Edward Scicluna u Joseph Muscat ilhom sena sħiħa jħejjuk għal dan ir-riżultat permezz tal-ħruġ ta’ skużi mill-aktar irrilevanti u banali bil-għan li jippruvaw inaqqsu s-sinjifikat ta’ dan kollu.
Sa sena ilu, Edward Scicluna kien waħħal f’Daphne Caruana Galizia. Skont Scicluna, li kieku din ma nvestigatx lil tal-Pilatus Bank, li kieku ma kixfitx dak kollu li kien irriżultalha, li kieku ma kixfitx il-fatt li Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu ħolqu kumpanniji sigrieti fil-Panama, li kieku ma kixfitx it-taħwid kollu tal-gvern, Malta ma kienitx tiġi investigata dwar nuqqasijiet f’dak li huwa ħasil ta’ flus maħmuġin.
Dak li qal Scicluna m’huwa xejn ħlief ħmerija kbira. Għax huwa jaf li kull pajjiż ikun meħtieġ li jgħaddi mill-għarbiel tal-Moneyval. Għalkemm huwa mistenni li kull pajjiż ikollu n-nuqqasijiet fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus maħmuġin, ma kienx ikun possiblli li jitgħattew in-nuqqasijiet kbar li għandha Malta f’dan il-qasam.
Sa sena ilu Scicluna kien qal ukoll li tal-Pilatus Bank ma kienux jiġu mġiegħla jagħlqu – u tal-FIAU ma kienux jiġu mċanfra talli lil dan il-bank ma kienux għalquh żmien qabel – li kieku ma kienx David Casa li ġibed l-attenzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew.
Ħmerija grassa oħra. Għalkemm kulħadd jaf kemm irsista David Casa biex jikxef lill-korrotti u lill-ħallelin, l-isforzi tiegħu ma kienx ikunu biżżejjed li kieku dan ma tkellimx dwar il-korruzzjoni u l-ħasil ta’ flus li kien għaddej.
Edward Scicluna u Joseph Muscat bħal donnu ħasbu li dan l-iskandlu setgħu inaqqsu s-sinjifikat tiegħu billi jinjorawh.
U meta kollox sarilhom suf, f’attentat biex igħattu l-iskandlu, ġiegħlu lill-aġenziji tat-tbassir ekonomiku jgħollu l-aspettativi ekonomiċi ta’ Malta.
Araw ftit kif jumejn ilu l-istorja dwar kif tal-Moody’s għollew il-credit rating ta’ Malta għal ‘A2 stable’ ħarġet eżatt fl-istess żmien li xxandret l-aħbar li Malta ma kienitx għaddietx mill-għarbiel tal-Moneyval fejn għandha x’taqsam il-ġlieda tal-ħasil ta’ flus maħmuġin. Qishomx tal-Forbes huma u jsemmu lil El Chapo bħala negozjant mill-aqwa sakemm dan jintbagħat lejn l-Amerika biex jiekol ikla ħabs għal għomru fuq reati marbutin mal-flus li seraq??
Il-qofol tal-kwistjoni huwa dan: l-investituri lil min ser jemmnu? Lil tal-Moody’s jew lil tal-Moneyval?
L-aġenziji tat-tbassir ekonomiku ma jistax jingħad li huma kredibbli. Ftit qabel kienet seħħet il-kriżi ekonomika dinjija fl-2008, l-aġenziji tat-tbassir ekonomiku ma kienu xammew xejn u fl-ekonomija dinjija għalihom kollox kien ward u żahar. U minn dakinhar ‘l hawn dawn baqgħu jonqsu li jxommu l-inkwiet ekonomiku minkejja li dan kien jidher ċar fix-xefaq u wkoll baqgħu lura wkoll milli jnaqqsu r-ranking ta’ kumpanniji u pajjiżi li kienu sabu ruħħom fil-għawġ.
Kif kitbet The Conversation fl-2016, l-aġenziji tat-tbassir ekonomiku isegwu s-suq u huma l-market alerts li jwissu lil dawn l-aġenziji dwar il-possibilità ta’ nkwiet fis-swieq u mhux bil-maqlub.
L-investituri li jkunu qed ifittxu pajjiż b’reputazzjoni tajba fejn ikunu jistgħu jinvestu mhux lejn dak li jgħidu tal-Moody’s ser jaraw: li jħoll u jorbot ikun dak li jirriżultalhom tal-Moneyval .
Edward Scicluna u Joseph Muscat moħħom biss biex igħidulna li, tul dawn l-aħħar 6 snin, tal-Moody’s tellgħuna għal rating ta’ A2.
Iżda kienu wkoll Edward Scicluna u Joseph Muscat li wassluna għaċ-ċanfira tal-Moneyval. Din iċ-ċanfira kienu jafu li kienet ġejja u sa sena ilu kienu qed iħejju għaliha hekk kif kienu waslu hawn l-investigaturi qabel dawn fasslu r-rapport tagħhom.
Edward Scicluna u Joseph Muscat kienu jafu eżatt x’konklużjoni kienu ser jiġbdu dawn l-investigaturi u meta xxandar ir-rapport-ċanfira, ppruvaw jidfnuh.
Dan kollu biex Ali Sadr Hashemi Nejad seta’ jgħaddiha lixxa.
Mingħalihom.