Mid-dehra għadu ma bediex dak li kellu jkun il-proċess ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ tiswija li t-tmexxija tal-PN kien bi ħsiebha tniedi dakinhar li Adrian Delia ġie konfermat bħala mexxej tal-PN mill-Kunsill Ġenerali. Minn dakinhar ‘l hawn, ma jidhirx li kien hemm xi tibdil sinjifikanti fl-attitudni ta’ dawk li qed imexxu lill-PN. Ma tinħass ebda enerġija ġdida ġejja min naħa tat-tmexxija. Lanqas ma qed titnieda xi attività politika li tista’ b’xi mod tispira lin-nies. 

Għall-kuntrarju, matul dan is-sajf it-tmexxija tal-PN tmattret u daħlet f’qoxritha bħallikieku ħadet ir-ruħ kemm ilha barra miċ-ċentru tal-attenzjoni. L-istaġun tas-sajf minn dejjem kien żmien iebes għall-PN. Tradizzjonalment ħafna mill-mexxejja tal-Partit minn dejjem kienu membri tal-professjoni legali – professjoni li l-membri tagħha jkollok xorti tarahom b’nemes matul ix-xahar ta’ Awissu u fl-ewwel ġranet ta’ Settembru. 

Fiż-żmien twil li l-PN dam fil-gvern, is-sitwazzjoni f’dawn il-ġranet sħan dejjem baqgħet l-istess: mal-ħin tal-ikel, l-uffiċċji tal-gvern jagħlqu u l-ħaddiema jlebbtu ‘l barra. F’atmosfera letarġika bħal din, ftit ikollok aptit li tagħmel xi ħaġa. 

Ir-reżistenza kontra l-letarġija minn dejjem kienet speċi ta’ battalja mitlufa għall-ħaddiema li jaħdmu fid-Dar Ċentrali. U din ir-reżistenza ħafna drabi kienu jsostnuha bit-tħejjijiet għall-festi tal-Indipendenza fil-Furjana li jibdew ftit qabel nofs Settembru u jintemmu fl-20 tax-xahar ftit qabel jerġgħu jinfetħu l-iskejjel u x-xogħol jerġa’ jaqbad ir-ritmu normali.

Il-ġimgħa ta’ attivitajiet fil-Furjana kienet iddum xi ftit biex taqbad ir-ritmu. Iżda l-mass meeting li jagħlaq l-attivitajiet huwa opportunità għall-PN biex ifassal l-aġenda tiegħu għas-sena li jkun imiss, biex iwassal ħsibijietu dwar id-dibattitu tal-baġit f’Ottubru u biex ixammar kmiemu għax-xogħol.

Din is-sena naħseb li tkun sorpriża kemm il-darba l-attivitajiet  – li din id-darba ser isiru barra d-Dar Ċentrali minflok fl-akbar pjazza fil-pajjiż – iwasslu biex iħeġġu lin-nies bl-aspettattivi għal staġun politiku ġdid. 

Il-ġimgħa li għaddiet, l-artiklu li kiteb Emmanuel Galea fit-Times of Malta li fih huwa kkritika d-deċiżjoni tal-PN li jniedi l-attivitajiet tal-Indipendenza lil hinn mill-Furjana kien hemm min qal li huwa motivat mill-fatt li bintu bħalissa qiegħda tinnamra ma’ Adrian Delia u mill-fatt ukoll li huwa m’huwiex kuntent bih. Madankollu wieħed ma jistax ma jagħtix widen għal dak li kiteb is-Sur Galea. Diffiċli li ssib attivist wieħed biss tal-PN li ma ddiżappuntax ruħu bid-deċiżjoni li l-attivitajiet ma jsirux fuq il-Fosos.

Tal-Labour ser jagħmlu minn kollox biex jiżguraw li l-aġenda nazzjonali tibqa’ f’idejhom. Jeżistu indikazzjonijiet li Joseph Muscat bi ħsiebu jerfa’ u jirriżenja minn Prim Ministru wara li jgħaddi l-baġit għas-sena li ġejja. Dawk li qed jissieltu biex jilbsu ż-żarbun tiegħu qed ilestu ruħħom għat-tiġrija. 

Waqt li tkun għaddejja l-kampanja, m’hemmx dubju li xi ftit jew wisq ser ikun hemm attenzjoni żejda fuq il-Partit Laburista li tista’ tagħmel il-ħsara iżda – dejjem jekk ma jirbaħx it-tellieqa Konrad Mizzi – bil-wiċċ ġdid li ser ikollhom, tal-Labour x’aktarx ser jibqgħu igawdu mill-attenzjoni pożittiva tal-mezzi tax-xandir. 

Tabilħaqq din l-attenzjoni pożittiva kien messhom li rebħuha tal-PN. Iżda minħabba l-fatt li għamlu diżastru sħiħ bl-għażla tal-mexxej il-ġdid tagħhom, l-istampa ilħa żmien twil ma xxandar xi storja pożittiva.

Iżda din m’hix l-unika problema li tinsab ma’ wiċċ tal-PN. Teżisti inkoerenza kbira bejn dak li jixtieq ikun u dak li jixtieq iwettaq il-Partit. Il-vokazzjoni tat-tmexxija preżenti tal-PN saret biss dik li tirbaħ l-elezzjonijiet u, in vista tal-fatt li assolutament m’hemm ebda ċans li tintlaħaq din il-vokazzjoni, huwa inevitabbli li jibqgħu ser jiddendlu l-gdiedem fost l-attivisti. 

Fil-frattemp jidher li l-Partit baqa’ mingħajr sens ta’ missjoni u dan grazzi għall-fatt li, fejn jidħlu kwistjonijiet ta’ portata, ħadd ma jaf fejn hu ma’ Adrian Delia li ħadha drawwa li jitkellem skond il-burdata li jkun jinsab fiha u jistenna ċ-ċapċip sabiex ikun jista’ jibqa’ jferfer fil-wiċċ.

Dan jidher ċar minn dak li Justin Schembri għoġbu jikteb din il-ġimgħa b’tifħir għal Matteo Salvini. Dan huwa bniedem li tfaċċa fix-xena u ngħata prominenza bis-saħħa tal-appoġġ li huwa ta lil Adrian Delia. Minkejja l-fatt m’huwiex membru parlamentari, Justin Schembri b’mod stramb inħatar bħala kelliem tal-PN dwar l-edukazzjoni. Uffiċjalment il-kariga ta’ ministru dell tal-edukazzjoni tinsab f’idejn ħaddieħor, iżda jidher li ntbagħat biex jitkellem għan-nom tal-PN dwar politika li huwa stess ma jfassalx.

Din il-prominenza kollha mhix proporzjonata mal-kwalitajiet l-oħra li dan suppost għandu. 

It-tifħir li għamel fil-konfront ta’ Matteo Salvini kienet konsistenti ma’ wħud mill-istqarrijiet li kien għamel Adrian Delia fl-imgħoddi, bħal dakinhar l-kap tal-PN kien għamel ħafna għaġeb għall-fatt li ma fetaħlu ħadd wara li kien ħabbat il-bieb tal-għassa tal-Marsa l-Ħadd filgħodu u dan minħabba emerġenza li kienet teżisti biss f’moħħu.

M’għandniex xi ngħidu, ġaladarba Adrian Delia dejjem wera’ ruħu nkonsistenti fejn jidħol is-suġġett tal-immigrazzjoni, ma setax jonqos li kellu jkun l-appoġġ ta’ Justin Schembri lil Matteo Salvini li reġa’ tefa’ dawl fuq inkonsistenza ma’ stqarrijiet oħrajn li għamel Adrian Delia — qed nirreferi hawn għall-appell li għamel dan l-aħħar lill-gvern biex jippermetti l-inżul l-art tal-immigranti sakemm jinstab tarf politiku għall-kwistjoni.  

Filwaqt li Justin Schembri faħħar l-attitudni ta’ bla kompromessi ta’ Salvini fil-konfront tas-sieħba Ewropej, huwa pprova jbenġilha meta stqarr li jiddisassoċja ruħu minn dak li jrid Salvini – jiġifieri li jerħi lill-immigranti mdendlin bejn sema u ilma.  

M’għandniex xi ngħidu, dan il-logħob bil-kliem ma mpressjona lil ħadd. F’nifs wieħed ma tistax, per eżempju, tfaħħar lil Adolf Hitler u mbagħad tbenġel dak li tkun għidt billi tistqarr faħħartu għax kien bena’ toroq sbieħ u mhux għax kien ipprova jeqred lil Lhud minn wiċċ id-dinja.  

Li tiskantak hi r-reazzjoni tal-PN għaż-żelqa li għamel Justin Schembri fil-Facebook. Ma kienx politiku liberali bħal Karl Gouder biss li ħareġ għonqu biex jiddisassoċja ruħu minn dak li kien stqarr Justin Schembri.

Ma kinux biss membri parlamentari li kienu kkritikaw lil Adrian Delia mill-bidu nett, bħal Jason Azzopardi, li ddisassoċjaw ruħħom minn dak li kiteb Justin Schembri. Ma kinux biss il-werrieta ta’ mexxejja preċedenti tal-PN li wrew it-twemmin tagħhom favur id-dinjità tal-bniedem bħalma huma Beppe and Michael Fenech Adami, wlied Eddie Fenech Adami, li wkoll ħarġu għonqhom biex iżommu ruħħom ‘l bogħod minn dak li kiteb Justin Schembri.

Kien hemm ukoll Kattoliċi konservattivi bħal Michael Asciak li kkundannaw l-istqarrija ta’ Schembri.

U kien bis-saħħa ta’ dan l-inċident li Justin Schembri rnexxielu jitfa’ dawl fuq dik ix-“xi ħaġa” li fl-imgħoddi kienet iżżomm lill-PN magħqud f’entita’ politika waħda fejn setgħu jikkoabitaw liberali u konservattivi, Kattoliċi u sekolaristi, żgħażagħ u anzjani li lkoll kienu poġġew id-differenzi tagħhom fil-ġenb biex ikun jista’ jintlaħaq għan wieħed. 

Dik ix-“xi ħaġa” ma kinitx l-għan li jintrebħu l-elezzjonijiet. Ir-rebħ tal-elezzjonijiet mhuwiex għan li hu daqshekk importanti li jwassal biex id-differenzi jintefgħu fil-ġenb. L-għan li jintrebħu l-elezzjonijiet huwa l-għan ta’ min huwa biss għatxan għas-setgħa.  

Din ix-“xi ħaġa” m’hi xejn ħlief id-dinjità tal-bniedem, il-ġustizzja u s-solidarjetà: li l-gvern għandu jkun forza favur is-sewwa għal kulħadd, ikun x’ikun il-kulur tal-ġilda.

Hemm ħaġ’oħra wkoll li rnexxielu jagħmel Justin Schembri. Irnexxielu jitfa’ l-attenzjoni kollha fuq is-skiet li jtarrax ta’ mexxej tal-PN li ma kellu l-ħila li jgħid xejn hekk kif il-fehmiet diversi fil-Partit tiegħu ilkoll ikkundannaw it-tifħir li sar lil Matteo Salvini.

Minflok tkellem kif kien fid-dmir li jagħmel, Adrian Delia żar festa oħra u mar iċapċap lil Joseph Calleja fuq il-Fosos.

Min jaf?Forsi ħakmitu n-nostalġija għaż-żmien fl-imgħoddi meta l-Fosos kienu jimtlew bin-nies b’dak il-mod.