Wieħed għandu mnejn jasal għall-konklużjoni li t-tmexxija qasira u mimlija skossi ta’ Adrian Delia waslet biex tintemm.
Iżda bis-saħħa ta’ wirja ta’ kunfidenza żejda, Delia xorta waħda qed jipprova jagħti l-impressjoni li għad jista’ jibqa’ jferfer fil-wiċċ.
Fil-laqgħa tal-bieraħ tal-Grupp Parlamentari, saħansitra lanqas il-viċi kapijiet tal-PN ma qabżu għalih. Jidher li Robert Arrigo u David Agius għamlu l-kalkoli tagħhom u dehrilhom li jkun aħjar għalihom jekk isoddu ħalqhom. Minkejja li t-tnejn kienu qrib tiegħu, x’aktarx ħasbu li jkunu jistgħu jżommu posthom fl-eventwalità li lil Delia tiddabbarlu rasu jew inkella jdabbarha hu.
X’aktarx li s-sottovalutar tal-preżent huwa l-agħar mod li bih wieħed jissielet mal-kriżijiet – wieħed għandu dejjem jiffoka fuq dak li jkun qed jiġri madwaru u mhux fuq dak li għad jista’ jseħħ. Għalkemm il-ġejjieni ma rah ħadd, ċerti konsegwenzi jistgħu jiġu evitati jekk tinħataf l-okkażjoni.
Ma naħsibx li l-bieraħ Adrian Delia baqa’ skantat b’dak kollu li sema’ fil-konfront tiegħu. Li kieku d-diskors tal-bieraħ ingħad fil-konfront ta’ xi ħadd li għandu l-kariga li qed jokkupa bħalissa, x’aktarx ma kienx ikun favur li din il-persuna ddabbar rasha.
L-infrastruttura kollha tan-Net qed tiġi manipulata b’tali mod bil-għan li l-mexxej tal-partit jkun jista’ jibqa’ jippersisti fl-illużjoni li kollox jinsab għaddej fuq ir-rubini u skond il-pjan.
Araw ftit l-aħbar li xxandret l-bieraħ dwar l-udjenzi dejjem jonqsu tan-Net u li saħansitra anki Radju Maria spiċċa għandu aktar semmiegħa. Il-mexxejja tal-partit serrħulna rasna li dan kien kollu ppjanat. L-istess pjan li ħadem b’mod dettaljat hekk kif il-PN ħareġ igħajjat li huwa “t-tieni l-akbar partit f’Malta”, ħadem ukoll meta tħabbar li “Net FM jinsab fis-seba’ post f’Malta f’dawk li huma semmiegħa”.
Madankollu l-isbaħ waħda kienet meta lis-semmiegħa tiegħu n-Net qalilhom li kienu nżammu l-udjenzi li kellhom.
Dan ma kien xejn ħlief gideb f’wiċċ is-semmiegħa, f’wiċċ il-partitarji, f’wiċċ il-ħaddiema tal-partit u f’wiċċ l-aġenziji tar-reklamar. Gideb sfaċċat, sistematiku u konsistenti li huwa prova ċara li l-kwalifiki biex isservi fil-ħajja pubblika huma neqsin.
Wara li ntemmet il-laqgħa pjuttost twila tal-Grupp Parlamentari, Adrian Delia ħareġ waħdu mil-laqgħa. Għebu dawk il-folol kollha li kienu ħeġġewħ ‘il quddiem b’rabja u entużjażmu l-ewwel darba li trijonfalment mess l-għatba tad-Dar Ċentrali bħala kap. Bosta minn dawk li kienu qrib tiegħu diġà telquh.
Herman Schiavone jinsab fl-eżilju. Kristy Debono saddet ħalqha. Jean Pierre Debono jinsab jilgħaq il-feriti li ġarrab. Clyde Puli aktar moħħu fil-pożizzjoni personali tiegħu u qed jara kif ser jibqa’ jterraq fil-wiċċ.
Kienu biss Carmelo Mifsud Bonnici u Edwin Vassallo li qabżu għal Adrian Delia: iżda Adrian Delia stess qed jintebaħ li ftit wisq huma dawk li jista’ jserraħ fuqhom.
M’hemmx dubju li, minkejja d-diskussjonijiet simboliċi mal-avversarji tiegħu, jista’ jagħżel li jkompli jispara mit-trinek.
Jekk jagħmel dan, ikun biss qed jipposponi dak li issa sar inevitabbli: li jikkrolla hu u jikkrolla kollox miegħu.
Sa sena, sentejn jew anki tliet snin mil-lum, Adrian Delia jista’ jkun għadu kap tal-Partit Nazzjonalista. Iżda meta ma jkollokx segwaċi, tispiċċa tkun il-mexxej tal-baħħ.
Tkun spiċċajt. U jekk għadek ma ntbaħtx li spiċċajt, dan ma jbiddel xejn mill-fatt li spiċċajt.