Il-bieraħ it-Times of Malta xandret storja dwar il-mod kif kumpannija tal-produzzjoni għat-televiżjoni ingħatat spazju biex taħdem fil-bini ta’ TVM. Din il-kumpannija hi waħda minn dawk li tikkompeti ma’ kumpanniji oħrajn għal kuntratti ta’ xogħol tat-TVM. Il-fatt li din il-kumpannija ser tiffranka l-ħlas tal-kera (biex ma nsemmix il-benefiċċju li se jkollha mill-użu tat-tagħmir tat-TVM) ser tagħtiha vantaġġ fuq il-kompetituri tagħha.  

Hawn min qed igħid li l-kera dovuta lil TVM mingħand din il-kumpannija għall-użu tal-istudio se tinqata’ minn dak li jkun dovut lilha mingħand it-TVM stess. Iżda min jifhem f’dan il-qasam malajr igħidlek li din il-kumpannija xorta waħda se tingħata vantaġġ għax ma jkollhiex għalfejn tiekol minn ġewwa biex tħallas il-kera.

Allura x’inhi r-raġuni il-għala din il-kumpannija ngħatat dan il-vantaġġ u kumpanniji kompetituri oħra ma ngħatawx l-istess opportunità li jikkompetu għal dan il-privileġġ?

Tat-Times of Malta ma taw ebda ħjiel dwar ir-raġuni għaliex.

Din il-kumpannija jisimha ‘Sharp Shoot Mediau, fi kliem ħaddieħor u b’xorti ħażina, din ma tiddiletax bil-pornografija. Din il-kumpannija kienet inħolqot ftit qabel l-elezzjoni tal-2013.

Wieħed mid-diretturi tagħha huwa ċertu Justin Farrugia li, fl-2103, kien qed iħejji ruħu għal karriera fix-xandir. Beda’ jterraq fit-triq tal-pappa fl-2014 b’kuntratt oħxon – mhux ħaġa tas-soltu għal kumpannija li bilkemm kienet għadha bdiet trodd is-salib – biex tipproduċi verżjoni partiġġjana u reviżjonista għall-aħħar dwar “Jum il-Ħelsien” – il-famuż jum li fih seħibna Mu’ammar Gaddafi fil-Birgu kien iċċelebra t-tluq tal-forzi tar-Renju Unit u l-bidu tar-renju tiegħu fuq Malta.

Justin Farrugia jiġi ħu persuna oħra li kienet qed tħejji ruħħa hi wkoll biex itterraq fit-triq tal-pappa għal wara l-elezzjoni tal-2013. Din il-persuna jisimha Kurt Farrugia, magħruf ma’ bosta nies bħala l-coconut, li sal-bieraħ kien il-kap tar-relazzjonijiet pubbliċi tal-gvern u li mil-lum ser ikun il-kbir tal-Malta Enterprise.

Araw ftit x’kiteb Justin Farrugia biex jifraħ lil ħuħ. Għandi nifhem li Kurt Farrugia wkoll feraħ lil ħuħ għall-ispazju li kiseb mingħand TVM iżda kien għaref biżżejjed biex iżomm xi ftit lura.

Darba waħda kien hemm mexxej Laburista li tgħidx kemm kien jitkaża bil-“ħbieb tal-ħbieb”.

Taħt dak li leħaq warajh, l-inċest akkwista tifsira differenti.