Stqarrija ta’ Repubblika tal-lum:

IL-PARLAMENT M’GĦANDUX JAPPROVA EMENDI KOSTITUZZJONALI MINGĦAJR KONSULTAZZJONI

Repubblika hi mħassba bl-abbozz ta’ liġi li l-gvern qed iressaq illejla quddiem il-Parlament biex jemenda l-Kostituzzjoni u tappella lid-Deputati jirrifjutaw dan l-abbozz jekk iridu riformi Kostituzzjonali serji, li jindirizzaw il-problemi li suppost isolvu, u li huma adottati b’kunsens wiesgħa tal-komunità Maltija.

Mhux vera li l-emendi Kostituzzjonali li qed iressaq il-Gvern b’xi mod jindirizzaw it-tħassib serju tal-Kummissjoni Venezja dwar l-għamla u l-indipendenza tal-Avukat Ġenerali.

Kull ma jagħmlu l-emendi tal-Gvern hu li jifirdu f’żewġ persuni r-rwoli t’avukat tal-gvern u prosekutur ġenerali.

Iżda t-tibdiliet iħallu wieħed minn dawn ir-rwoli suġġett għall-awtorità tal-ieħor li jfisser li din m’hi separazzjoni xejn.

Agħar minhekk il-bżonn ta’ separazzjoni tar-rwoli jiġi mill-fatt li llum dak l-uffiċjal li jieħu deċiżjonijiet dwar prosekuzzjoni ta’ reati kriminali hu appuntat direttament mill-Prim Ministru. Il-Kummissjoni Venezja qalet li dan hu poter eċċessiv waqt li l-Kumitat tal-Ġustizzja u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa sab li dan il-poter eċċessiv kien l-isfond għal deċiżjonijiet li ma jinftehmux biex ma sarux prosekuzzjonijiet dwar korruzzjoni ta’ Ministri u persuni viċin il-Prim Ministru attwali.

L-emendi quddiem il-Parlament ma jbiddlu xejn mill-poter esklussiv tal-Prim Ministru li jagħżel lill-prosekutur.

Fl-istess waqt l-emendi tal-Gvern iħallu barra kunsiderazzjoni oħra gravi ħafna li d-deċiżjonijiet tal-Avukat Ġenerali f’Malta għad mhuma suġġetti għall-iskrutinju t’ebda qorti. Jekk l-Avukat Ġenerali jiddeċiedi li ma jħarrikx xi ħadd li jaf li wettaq reat, il-materja tieqaf hemm u ħadd ma jista jisfida d-deċiżjoni tiegħu.

Il-Gvern qiegħed jinjora l-pariri tal-Kummissjoni Venezja u minfuq jużahom bħala skuża biex ikompli jżid il-kontroll li għandu fuq l-istituzzjonijiet li suppost jgħassuh.

Minkejja l-appelli biex il-Gvern jikkonsulta b’mod wiesgħa qabel jemenda l-Kostituzzjoni, dan ma sarx. F’Marzu li għadda Repubblika għamlet sottomissjonijiet dettaljati lill-Kumitat ta’ Tmexxija dwar Riformi Kostituzzjonali fuq talba tiegħu stess dwar kif jistgħu jsiru konsultazzjonijiet adegwati bbażati fuq tgħalimiet minn riformi kostituzzjonali li rnexxew jew li ma rnexxewx fil-bqija tad-dinja. Il-Gvern injora dawn is-sottomissjonijiet u lanqas biss weġibhom.

Il-Parlament m’għandux jikkollabora f’dan il-ħtif mill-Gvern tal-poteri Kostituzzjonali li f’demokrazija li jixraqilha dak l-isem ma jkunux tiegħu. Id-Deputati għandhom dmir morali li jieqfu lill-Gvern u jinsistu li l-Kostituzzjoni tinbidel wara li ssir konsultazzjoni pubblika m’esperti, mas-soċjetà ċivili u mal-pubbliku.

Id-Deputati għandhom jinsistu wkoll li l-Gvern juri li qabel iressaq emendi li suppost qed isiru fuq il-pretest tar-rapport tal-Kummissjoni Venezja, ikun fil-fatt ħa l-parir tal-Kummissjoni dwar dawk l-emendi. Dan kif qaltlu jagħmel il-Kummissjoni Ewropea.

Jekk id-Deputati illum japprovaw dawn l-emendi Kostituzzjonali, jingħata sinjal preokkupanti tassew li ntlaħaq konsensus politiku f’Malta bejn il-partiti politiċi li bejniethom jikkonfoffaw bil-moħbi biex iċaħħdu liċ-ċittadini Maltin mid-demokrazija tagħhom.

Jekk min-naħa l-oħra d-Deputati jirrifjutaw dawn l-emendi kif aħna qed nittamaw li jiġri, dan m’għandux ikun l-iskuża tal-Gvern biex ma jaħdimx biex isiru t-tibdiliet Kostituzzjonali meħtieġa skond dak li tat pariri dwaru l-Kummissjoni Venezja.

Il-bidliet li neħtieġu għandhom isiru u jsiru ma jdumux. Iżda t-tibdiliet iridu jindirizzaw il-problemi fid-demokrazija tagħna li ġew identifikati speċjalment jekk dawn ifissru t-trażżin tal-poter eċċessiv tal-Prim Ministru. U għandhom isiru bis-sehem wiesgħa u serju tas-soċjetà ċivili.