kredibbli ma’ kull jum li jgħaddi.
Issa din il-qlajja’ anki tal-PN m’għadhomx jemmnuha.
Lanqas għadhom jemmnu li lil tas-soċjetà ċivili jien inmexxihom imnn imneħirhom.
Kien f’dan l-istadju li tal-PN bdew jisparaw fuq l-attivisti nnifishom.
l-attakk mill-PN fuq l-attivisti tal-Occupy Justice mhux qed iseħħ biex b’xi mod iġiegħeluni niżfen għad-daqq tagħhom. Tant jinsabu taħt pressjoni, li ħaġa bħal din żgur ma tgħaddilhomx minn moħħhom.
Issa lil tas-soċjetà ċivili qed jġibu ruħħom magħhom bl-uniku mod kif dejjem ġabu ruħħom ma’ min mhuwiex fuq in-naħa tagħhom, bħallikieku dawn huma xi partit politiku jew il-partit politiku avversarju.
F’daqqa waħda, ix-xenarju inbidel għal wieħed tal-waħx. Attivisti qed jissemmew b’isimhom u qed jiġu mixlija b’akkużi foloz. Issa wasalna fl-estremità li tal-PN qed jixlihom li qed jisolħu lid-donaturi u jdaħħlu fi bwiethom eluf ta’ ewro.
L-ironija tinsab fil-fatt li bosta minna nfaqna l-flus minn butna u ħlejna ħin li seta’ faċilment intuża biex qlajna l-flus minn xogħlna jew minn negozji tagħna.
Tal-PN jidhru li huma lesti li jagħmlu użu mill-mezzi uffiċjali kollha biex jiskreditaw lill-attivisti. Iżda l-mezzi mhux uffiċjali — jiġifieri t-trolls u l-aġenti — huma lest li jagħmlu agħar minn hekk.
Ma nistax ma nammettix li lill-attivisti dan kollu jeffettwahom. Bil-kliem jistgħu jibqgħu jsostnu li ħadd u xejn m’hu se jwaqqafhom. Li l-eżempju ta’ Daphne Caruana Galizia, li ma ċċedi qatt sakemm qatlitha karrozza-bomba, jibqa’ jispirahom jiġri x’jiġri. Li l-gideb mhux se jaqtgħalhom qalbhom.
Iżda l-verità hi li dan kollu jeffettwahom. Bosta kienu dawk li qatgħu qalbhom. L-imgħallmin tagħhom ta’ fuq ix-xogħol qalulhom biex jagħżlu, l-istess kif kien qalli l-imgħallem tiegħi f’Ottibru 2017. U bosta huma dawk li m’għandhomx għażla ħlief li jżommu s-skiet.
Marti Clemence, li kienet minn ta’ quddiem meta bdew il-protesti, lill-ħbieb tagħha qaltilhom li issa kienet qatgħet qalbha.
Kemm ili li waqaft mill-impjieg, il-ħobż tal-familja tiegħi taqilgħu hi. Kienet kuntenta tati ħinha għal din il-kawża. Iżda issa ssemmiet b’isimha fuq il-faċċata ta’ quddiem ta’ Il-Mument tal-bieraħ u hi u sħabha ġew mixlija bi frodi u sfruttament ta’ donaturi.
Fil-Facebook, is-sitwazzjoni tinsab aktar imwiegħra. Iż-żwieġ tagħna huwa s-suġġett ta’ diskussjoni miżgħud b’ħafna kummenti u insinwazzjonijiet. Bosta mit-trolls jitkellmu dwar il-“laxkezza” tagħha. Wieħed minnhom sa kiteb li jien ktibt dwar l-immigranti li jinsabu bejn sema u ilma għaliex marti riedet ikollha x’taqsam magħhom.
Fil-frattemp ikollna niffaċċjaw xita ta’ tgħajjir u ta’ insulti fil-mailboxes elettroniċi tagħna. Saħansitra anki jekk immorru ristorant, ikun hemm min iħares lejna biċ-ċiera.
U f’nofs dan kollu hemm ir-riskju li marti titlef ħobżha u l-uniku dħul li għandna.
Jgħidulna li qed induqu l-mediċina tagħna stess. Tal-Labour kellhom website li tnediet apposta biex jiskreditaw u jinfamaw lil Daphne Caruana Galizia, sakemm imbagħad instab mezz ieħor aktar effikaċi biex jeħilsu minnha.
It-trolls issa qed jiktbu li l-attivisti tal-Occupy Justice għandhom “jirriżenjaw minħabba l-allegazzjonijiet”.
Jirriżenjaw minn xiex? Dawn m’għandhom ebda kariga, ħadd ma jħallashom, m’humiex jikkontestaw xi elezzjoni u m’hemm assolutament xejn minn xiex jistgħu jirriżenjaw.
Dawn mhux riżenji jridu. Iridu biss is-skiet ta’ min jikkritikahom.
Is-skiet ta’ marti issa akkwistawh. Qatt ma kienet wiegħdet li tġalli kollox warajha u lil uliedha għal dan kollu. Dan qatt ma wiegħditu lil dawk li appoġġjaw lilha u lill-kawża tagħha u ta’ sħabha waqt li huma qagħdu gallarija u għexu ħajja ta’ bla riskji.
Issa r-riskju m’għadux wieħed raġjonevoli għaliex, jemmnu x’jemmnu tal-PN, l-attivisti m’humiex partit politiku jew politiċi professjonali. Dawn m’humiex jikkompetu għal xi kariga jew qed jistennew xi kumpens.
Lill-mexxejja tal-Occupy Justice jgħajjruhom “nisa tad-dar iddisprati” għaliex f’moħħ dawn it-talin li tkun “mara” u “mara tad-dar” huma l-istess ħaġa. Għal dawn it-talin, dawn in-nisa huma ddisprati għaliex tkellmu fil-beraħ u taw ħinhom għall-ġid komuni.
Iżda xi kultant jistaqsu lilhom infushom humiex iddisprati biżżejjed biex jissawwtu fit-toroq, biex jitilfu ħobżhom, biex jiġi mgħajjra qħab fil-Facebook minn persuni li la jafuhom u lanqas ikunu iridu jsiru jafuhom, biex ikollhom isimhom u r-reputazzjonijiet imperrċin fuq il-faċċati ta’ ġurnali politiċi, biex jiddefendu ruħħom minn akkużi ta’ frodi.
Ħafna drabi t-tweġibiet tagħhom huma l-istess bħal dawk ta’ bosta persuni li jħeġġuk tkompli tipprotesta filwaqt li jgħidulek li ma jridux jidhru għaliex m’humiex lesti għas-sagrifiċċju li jġib miegħu l-attiviżmu.
Ħafna drabi t-tweġiba tagħhom tkun “le”. Marti l-bieraħ qalet “le”.