Fil-Qorti, Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi ġabu r-raġunijiet tagħhom il-għala jidhrilhom li m’għandhiex issir inkjesta biex tgħarbel l-imġieba tagħhom fejn għandu x’jaqsam l-iskandlu dwar l-isptarijiet VGH.
Wieħed jeħtieġ li jifhem li, f’dan l-istadju, m’hix qed tiġi mgħarbla il-ħtija jew in-nuqqas ta’ ħtija tagħhom. Iżda, fid-dawl ta’ dak li diġà huwa magħruf, il-Maġistrat jeħtieġ jara jekk teżistix biżżejjed informazzjoni li tiġġustifika li ġbir ta’ provi dwar reat kriminali permezz ta’ nkjesta. U meta tintemm din l-inkjesta, tkun trid tittieħed deċiżjoni dwar jekk għandhomx jinħarġu akkużi li eventwalment iwasslu għal pro1ess fil-qorti li għandu jiddetermina l-ħtija jew in-nuqqas tagħha. Għalhekk il-kwistjoni dwar jekk hemmx ħtija jew le għadha lura ħafna.
Madankollu Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi mhux lesti li jidħlu f’riskju u, permezz tat-tweġiba tagħhom, ħarġu bil-mazza proverbjali għal min azzarda jgħid li huma b’xi mod kienu naqsu.
Araw x’kitbu dwar Repubblika: “din hi biss narrativa politika”; “giddibin”; “jippretendu li l-inkjesti maġisterjali għandhom ikunu nasbiet bażati fuq suspetti, spekulazzjonijiet u konġetturi miġjuba ‘l quddiem minn opinjonisti li jiġbdu l-ħbula ta’ avversarji li jimirħu fix-xena politika”.
Dwar The Shift News u dwar Caroline Muscat: “Dan il-blog huwa magħruf għall-artikli ta’ natura partiġġjana li jxandar kontra l-gvern immexxi mill-Partit Laburista. Għal bosta snin, Caroline Muscat kienet taħdem bħala ġurnalista mat-Times of Malta u kitbet stejjer kontra l-gvern… Caroline Muscat ingħaqdet mal-PN biex tmexxi l-kampanja elettorali bħala Campaign Director… Eżatt wara l-kampanja elettorali tal-2017, Caroline Muscat kompliet bl-attività politika tagħha bħala ko-fundatriċi ta’ The Shift News li jxandar artikli bi kritika kontra l-Partit Laburista.”
Dwar Daphne Caruana Galizia huma kkwotaw mill-inkjesta Egrant tal-Maġistrat Aaron Bugeja b’dawn il-preċiżi kliem: “Fil-kuntest tal-fatt li ġie pruvat b’mod sodisfaċenti li d-declarations of trust fil-proċeduri tal-inkjesta (Egrant) kellhom firem foloz, il-Kummissarju tal-Pulizija għandu jibda’ investigazzjoni bil-għan li jiddetermina min kien jew min kienu l-persuni responsabbli li ffabbrikaw, użaw u qassmu dawn id-dokumenti foloz”. M’għandniex xi ngħidu, il-firem setgħu faċilment ġew iffalsifikati minn mnejn kienu nħarġu, jiġifieri minn ħdan Mossack Fonseca innifisha, kif diġà kien ġie spjegat b’ċertu dettall.
Iżda Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi, s-suppost investigazzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija jagħtuha l-ġenb u b’mod indirett jitfgħu l-ħtija fuq Daphne Caruana Galizia.
Dan stqarruh hekk kif dalgħodu t-Times of Malta rrappurtat li Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi qalu li l-imġieba tagħhom ma tistax tiġi mgħarbla għaliex id-deċiżjonijiet li jieħu l-gvern permezz tal-Ministri hija mħarsa mill-kolleġġjalità tal-kabinett u għalhekk huma ma jistgħux jinżammu responsabbli individwalment għal kull ma jagħmel il-gvern.
Dawn qalu wkoll li ġaladarba l-Awditur Ġenerali qiegħed igħarbel il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet, m’hemmx ħtieġa għall-Maġistrat biex jagħmel dan ukoll – konvenjentement ħarbitilhom li l-Awditur Ġenerali m’għandux is-setgħa li jħarrek jekk jirriżulta li twettaq reat kriminali.
Iżda l-isbaħ waħda li ħarġu biha hi li Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi — bħala Ministri tal-gvern bis-setgħa li jonfqu l-mijiet tal-miljuni minn flus il-poplu — jippretendu li m’huma kontabbli lejn ħadd u li l-imġieba tagħhom ma tistax tiġi mgħarbla.
Iżda ma ġara’ xejn jekk fuq is-soċjetà ċivili u fuq il-ġurnalisti indipendenti jiftħu l-kanuni tal-kritika tagħhom b’akkużi infondati. Għal dawn is-setgħana, dawk li jikkritikawhom jew jippretendu li għandhom ikunu kontabbli bilfors huma persuni motivati mill-partiġġjaniżmu. Skont huma, ħadd m’għandu dritt li jgħarbel l-imġieba tagħhom għax, jekk xi ħadd jażżarda li jagħmel dan, dan ta’ bilfors ikun motivat politikament.
Il-kliem iebes li wżaw fil-konfront ta’ ġurnalista li kitbet stejjer li ma daqqewx għal widnejhom – Caroline Muscat — u l-attakki personali li għamlu huwa ta’ għajb. Tliet Ministri tal-kabinett marru l-Qorti u stqarrew li huma m’humiex kontabbli għall-imġieba tagħhom u li l-ġurnalista hija l-għadu tagħhom.
Hemm ħaġa oħra ta’ tħassib li semmiet The Shift News fl-artiklu li xandret il-bieraħ bil-lejl. Il-kwotazzjoni li siltu mir-rapport Egrant biex jippruvaw jiskreditaw lil Daphne Caruana Galizia qatt ma xxandret qabel u Repubblika għadha kemm għamlet talba fil-qorti biex tiġi identifikata l-persuna li kkwotat mir-rapport.
Il-kwotazzjoni tidher li nstiltet minn dik il-parti tar-rapport Egrant li għadha ma xxandritx u, jekk dan fil-fatt huwa l-każ, dan ifisser li Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi r-rapport suppost sigriet jafu x’fih.
Adrian Delia ma rnexxielux jipperswadi lill-Qorti biex tordna li jingħata kopja. F’dawk il-proċeduri, Joseph Muscat, Owen Bonnici, Peter Grech u Kurt Farrugia kienu kkonfermaw bil-ġurament li kopja tar-rapport Egrant ma ngħatat li ħadd aktar.
Jaqaw xi ħadd minnhom ħa ġurament falz?
Ma nagħmlux mod li dak li Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi xlew bih lil Repubblika – jiġifieri l-gideb – huma ħatja tiegħu huma stess?