Il-Prim Ministru l-bieraħ ħareġ ordni rjali biex jieqaf kull tħammil ta’ art u twaqqiegħ ta’ bini sakemm issir reviżjoni tar-regolamenti li, skont hu, huma l-kaġun tal-kroll ta’ binjiet.

Mill-bieraħ ‘l hawn il-Facebook imtela’ b’ħafna kummenti dwar din l-ordni u dwar l-assurdità tagħha. Din kienet ir-raġuni għala l-ordnijiet rjali kienu ġew aboliti mir-Rivoluzzjoni Franċiża u flokhom tqiegħed proċess adegwat biex joħloq il-liġijiet.

Il-liġijiet fil-Parlament igħaddu mill-ewwel, mit-tieni u mit-tielet qari mhux għax il-membri parlamentari jbatu mid-dyslexia iżda għaliex il-galbu hekk jitlob u għaliex huma perikolużi r-reazzjonijiet li ma jkunux imsejsa fuq riflessjoni.

Fil-Facebook qrajt post miktub minn perit li lill-kollegi tiegħu wissihom li saħansitra anki t-twaqqiegħ ta’ ħnejja f’residenza privata għandu jitwaqqaf anki jekk ix-xogħol ikun għadu nofs leħja.

Fil-frattemp, il-gvern baqa’ b’idejh fuq żaqqu anki f’dawk iċ-ċirkostanzi li jimmeritaw azzjoni. Li min spiċċa bla saqaf fuq rasu, l-gvern seta’ jagħtihom kull appoġġ biex igħinhom jegħlbu t-trawma.

Araw x’kitbet vittma tad-diżastru li seħħ il-bieraħ. Jidher li l-għaqdiet tal-karità ser ikollhom jidħlu biex jagħmlu tajjeb għan-nuqqasijiet tal-gvern.

L-ewwel laqgħa tal-Prim Ministru ma kienx messha saret ma’ tal-Għaqda tal-Iżviluppaturi. Dawn għandhom saqaf fuq rashom.

Kien messu ltaqa’ mal-familja li spiċċat bla saqaf u kien messu għallinqas wriehom li qed jagħmel xogħolu  – anki għal ġieħ wiċċ ir-ritratt tiegħu li din il-familja dendlet mal-ħajt tagħha.