Persuna li jbati minn każ serju ta’ ottimiżmu patoloġiku sejjaħ ir-riżultat tal-laqgħa tal-bieraħ tal-grupp parlamentari tal-PN bħala waqfien temporanju mill-ġlied sakemm jinstab modus vivendi.

Waqfien mill-ġlied jista’ jintlaħaq għar-raġuni li l-avversarji jkunu qatgħu nifishom u ma tibqagħlhomx tama li l-issuktar tal-ġlied jista’ jwassalhom għar-riżultat mixtieq minnhom. F’dan l-istadju l-ġlied jieqaf bil-għan li jkun jista’ jinstab tarf tad-diżgwid madwar mejda.

Il-waqfien mill-ġlied jista’ wkoll jintlaħaq wara li tkun ċediet naħa li mbagħad tkun tista’ tara kif se timponi kundizzjonijiet biex tkun tista’ tnaqqas il-prezz li jkun ikollha tħallas.

Fid-Dar Ċentrali l-bieraħ ma seħħ xejn minn dan kollu.

Wara l-għajjat kollu li seħħ tul dawn l-aħħar ħmistax, seħħ is-skiet għar-raġuni li ż-żewġ naħat spiċċawlhom il-porvli.

Fuq naħa waħda hemm Adrian Delia li issa huwa konxju tal-fatt li lanqas l-akbar illużjonijiet li jista’ jkollu ma jkunu jistgħu jsabbruh. Il-viċi kapijiet tiegħu abbandunawh. Pierre Portelli, li kien il-perċimes li kien ħeġġu biex jidħol għal din il-kariga, issa tassew tilef rasu. Dawk li sostnewh fit-tmexxija tal-partit, huma aktar moħħhom fil-problemi politiċi tagħhom u qed jiġu jaqgħu u jqumu minnu. Dejjem kellu dubju għandux biżżejjed appoġġ fil-Grupp Parlamentari. U issa huwa ċar li fil-Kumitat Eżekuttiv ma jgawdix l-appoġġ tal-maġġoranza.

Ċertament hemm madwar żewġ tużżani trolls li, jagħmel x’jagħmel, se jibqgħu jagħtuh l-appoġġ tagħhom. U forsi madwar kwint minnhom jispiċċaw imorru ma’ tal-Labour jekk qatt kellu jitwarrab. Iżda anki għal Adrian Delia din m’hix konsolazzjoni. Il-verità hi li dawn idejquh iżda jibqa’ jaħbi idu hu u jurihom il-gratitudni tiegħu għall-wirjiet ta’ appoġġ li jagħtuh.

Nofsu stordut, qisu Macbeth, idur madwar l-għalqa għax huwa l-uniku suldat tal-armata li baqa’ jferfer u li  – għax ħaseb li ħadd ma jista’ jlaħħaq miegħu – għadu ma jistax jemmen li tilef il-battalja.

Fil-Grupp Parlamentari hemm minoranza mdaqqsa – forsi wkoll maġġoranza żgħira – li qiegħda tħeġġu biex iwarrab.

Iżda l-agħar fosthom huma dawk id-deputati li jfesfsu fil-widnejn dwar il-ħtieġa li Delia jwarrab, iżda li meta jiġu għas-si u n-no jidħlu f’qoxrithom. Dawn m’hemmx agħar minnhom: qegħdin fil-Parlament biss biex jaraw kif ser jirnexxielhom jerġgħu jiġu eletti. Jien u nisma’ x’kellu xi jgħid il-bieraħ Andrè Callus f’Gwardamanġa dwar l-iżviluppaturi, ma stajtx ma naħsibx f’dawk il-Parlamentari li jinsabu fil-Parlament biss biex isaħħnu s-siġġu u li jġibu ruħħom b’mod biex la jfuħu u lanqas jintnu. Bir-riżultat li r-reżistenza għat-tirannija tal-korruzzjoni, tal-inġustizzji u tal-bażużliżmu jkollha ssir mit-toroq u fil-qrati.

Il-bieraħ fi tmiem il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari, Adrian Delia gideb meta stqarr li ħadd ma kien sfidaħ biex iwarrab. Gideb għax kienu mill-inqas għaxra mill-Grupp li talbuh biex iwarrab. U gideb minkejja li kien jaf kienet ser toħroġ fil-beraħ l-aħbar li kienet saret talba biex huwa jwarrab.

Immaġinaw ftit. Mexxej ta’ partit li jaspira li jsir prim ministru jigdeb minkejja li jaf li ftit ser ikunu dawk li jemmnuh.

Kull ma qed iżommu f’postu huwa l-biża’ ta’ wħud mid-deputati li jesprimu l-vera fehma tagħhom.

Illum Pierre Portelli ried juri li fehem il-messaġġ li bgħat Adrian Delia meta lill-ġurnalisti dan qalilhom li jikkunsidra kwalunkwe attakk fuq id-deputati tiegħu bħala attakk fuqu nnifsu.

Kien missu ilu li qalu dan id-diskors. Adrian Delia kien ilu żmien jattakka direttament ċerti deputati tal-PN. Tgħid Adrian Delia qed igħidilna li kien qed jikkommetti suwiċidju? Diskors bħal dan m’għandux għalfejn joqgħod igħidu.

Jeħtieġ li nifhmu r-raġuni għaliex Adrian Delia lissen dan id-diskors. F’kumment li għamel fil-Facebook, Pierre Portelli qal li Karol Aquilina mhux biss għamel ħażin meta aċċetta li jassistini legalment, iżda fl-imgħoddi meta kellu kariga fil-PN kien aċċetta flejjes b’mod li ma kienx kompatibbli mal-liġi elettorali.

Bħal donnu ried iżellaqha li hawn qed nittrattaw dwar offiżi kriminali li jwasslu għal piena ta’ ħabs.

Issa bħal donnu li Adrian Delia ntebaħ kemm huwa perikoluż – anki fil-konfront tiegħu – Pierre Portelli. Ma’ dak li stqarr Pierre Portelli llum fis-sens li kien ser iżomm is-skiet, huwa dendel kwalifika importanti: jekk Adrian Delia jispiċċa biex ikollu jwarrab, kien lest jikxef l-għawwar dwar attività kriminali li twassal għal piena ta’ ħabs.

Dan huwa t-tip ta’ waqfien mill-ġlied fi ħdan il-PN: issa li spiċċaw il-porvli, baqa’ biss it-theddid.

Waqt il-laqgħa tal-bieraħ, madwar nofs tużżana deputati lil Adrian Delia qalulu li jekk kellu jmexxi lill-PN fl-elezzjoni li ġejja 3 snin oħra, x’aktarx li l-PN jaqla’ tkaxkira akbar.

Għalija din is-sitwazzjoni hi ferm ‘il bogħod minn waqfien mill-ġlied.

Hi tlestija għall-forka.