It-tmexxija tal-PN tinsab f’dagħdiha ta’ firda politika. Meta l-membri parlamentari jirrikorru għall-WhatsApp groups jew għall-Facebook biex jesprimu n-nuqqas ta’ qbil tagħhom mal-linja tat-tmexxija tal-partit, hemm min isostni li jinħolqu l-fazzjonijiet. Dan m’huwiex neċessarjament il-każ: b’imġieba bħal din jkunu qed jiżfugaw is-sens ta’ disperazzjoni tagħhom minħabba malintiżi, nuqqas ta’ fiduċja u nuqqas ta’ komunikazzjoni.

Ir-reazzjoni tat-tmexxija tal-partit ġabet aktar firda għax għoġobha tagħmel użu mir-riżorsi tal-partit biex tispara fuq dawk fil-partit li, mill-perspettiva tagħha, qed juru nuqqas ta’ qbil.

Il-perċimes huma biss tnejn minn nies: Adrian Delia u Pierre Portelli. Dawn dejjem kienu fiċ-ċentru tal-inkwiet li ħolqu huma stess. Dawn kienu għabbew għal magħhom numru ta’ persuni minn ġewwa l-partit stess li kienu jħossu li ma setgħux jimxu aktar ‘il quddiem fil-karrieri rispettivi tagħhom: ilkoll persuni mżejnin b’kull lanżita warrab wiċċek.

Dawn kienu ħajjru lil Clyde Puli biex jingħaqad magħhom – bniedem li ma kienx kuntent li nħatar biss bħala segretarju parlamentari u ħass li seta’ jagħti sehem akbar, iżda baqa’ ma ngħatax l-importanza li kien dejjem imlebleb għaliha.

Kienu ħajjru wkoll lil Robert Arrigo li dam snin sħaħ jitlob biex jiġi aċċettat bħala kandidat tal-PN u meta, wara bosta snin u kontra qalbhom aċċettawh bħala kandidat, għamel numru ta’ snin oħra jixxennaq biex isir Ministru.

Ingħaqad magħhom ukoll Carmelo Mifsud Bonnici li kien tant ħa għalih meta kellu jitneħħa mill-Kabinett tal-Gvern ta’ Lawrence Gonzi u dan minkejja l-fatt li il-kaġun ta’ dan kollu ma kien ħadd ħlief Franco Debono. U għaliex ma setax ipattiha lil Franco Debono, kellu jeħel ħaddieħor.

Hemm ukoll Hermann Schiavone li, għal darba darbtejn, kien tneħħa mil-lista tal-kandidati tal-PN u li ġie elett għall-ewwel darba fl-2017 wara li kien ikkontesta l-elezzjoni għall-ewwel darba fl-1987. Ħass li ma kienx fdat u li ntwera’ nuqqas ta’ apprezzament fil-konfront tiegħu u għalhekk ried li jitmattar xi ftit.

Ieħor kien David Agius li f’ħajtu qatt ma kien ħolom li xi darba kien se jokkupa l-kariga ta’ viċi kap.

Kristy Debono ngħaqdet magħhom ukoll – persuna li żgur ħadd ma jimmaġinaha bħala l-kandidat ideali biex jieħu ħsieb il-finanzi u l-ekonomija tal-pajjiż.

Fl-aħħarnett hemm ukoll Jean Pierre Debono: bniedem li ra telfa elettorali wara oħra iżda li ra kif għamel biex baqa’ ggranfat mal-kontroll tal-informazzjoni li tagħtu ċerta influwenza fuq dawk il-membri tal-partit li għandhom il-vot.

Ma’ dawn kollha ingħaqdu numru ta’ attivisti rrabjati u diżappuntati bit-telfiet li kien qed iġarrab il-partit u li ttamaw fil-miġja ta’ Messija li kellu jwassalhom fl-art imwiegħda.

Iżda l-qofol ta’ kollox dejjem kienu Adrian Delia u Pierre Portelli.

Adrian Delia, bniedem inkompetenti li wera li m’għandu ebda esperjenza jew għarfien dwar ruħ il-partit u li m’għandu ebda idea dwar il-memorja kollettiva jew istituzzjonali tiegħu, ħadha kontra dak li sejjaħ bħala establishment u, meta wasal fejn kellu jasal, wera’ li ma kien preparat xejn għall-piż li kien daħal għalih.

Minn naħa l-oħra, Pierre Portelli – bniedem li għandu esperjenza biżżejjed biex jagħti pariri bħala konsulent lil mexxej motivat ta’ partit, ma kellux il-ħila li jiggwida u jħarreġ lil persuna li m’għandux l-iċken idea ta’ xi tfisser tmexxija. Ma kellux il-ħila li jagħmel użu tajjeb mis-setgħa mogħtija lilu u, sforz ir-rabja li ħakmitu, ra biss sal-ponta ta’ mnieħru.

Pierre Portelli baqa’ jispara mit-trinek u m’għarafx jinfatam minnhom. Tista’ tgħid kuljum, il-mezzi tax-xandir tal-partit użahom biex iwassal il-fehma tiegħu u, fil-proċess, warrab lil dawk kollha fil-PN li għandhom fehma differenti. U għax warrab id-djalogu u d-diskussjoni, in-nuqqas ta’ qbil pinġieħ bħala dissens u ribeljoni. Minflok kisser il-ħitan, kompla għollihom.

Hu u jeżerċita l-awtorità u s-setgħa tiegħu, nesa’ li ma jista’ qatt jinjora lil dawk li għandhom inqas awtorità u setgħa milli għandu hu. Ħarsu ftit lejn il-mod li bih jirreferi għall-Grupp Parlamentari tal-PN kemm direttament jew indirettament permezz tal-portavuċi tiegħu Adrian Delia.

Fuq ir-radju xela’ lid-deputati li dawn għamlu ħsara lill-partit bħallikieku dawn m’humiex membri tal-partit li ġew eletti mill-poplu għax ikkontestaw l-elezzjoni bħala kandidati tal-partit – dawn għandhom id-dritt li jitkellmu f’isem il-partit ħafna aktar milli għandu hu.

Sa wasal biex ipprova jindaħal f’laqgħat tal-Grupp Parlamentari – m’għandniex xi ngħidu, l-awtorità li mingħalih li għandu fuq dawn id-deputati teżisti biss fl-immaġinazzjoni tiegħu.

Għamel użu mill-għodda tal-qerq  – għodda li qajla tista’ tissejjaħ waħda leġittima fil-logħba politika li qed tintlagħab kontra l-Partit Laburista – kontra dawk li, minkejja l-awtonomija tagħhom li hu ma setax iġerraħ, suppost kellhom jitqiesu bħala alleati.

Ivvinta stejjer, qarraq bl-udjenzi tiegħu u qaleb fatti ta’ taħt fuq. Għamel dan kollu għax kellu s-setgħa u mhux għax kien fuq in-naħa tas-sewwa.

Fil-frattemp Adrian Delia jidher li la jaf huwiex ġej u lanqas huwiex sejjer: għadu ma fehemx li qiegħed inaffar dejjem aktar lil dawk li x’aktarx kienu vvutawlu.

Pierre Portelli, minn naħa l-oħra, dan fehmu sew – allura, ngħid jien, għaliex baqa’ jippersisti?

Fuq ir-radju dalgħodu Pierre Portelli qal li huwa jaf li fuq il-faċċata ta’ xi każini tal-PN qed jitwaħħlu kartelluni b’appoġġ għal Adrian Delia u dan b’risposta għat-twaħħil ta’ kartelluni ta’ protesta li talbuh biex iwarrab. Tkellem qisu mhux hu bħallikieku din l-azzjoni saret biex tpatti għal oħra. Bħallikieku jista’ jsib tarf ta’ dawk il-partitarji li jridu lil Adrian Delia jwarrab billi jfittex partitarji oħrajn li jriduh jibqa’ f’postu.

Xenarju bħal dan diġà rajnih iseħħ. Tal-MŻPN dan l-aħħar qalu li t-tmexxija tal-partit għandha terfa’ r-responsabbiltà għat-telfiet fl-elezzjonijiet li għaddew. X’għamlet it-tmexxija tal-partit? Fittxet grupp ieħor ta’ żgħażagħ li kienu lesti jistqarru li t-tmexxija ma taħti xejn.

Diżgustat, Mark Anthony Sammut irriżenja – iżda l-partit ikkritikah talli kien l-uniku bniedem minn fost it-tmexxija li refa’ r-responsabbiltà. 

Il-Grupp Parlamentari talab li tingħatalu tweġiba għall-isfida li saret lit-tmexxija tal-partit u t-tmexxija sejjħet lin-nies jinġabru biex juru l-appoġġ tagħhom.

Pierre Portelli jmissu jaf li għal kull azzjoni jkun hemm reazzjoni.

Partit li jasal biex jirreaġixxi għall-pressjoni interna jispiċċa biex jinqered.