Għejjun mill-Kummissjoni Ewropea qaluli li l-Kummissarju għall-Ġustizzja Vera Jourova saħqet dwar il-ħtieġa li r-riformi fil-qasam tal-ġustizzja għal Malta jiġu mgħarbla sewwa u li l-gvern Malti jikkonsulta mal-Kummissjoni ta’ Venezja.
Dan id-diskors il-Kummissarju Jourova qalitu f’Mejju li għadda waqt laqgħa fi Brussel mal-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici li tkellem mal-Kummissarju dwar il-pjanijiet tiegħu għall-ħolqien ta’ uffiċċju separat għall-Prosekutur-Ġenerali u dwar ir-riformi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ħatriet fil-ġudikatura.
F’Diċembru li għadda, tal-Kummissjoni ta’ Venezja kienu tkellmu dwar id-dgħjufijiet kbar li sabu fil-qafas Kostituzzjonali ta’ Malta. Waħda minn dawn id-dgħjufijiet tinsab fil-kunflitt fir-rwol tal-Avukat Ġenerali li jaġixxi ta’ avukat tal-gvern u ta’ prosekutur.
Minn dakinhar ‘l hawn, il-gvern ippropona bidliet fil-liġi bil-għan li jinfirdu r-rwoli iżda naqas li jindirizza kwistjonijiet fundamentali bħalma huma l-fatt li deċiżjonijiet meħuda mill-Avukat Ġenerali ma jistgħux jiġu kontestati u l-fatt li l-Avukat Ġeneral jinħatar mill-Prim Ministru.
Fil-fatt, il-Ministru Owen Bonnici wera’ biċ-ċar li l-gvern bi ħsiebu jibqa’ jaħtar lill-prosekutur ġenerali huwa stess u dan minkejja l-problemi li skoprew tal-Kummissjoni ta’ Venezja li huma marbuta mas-setgħat eċċessivi li għandu l-Prim Ministru fejn jidħlu ħatriet ta’ persuni f’karigi pubbliċi li qegħdin hemm biex igħarblu l-imġieba tal-gvern.
Ir-riforma fil-qasam tal-ġustizzja issa saret aktar urġenti għax il-gvern xorta waħda kompla għaddej bil-ħatriet ta’ wieħed minn għaxra tal-ġudikatura kollha u dan minkejja li kien għadu f’taħditiet mal-Kummissjoni dwar dak li suppost għandu l-ħsieb li jirriforma.
Meta Repubblika ipprotestat fil-Qorti kontra dawn il-ħatriet għar-raġuni dawn saru mingħajr ma ttieħdu in konsiderazzjoni l-proposti tal-Kummissjoni ta’ Venezja, l-Avukat Ġenerali wieġeb fil-Qorti li l-Kummissjoni ta’ Venezja kienet biss entità konsultattiva u li l-gvern ma kienx obbligat li joqgħod fuq il-pariri tagħha.
Kemm ilha li ħarġet bil-proposti tagħha f’Diċembru li għadda, l-gvern qatt ma qal li kien talab il-gwida tal-Kummissjoni ta’ Venezja dwar ir-riformi li ġew proposti.
Għejjun mill-Kummissjoni Ewropea qaluli li “kienu qed isegwu mill-qrib l-iżviluppi li kienu qed iseħħu f’Malta”.
Rapport tal-Kumitat dwar il-Ġustizzja u dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa jgħid li “l-awtoritajiet Maltin għandhom jimplimentaw b’urġenza r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom bixra koerenti u l-implimentazzjoni tagħhom għandha tieħu forma ħolistika. Mhux aċċettabbli li l-gvern jagħżel ir-rakkomandazzjonijiet li jrid u oħrajn iwarrabhom fil-ġenb. Il-proċess ta’ riforma għandu jkun wieħed miftuħ u inklussiv”.