Repubblika ippreżentat rikors li fih talbet lill-qorti tordna lill-Ministri Konrad Mizzi, Edward Scicluna u Chris Cardona jgħaddulha kopja tad-dokument li kienu kkwotaw minnu fil-proċeduri tal-qorti li jifforma parti minn estratt tar-rapport tal-inkjesta Egrant li għadu ma ġiex ippublikat.

Infakkar li l-Avukat Ġenerali kien xandar madwar 50 mill-1,500 paġna tar-rapport tal-inkjesta, għalkemm kopji tar-rapport kienu ġew mgħoddija lill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici u lill-Prim Ministru Joseph Muscat. Fuq talba tal-Prim Ministru l-inkjesta kienet tmexxiet minn dak li kien Maġistrat (illum Imħallef) Aaron Bugeja li ngħata l-inkarigu li jiġbor provi dwar jekk Joseph u Michelle Muscat ki9nux is-sidien ta’ Egrant, kumpannija sigrieta tal-Panama.

Il-ġbir tal-provi kien inbeda’ proprju l-għada li dak li kien is-sid tal-Pilatus Bank, l-Iranjan Ali Sadr Hashemi Nejad, intlemaħ tard bil-lejl joħroġ inkiss inkiss żewġ bagalji mill-bieb ta’ wara tal-bank.

Dan seħħ ftit wara li Daphne Caruana Galizia rrappurtat li fil-bini tal-Pilatus Bank jeżistu dokumenti li jippruvaw li sidt l-Egrant hi mart il-Prim Ministru Michelle Muscat.

Ir-rapport tal-inkjesta kkonkluda li ma nstabet ebda evidenza li tista’ tipprova din l-allegazzjoni.

Madankollu r-rapport tal-inkjesta qatt ma xxandar u l-Avukat Ġenerali irnexxielu jipperswadi lill-Qorti li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma kellu dritt għal kopja sħiħa tar-rapport.

Quddiem il-Qorti, l-Avukat Ġenerali, il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzja xehdu li kellhom kontroll strett fuq it-tixrid tal-parti mhux imxandra tar-rapport Egrant.

Iżda meta Repubblika fil-Qorti talbet it-tnedija ta’ nkjesta dwar l-allegat rwol ta’ tliet Ministri f’reati kriminali b’rabta mal-privatizzazzjoni ta’ tliet sptarijiet, dawn il-Ministri ikkwotaw minn dokument li huma qalu li jifforma parti mill-konklużjonijiet tar-rapport Egrant, liema dokument ma jaqbilx mal-parti mxandra tar-rapport.

Skont xhieda bil-ġurament tal-Avukat Ġenerali, tal-Prim Ministru u tal-Ministeru tal-Ġustizzja, ebda wieħed minn dawn it-tliet Ministru ma kellu aċċess għal dik il-parti tar-rapport li ma ġietx imxandra.

Permezz ta’ rikors li ġie preżentat ftit ilu, Repubblika talbet spjegazzjoni mingħand il-Ministri dwar dak li kienu kkwotaw minnu iżda dawn wieġbu billi qalu li Repubblika ma kellhiex dritt tagħmlilhom il-mistoqsijiet.

Permezz tar-rikors l-iktar riċenti tagħha, Repubblika sostniet li huwa prinċipju bażiku fi proċeduri legali li għandu jkun hemm ugwaljanza għal kull parti. Jekk il-Ministri, bil-għan li jiddefendu ruħħom, jagħżlu li jikkwotaw minn dokument, min qed jakkużahom  — jiġifieri Repubblika — u l-Maġistrat li ntalab jiddeċiedi jekk għandhiex tinbeda’ nkjesta jew le, għandu jkollhom aċċess sħiħ għal dak id-dokument.