Ritratt bħal dan iġiegħlek tieħu għalik?
B’dan tieħu għalik ukoll?
Jew b’dan?
Mela iftaħ widnejk sewwa. Se ngħidhielek darba biss: x’aktarx int Nażista u jmissek tmur tiddobba qargħa. Jew inkella jmissek taħdem ma’ tat-Torċa. Jew inkella int Nażista li taħdem ma’ tat-Torċa u jmissek tmur tiddobba qargħa xorta waħda.
Il-mod kif dawn għamlu plejtu sħiħ dwar ritratt tal-attriċi Pia Zammit fejn din tidher b’żewġ slaleb tan-Nażisti f’idha waqt li kienet wara l-palk f’nofs reċta ta’ ‘Allo! ‘Allo! fl-2009 fit-teatru Manoel iqallgħalek l-istonku. Dan ix-xahar ħlew żewġ paġni sħaħ fit-Torċa dwar din l-istorja “tal-waħx”.
Dawn bħal donnhom ma fehmux li qed nittrattaw dwar il-kummiedja ‘Allo! ‘Allo! li mhix xi produzzjoni eżoterika li tista’ tħawwad l-imħuħ tal-qarrejja tat-Torċa. Kulħadd sema’ bil-produzzjoni ‘Allo! ‘Allo! u f’Malta ħadd ma kien ħa għalih b’assurditajiet ta’ Erich von Klinkerhoffen, Kurt von Strohm, Hubert Gruber, Hans Geering, Otto Flick u Helga Geerhart.
Lil dawn il-karattri, ħadd ma kien ammirahom. Ħadd ma ggustahom. Iżda kulħadd daħak a spejjeż tagħhom. Dan eżatt kien l-iskop. U l-atturi li ħadmu l-partijiet rispettivi tagħhom m’għamlux dan għaliex f’moħħhom kellhom il-ħsieb li jokkupaw lil Franza huma u jisirqu xi opra tal-arti għaliex xogħol l-atturi huwa li jipprovokaw id-daħk.
Ħadd qatt m’għaddielu minn rasu li dawn l-atturi kienu b’xi mod qed jippromwovu lin-Nażismu jew li kienu qed japprovawh minkejja l-fatt li dawn l-atturi libsu lbies tal-Wehrmacht u għajjtu l-kliem “Heil Hitler”.
M’hemmx dubju li dan ir-ritratt ta’ Pia Zammit mill-2009 sabu xi ħadd li ftakar fir-reċta u li min jaf kemm kien daħak dakinhar. Iżda min għamel dan, x’aktarx għamel hekk wara li qara’ dak li jien ktibt dwar Nażisti ta’ veru bħal Norman Lowell u s-segwaċi tiegħu fejn jien kont urejt l-għadab tiegħi għall-fatt li kienet intużat immaġni marbuta man-Nażisti fuq nar li kellu jiġi sparat fil-festa ta’ Santa Marija u dan ix-xi ħadd dehrlu li dan kien mod kif seta’ jpattihieli.
Min kiteb l-artikli fit-Torċa huwa difensur tan-Nażisti li jien kont ikkritikajt. Li jfisser li min kiteb l-artikli huwa Nażist ukoll.
Ma setgħux jaqgħu aktar fil-baxx. Tat-Torċa apposta kitbu kollox barra l-kuntest: Pia Zammit m’hix biss membru tal-kumitat ta’ Repubblika u attivista tal-Occupy Justice iżda wkoll attriċi professjonali u r-ritratt li fih tidher bis-slaleb tan-Nażi f’idha kien inġibed fiż-żmien meta kienet qed taħdem parti teatrali f’‘Allo! ‘Allo!
Li kieku lill-qarrejja tat-Torċa qalulhom kollox, dawn kienu jintebħu bl-assurdità tal-istorja li xandru.
Illum it-Torċa xandret storja dwar Andrew Borg Cardona, kritiku ieħor tal-gvern u kontributur fuq din il-website, kif ukoll l-avukat ta’ diversi klijenti li sarulhom libelli minn ċerti tiranni li wħud kienu ażżardaw jikkritikawhom. Dawn tellgħu screenshots mill-paġna tal-Facebook tiegħu li fihom hemm kritika għal Matteo Salvini u fejn hemm kitba fis-sens li dan qed jikser il-kodiċi tal-etika għax għal sagħtejn fil-ġimgħa jgħallem fl-Università.
Kos, dawk li l-etika lanqas biss jafu xi tfisser huma komdi li jikkritikaw lil min jinsisti li kull minn għandu s-setgħa għandu jġib ruħu sewwa.
Ċertament Pia Zammit u Andrew Borg Cardona m’għandhom bżonn lili biex noqgħod niddefendihom.
Iżda jeħtieġ li wieħed jifhem li din is-sensiela ta’ stejjer fit-Torċa hi biss tappa oħra fil-kampanja li qed jagħmel l-istat biex jintimida lill-kritiċi tiegħu. Ċertament lil Pia Zammit wieħed żgur ma jistax jakkużaha b’simpatiji man-Nażisti.
Din il-kampanja hi ntiża biex taqta’ qalb l-attivisti u l-kritiċi, biex tipprova teqred il-kredibilità tagħhom u biex tbeżża’ lil kull min jitħajjar jingħaqad magħhom.
B’qerq liema bħalu, tat-Torċa għamlu paragun bejn ir-reċtar f’‘Allo! ‘Allo! ma’ inċident meta f’żogħżitu il-Prinċep Harry b’ċajta kien libes uniformi tan-Nażi għal festin li kien mistieden għalih.
L-għażla ta’ din l-uniformi għal festin kienet waħda imbarazzanti u meta nkixef wera’ ruħu mbarazzat.
Mill-banda l-oħra, lil Pia Zammit ma nġibdilhiex ritratt waqt li kienet f’xi festin: ir-ritratt kien inġibed waqt reċta li t-tema tiegħu kien Franza taħt l-okkupazzjoni Nażista. Pia Zammit, sa fejn naf jien, lanqas m’għandha xi demm irjali.
Wara kollox, mhux minn ewl id-dinja li min jirreċta waqt produzzjoni teatrali jew f’xi film jilbes ilbies marbut mal-okkupazzjoni Nażista ta’ Franza?
Ħadd ma kien ħa għalih meta Bruno Ganz ħadem il-parti ta’ Adolf Hitler. B’daqshekk ħadd ma xela’ lil Bruno Ganz li huwa xi simpatizzant tan-Nażisti. Xogħol l-atturi hu li jaħdmu l-parti. Jagħmlu tabirruħħom li huma fiż-żarbun ta’ ħaddieħor. Ma tistax tixli attur għad-dnubiet tal-karattru li tiegħu jaħdem il-parti.
It-tfal żgħar biss jirraġunaw b’dan il-mod. Tabilħaqq, għandi għalfejn dan kollu noqgħod nispjegah?
M’hemm assolutament xejn ħażin meta jinġibed ritratt ta’ attriċi fir-rwol li tkun ħadmet fih.
Mela, jekk jogħġobkom, dan it-tkażar falz aqtgħuh.
Ħadd ma kien ħa għalih meta xxandar ‘Allo! ‘Allo! Araw x’kienet kitbet it-Times of Malta dak iż-żmien.
Li kieku tat-Torċa kellhom sens veru ta’ dak li sewwa, mhux lil Andrew Borg Cardona kienu jikkritikaw iżda lil xi ħadd bħal Matteo Salvini.