Ta’ Xarabank ħabbru li għada Adrian Delia, bħala gladjatur prim, se jiddibatti ma’ Franco Debono, David Thake, Wayne Hewitt, George Tabone tal-Gram Jewellers u ċertu Jeremy Camilleri li jingħad li kien jaħdem mal-General Workers’ Union.

Lovin’ Malta  – nittama li b’mod ironiku – sejħet lil dan l-iżvilupp bħala “manuvra kuraġġjuża” minn naħa ta’ Adrian Delia.

Ejjew nassumu li l-gladjatur prim tagħna ser jirnexxielu jgħaffeġ taħt saqajh lill-avversarju tiegħu. X’ikun wettaq jew ipprova b’daqshekk? Li jkun Prim Ministru aħjar minn George Tabone tal-Gram? B’daqshekk mingħalih li se jkun qed jimpressjona lil xi ħadd?

Dak li ser iseħħ għada juri l-estremità tad-disperazzjoni li jinsab fiha Adrian Delia li saħansitra wasal biex aċċetta dawn il-kundizzjonijiet umiljanti biex ikun jista’ jidher fuq TVM. Jixbaħ ħafna lil dak il-politiku skadut li jaħdem f’The Thick of It li aċċetta li jiġi intervistat minn persuna liebsa lbies fil-forma ta’ koxxa tal-majjal.

Mid-dehra dawk li qed jagħtu l-pariri lil Adrian Delia ddeċidew li jaċċettaw dan il-format għaliex ftit huma dawk il-persuni li, paragunat magħhom, Adrian Delia  jista’ jaqta’ figura aħjar għal fuq it-televiżjoni. Għada ser ikun qisu bgħatuh biex jissielet mat-tfal tal-iskola. M’hi idea tajba xejn.

Fl-aħjar ipotesi, se nsiru nafu li Adrian Delia kapaċi jilbes aħjar minn David Thake, li għandu rekord personali aktar konsistenti minn Wayne Hewitt f’dawk li huma voti, li m’huwiex ammiratur daqshekk bil-miftuħ ta’ Joseph Muscat bħalma hu Jeremy Camilleri, li hu inqas …. instabbli … minn Franco Debono, u li għandu kondotta kriminali aktar nadifa minn dik ta’ George Tabone tal-Gram.

Mur obsor ħej.