Edward Scicluna għadu kemm ħarrek lil Simon Busuttil fuq malafama u qal li Simon Busuttil gideb f’tweets li xandar.

Dawn huma t-tweets li xandar Simon Busuttil.

Drajniha t-tattika ta’ min ikollu l-faħam miblul li jiftaħ kawżi vessatorji.

Liema minn dawn it-tweets hi gidba?

Mid-dehra Edward Scicluna qed jingħata parir mill-istess nies li kienu tawh parir li jikkwota mir-rapport Egrant – rapport li mhux suppost kien fil-pussess tiegħu. Issa l-Qorti tal-Appell għadha kemm ordnatlu li jgħid minn fejn akkwista kopja tar-rapport.

Forsi Edward Scicluna għal xi żmien jista’ jħossu xi ftit aħjar hekk kif itawwal naqr’oħra permezz tal-qorti. Iżda llum jew għada, jkollhom isiru l-kontijiet.

Kawża għal malafama tista’ tagħtih ftit tan-nifs u ttawwal u lin-nies ikun jista’ jgħidilhom li dak li qed jingħad fil-konfront tiegħu mhuwiex minnu. M’għandniex xi ngħidu, il-fatt jibqa’ li huwa kollu minnu li huwa s-suġġett ta’ investigazzjoni dwar ħasil ta’ flus maħmuġin.

Il-Maġistrat hekk ordnat: li għandha tinfetaħ inkjesta biex jinġabru l-provi u jiġu nvestigati numru ta’ reati kriminali li allegatament jinsab imdaħħal fihom Edward Scicluna.

Għalissa wieħed ikun qed jinfamah li kieku wieħed igħid li Edward Scicluna huwa ħati tar-reat ta’ ħasil ta’ flus maħmuġin. Huwiex ħati jew le, l-qorti biss tkun tista’ tgħidu. Iżda ż-żmien biss jista’ jagħtina parir il-kontijiet jispiċċawx isiru jew le.

Il-kawża ta’ malafama li għamel Edward Scicluna se trebbaħlu ż-żmien u se tagħtih l-opportunità li jgħid, f’xi sessjoni tal-Parlament Ewropew li tkun qed tgħarbel il-kredenzjali tiegħu bħala Kummissarju Ewropew potenzjali, li “dak kollu li qed jingħad dwaru mhuwiex minnu u huwa s-suġġett ta’ kawża ta’ malafama li jien ftaħt biex inħares ir-reputazzjoni tiegħi”.

Reputazzjoni? X’reputazzjoni?

Tista’ ddaħħalha f’għajnejk ir-reputazzjoni tiegħek Sur Edward Scicluna meta tikkunsidra l-ħsara li int għamilt lir-reputazzjoni ta’ Malta.

Madwar sena ilu, Reżistenza Malta kienet ipprotestat u talbet ir-riżenja tiegħek minħabba l-ħasil ta’ flus maħmuġin li seħħ taħt l-imnieħer Ministerjali tiegħek. Regolaturi Ewropej kienu qalu li tal-FIAU, li għalihom int politikament responsabbli, ma kinux qed jagħmlu xogħolhom kif suppost. Il-Pilatus Bank kellha tagħlaq minkejja d-difiża li int kont għamilt tal-imġieba tiegħek.

Sena ilu kien imissek warrabt minħabba l-istupidità kriminali, n-negliġenza u l-inkompetenza tiegħek.

Sena wara, il-Ministru li huwa responsabbli li jħares lil Malta mill-ħasil tal-flus maħmuġin u li fil-gvern huwa l-għassies prinċipali li għandu jara li jinżammu għoljin il-livelli fil-ġlieda kontra l-kriminalità finanzjarja, huwa s-suġġett ta’ inkjesta li għandha tiddetermina jekk kienx wieħed minn dawk li gawdew mid-dgħjufijiet li ppresieda fuqhom huwa stess.

Kienu r-regolaturi internazzjonali li ddokumentaw dawn id-dgħjufijiet. U l-unika raġuni il-għala r-reati li allegatament jinsab imdaħħal fihom għadhom ma ġewx investigati hi li l-pulizija qed tirrifjuta li twettaq id-dmirijiet tagħha. Allura kellhom ikunu l-ġurnalisti investigattivi f’Malta li kellhom ta’ bilfors jagħmlu xogħol il-pulizija.

Sena ilu Edward Scicluna tbissem meta ġie mitlub biex iwarrab. Min jaf għadux qed jitbissem issa?