L-istqarrija tal-PN li xlietni b’“attakk viljakk u personali fuq Adrian Delia” ma ssemminix b’ismi. Tirreferi għalija bħala “blogger” li huwa t-tieni l-agħar insult li jista’ joħroġ bih Adrian Delia. Min jaf għadx jagħtini “promozzjoni” u jibda’ jsejjaħli “biċċa blogger”?
Il-bieraħ filgħaxija lil udjenza ta’ madwar 50 Kunsillier tal-PN f’Ħal Tarxien, Adrian Delia għamlilhom pantomima ta’ rabja kbira li tixbaħ ħafna dik li kien għamel meta ttanta jwieġeb għall-istejjer li kienet xandret dwaru Daphne Caruana Galizia matul il-kampanja għall-elezzjoni tal-kap.
Beda’ biex spjegalhom ir-raġunijiet għala kien waslilhom tard u qal li kellu jwieġeb għall-“gideb malizzjuż li xtered dwaru llum fejn ġew attakkati wliedu. Qal li ‘Eddie (Fenech Adami) kien għallmu meta kellu biss 16 il-sena li ‘aktar ma jattakkawna, aktar noħorġu sodi’.
Qal barkata ħmerijiet.
Sur Adrian Delia, jien m’jinix responsabbli għad-dejn tiegħek u għall-ħlasijiet fil-pront ta’ dan id-dejn. Ir-responsabbiltà għal dan hi tiegħek u tiegħek biss. Tifhem allura li meta tirċievi ittri ta’ twissija mill-bank li tibqa’ ma taqrahomx, tiġi penalizzat mill-bank u martek iddaħħlek il-qorti talli bqajt ma ħallastx dejnek, l-unika persuna li għandha tiġi mixlija li “attakkat lil uliedu” m’hix jien.
M’għandix idea x’seta’ kien qallek Eddie Fenech Adami meta kellek 16 il-sena. Mid-dehra dik kienet l-unika attività tal-PN li int qatt attendejt għaliha f’ħajtek qabel int inħtart kap tal-partit: allura jekk huwa veru li kien lemħek fil-folla f’Tal-Barrani, il-previżjoni li seta’ kellu dak il-ħin ma setgħetx ħlief kienet waħda mirakoluża. Iżda meta kien qed jirreferi għall-“attakki” li wieħed kellu jilqa’ għalihom, ma kienx qed jitħaddet dwar dejn li baqa’ ma tħallasx. Kien qed jirreferi għall-ġlieda kontra dawk l-elementi vjolenti li riedu jeqirdu l-libertajiet bażiċi tagħna.
Kien bla dubju jwissik kontra mġieba ta’ politiċi li jippretendu li ġew eletti “bl-aktar mod demokratiku” bħalma kien jippretendi li kien ir-reġim Laburista tas-snin 1981-1987 u li kien juża din l-iskuża biex jattakka l-libertà tal-kelma u jxewwex il-manigoldi biex isawwtu lil min juri nuqqas ta’ qbil.
Eżatt kif qed tagħmel int, Adrian Delia. Illum int mexxejt attakk kontra l-messaġġier, mgħejjun minn xi ġurnalisti li jridu l-art tiblagħhom talli ma ntebħux bil-protest ġudizzjarju ta’ martek qabel intbaħt bih jien. U allura qed jinfexxu jxandru l-akkużi ta’ barra minn hawn li qed tagħmel li jien qed nigdeb fuqek u fuq uliedek.
U l-attakk tiegħek komplewh għexieren ta’ trolls li, b’ħanġra daqshiex, qegħdin jimmaġinaw li ser ittajjarni karrozza tal-linja mit-tip li kienu ġew impurtati meta kont għadni naħdem mal-gvern.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, s-Segretarju Ġenerali tgħidx kemm skuża ruħu ma’ ġurnal ieħor meta tnejn mill-manigoldi tiegħek heddew ġurnalisti talli dawn ażżardaw jiktbu dwar it-taħwid fil-PN li int tinsab responsabbli għalih. Lill-ġurnalisti dan qalilhom li dawn il-manigoldi ma ġabux ruħħom kif ġabu ruħħom bl-awtorità tal-partit.
Int u toħroġ bl-attakki tiegħek biex tipprova żżomm fil-wiċċ politikament a spejjeż ta’ partit li l-aħħar darba li int għamilt xi ħaġa fih kien meta kellek 16 il-sena, forsi għandek tassigura li l-manigoldi tiegħek ma jażżardaw li jagħmlu xejn aktar li għalih ikollu joqgħod jiskuża ruħu s-Segretarju Ġenerali tiegħek.