L-Oppożizzjoni tat indikazzjoni li m’hix bi ħsiebha tappoġġja abbozz tal-liġi li ressaq il-gvern biex bis-saħħa ta’ emenda fil-Kostituzzjoni jinqasam fi tnejn ir-rwol tal-Avukat Ġenerali, u jinżamm u jissaħħaħ il-kontroll li għandu l-prim ministru fuq dawk l-istituzzjonijiet li suppost għandhom is-setgħa li jikkontrollaw l-imġieba tiegħu.

Din hi aħbar tajba għaliex bis-saħħa ta’ dan l-abbozz sitwazzjoni li diġà hi ħażina mhix se tmur għall-agħar. Se nibqgħu f’sitwazzjoni ħażina.

Il-Kummissjoni ta’ Venezja f’parir li tat lill-gvern diġà tkellmet l-istat diżastruż tal-qafas istituzzjonali tal-pajjiż. U kien rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa li ma setax jifhem kif, f’pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, Ministri li nqabdu b’kumpanniji reġistrati fil-Panama tħallew jibqgħu f’posthom. It-tweġiba għal din il-mistoqsija hi l-istess tweġiba għall-mistoqsija li ġejja: għaliex għadna ma nafux min qatel lil Daphne Caruana Galizia?

Għaliex Joseph Muscat jiggverna mingħajr ma jmerih ħadd.

U hekk jrid li jkompli jagħmel.

Ħmistax oħra, l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa mistennija tiddiskuti riżoluzzjoni li għandha ssejjaħ biex il-gvern ta’ Malta jibda’ jimplimenta l-miżuri li ġew proposti mill-Kummissjoni ta’ Venezja. Il-mozzjoni tirrikonoxxi – għaliex il-gvern hekk kien taha x’tifhem – il-progress li għamel il-gvern bl-introduzzjoni ta’ riformi proposti mill-Kummissjoni.

Iżda kif stqarr il-bieraħ dak li kien il-kap tal-fakultà tal-liġi fl-Università, Kevin Aquilina, l-abbozz ta’ liġi propost mill-gvern “m’huwiex tal-livell mixtieq. Fih ħafna difetti u tfassal b’mod ta’ kafkaf. L-abbozz m’hu xejn ħlief parodija tal-konklużjonijiet tar-Rapport tal-Kummissjoni ta’ Venezja li xxandar f’Diċembru 2018. Huwa abbozz li jikser id-duttrina kostituzzjonali stabbilita, li tfassal b’mod mill-aktar medjokri u li huwa eżempju klassiku ta’ kif liġi m’għandha qatt tiġi mfassla”.

Diġà qed nara lil Owen Bonnici jitwerreċ hu u jirrimarka ma’ Kevin Aquilina li t-tidlik bix-xemgħa m’hu ser iwasslu mkien.

Ħmistax oħra l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa għandha tisma’ x’ser ikollu x’igħid ir-rapporteur tagħha Pieter Omtzigt. Dan mistenni jgħidilhom li l-abbozz ta’ liġi li jinsab quddiem il-Parlament “warrab bosta aspetti importanti li ġew irrakkomandati mill-Kummissjoni ta’ Venezja”.

Naf li bħalissa dan kollu m’huwiex iberren f’moħħ bosta nies. Iżda huwa fatt li s-sitwazzjoni hi serja ħafna.

Il-gvern m’huwiex baħnan. Mid-dehra kien jaf li r-reazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa kienet ser tkun waħda negattiva.

Il-gvern kuntent jara lill-emendi mogħtija l-ġenb: komdu jekk l-affarijiet jibqgħu kif inhuma.

Komdu bl-impunità li hawn bħalissa fil-pajjiż.

Tal-Kummissjoni Ewropea, qegħdin issegwuha din il-kitba?