Nifhem li Adrian Delia jaf li bosta huma dawk li tassew jixtiequ li jemmnuh. Iżda min jaf kemm hemm minn fost dawn li għalihom ma jkun ġara’ xejn jekk żewġhom ikellimhom b’dan il-mod. Il-lejl li għadda tkellem dwar kif jien ħriġt b’“attakk viljakk u personali fuq Adrian Delia” meta kulma għamilt kien li ktibt rapport dwar dak li ntqal f’dokument tal-qorti li xlieħ li qed jilgħab man-nar tant li wliedu jistgħu jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom minħabba pagamenti b’lura li ma ħallasx fiż-żmien stabbilit. Aktar tard xandar stqarrija li fiha kkonferma li kien tard fil-ħlasijiet li kellu jagħmel. L-istqarrija uffiċjali tal-PN tgħid hekk: “Il-każ li qed isir riferenza għalih inqala’ peress li Dr Delia ma rċeviex personalment l-avviż għall-ħlas fil-ħin u meta rċevihom għamel il-pagamenti mitluba minnu b’mod immedjat. Huwa għamel il-pagament mitlub ta’ €7,500 fis-17th ta’ Lulju”.
Dan ma jistax ħlief ifisser li huwa kollu minnu li l-pagamenti ta’ madwar €3,250 dovuti għal Mejju u Ġunju ma sarux. U, skont kif qal huwa stess, dawn il-pagamenti baqa’ m’għamilhomx sakemm irċieva avviż mingħand il-bank li fih ġie mwissi li kienu ser jgħollulu r-rata tal-imgħax b’penali ta’ 1% u li l-bank kien ser igħaddi biex imexxi bil-qorti jekk jibqa’ ma jħallasx sal-20 ta’ Lulju. Kienet martu li xlietu fil-qorti li, wara li rċieva t-twissija mingħand il-bank, huwa xorta waħda baqa’ ma ħallasx u dan wara li għamlet l-istħarriġ tagħha mal-bank fl-24 ta’ Lulju. L-hekk imsejjħa “riċevuta” li huwa għadda lil tal-Malta Today u lil tal- Illum “bħala prova li Manuel Delia qed jigdeb” m’hix prova li sar ħlas. Hi biss screenshot tal-iscreen tal-Internet banking ta’ xi ħadd li tidher qabel wieħed jagħfas il-buttuna tal-instruction to payment. Iżda anki jekk huwa veru li l-ħlas għamlu fis-17 ta’ Lulju, il-fatti m’humiex ser jinbidlu:
- Baqa’ m’għamilx żewġ pagamenti;
- Għax baqa’ ma ħallasx, il-bank waħħlu penali li jrid jitħallas mill-ġid li għad għandu in komun ma’ martu;
- Ġie mwissi li qed jilgħab man-nar u li l-bank jista’ jgħaddi biex ibiegħ id-dar fejn joqgħodu wliedu bis-subbasta.
Kif jaf kull min jissellef il-flus mill-bank, ma kellux għalfejn joqgħod jiġi mwissi: jew tħallas fil-pront jew inkella l-bank jista’ jbiegħ il-ġid li jkun qed jagħmel tajjeb għal dak is-self. M’għandekx bżonn toqgħod tistenna li tirċievi ittra ta’ twissija biex toqgħod tfakkrek. Iżda forsi Adrian Delia kien jeħtieġ li joqgħod jirċievi ittra qabel seta’ jifhem kif f’Lulju dlonk sab €7,500 fil-kont bankarju tiegħu u li kien jeħtieġ iħallas il-pagamenti li kienu dovuti f’Mejju u Ġunju, u li l-ittra kien jeħtieġha biex jiftakar li jekk kien ser jibqa’ lura fil-ħlas, id-dar residenzjali kienet ser tittieħidlu.
L-iskuża puwerili ta’ Adrian Delia hi li l-bank ma kienx bgħatlu l-ittra fid-dar tal-ġenituri tiegħu fejn bħalissa qed joqgħod.
M’għandniex xi ngħidu, f’din l-hekk imsejjħa risposta Adrian Delia ma jsemmi assolutament xejn dwar il-kont tad-dawl u l-ilma li għadu pendenti u li jgħodd eluf kbar ta’ ewro. Min jaf, forsi dawk it-trolls kollha ta’ Adrian Delia li xebgħu jgħajjruni fuq il-Facebook imisshom jittantaw ikollhom kont ta’ €19,000 dovut minnhom għas-servizz tad-dawl u l-ilma u jmisshom jaraw kemm idumu jferfru sakemm jinqatagħlhom is-servizz. Fir-risposta tiegħu ma jsemmi xejn ukoll dwar ir-rata miżjuda ta’ 3% fuq l-imgħax li weħel fuq dak li għandu jagħti fuq credit cards li huwa ‘l fuq minn €25,000. Min jaf, forsi dawk kollha li qed igħajjruni fuq il-Facebook talli kont “tant personali” jmisshom igħiduli x’jaħsbu li jista’ jiġrilhom kemm il-darba jtellgħu djun bħal dawn fuq il-credit card tagħhom.
Min minn fosthom jaħdem f’xi bank jew istituzzjoni finanzjarja jew li għandu kariga finanzjarjament sensittiva jaf sewwa li jekk jażżarda jagħmel dak li għamel Adrian Delia, x’aktarx jispiċċa qiegħed.
U ebda wieħed minn dawn qatt ma ttanta jsiru kap tal-parti jew prim ministru.