Qed iseħħu affarijiet ta’ barra minn hawn fil-każ ta’ jinsab imdaħħal fiħ Darren Debono. L-awtoritajiet tal-Italja u tal-Istati Uniti qed isegwu l-passi tiegħu. Iżda hu jidher li qed jiġri wara l-Gvern Malti minflok bil-kontra.
Fl-Italja, huwa ser igħaddi ġuri fuq akkuża ta’ bejgħ bil-kuntrabandu ta’ żjut u dan wara li nvestigazzjoni msejjħa Dirty Oil immexxija mill-awtoritajiet Taljani xliet lilu u lil ċertu George Debono (ma jiġux minn xulxin) talli kienu s-sensara fil-bejgħ ta’ żejt li ttieħed mil-Libja u li nżamm fi mħażen fl-Italja bil-għajnuna tal-Mafja. Isem Darren Debono, l-Istati Uniti niżżlitu fi blacklist ta’ dawk soġġetti għas-sanzjonijiet u dan talli “kien ta’ theddida għall-paċi, għas-sigurtà u l-istabilità tal-Libja” minħabba s-sehem tiegħu fil-bejgħ bil-kuntrabandu taż-żejt.
Minkejja dan kollu u minkejja li allegatament huwa mexxa’ l-attivitajiet illegali tiegħu bis-saħħa ta’ vapuri reġistrati f’Malta fl-ibħra territorjali Maltin – allegatament ukoll bil-koperazzjoni jew bis-saħħa tal-għeluq ta’ xi għajn waħda mill-awtoritajiet Maltin – ma ttieħdu ebda passi kontriħ fil-qorti mill-awtoritajiet Maltin.
Imbagħad, bħal sajjetta fil-bnazzi, feġġet l-aħbar li Malta qed tfittex li tapplika s-sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti fuq ċittadini tagħha, inkluż fuq Darren Debono. U l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Carmelo Abela ma damx wisq biex stqarr li din l-aħbar hija prova tad-determinazzjoni ta’ Malta li tissielet kontra l-kuntrabandu u l-ħasil ta’ flejjes maħmuġin. Li hemm stramb huwa l-fatt li passi bil-qorti f’Malta baqgħu ma ttieħdux. Darren Debono għandu l-ġid f’Malta u huwa wkoll sid ta’ ristorant li kien inbidillu ismu f’attentat li jaħrab is-sanzjonijiet Amerikani. Aktar tard dawn is-sanzjonijiet ġew aġġustati bil-għan li jintlaqat dan ir-ristorant minkejja t-tibdil fl-isem.
F’Malta iżda, japplikaw il-liġijiet Maltin. M’hemmx dubju li Malta tkun obbligata li tapplika s-sanzjonijiet tan-NU, iżda ċertament m’għandhiex bżonn riżoluzzjoni tan-NU biex tiċċaqlaq. Madankollu ma jidhirx li l-awtoritajiet Maltin bdew xi proċess biex jiġu mixlija Darren Debono u l-kompliċi tiegħu u dan minkejja dak li l-gvern qal pubblikament fis-sens huwa mistħoqq li dawn is-sanzjonijiet jiġu applikati fuqhom.
Aktar tard smajna li r-Russja ostakolat is-sanzjonijiet li talbet Malta u mbagħad, bl-aktar mod kontradittorju, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Malti qal li l-gvern m’għadux interessat li japplika s-sanzjonijiet kontra Darren Debono.
X’hemm wara dan it-taħwid kollu?
Skont rapporti tal-qorti mxandra llum, l-avukati ta’ Darren Debono qed igħidu li, fin-Nazzjonijiet Uniti, l-gvern Malti qed jipprova jintogħġob mal-gvern Amerikan, li minn naħa tiegħu qiegħed jagħmel pressjoni kbira biex jittieħdu passi kontra Darren Debono. Tal-iskantament huwa l-fatt li Darren Debono qed jitlob lill-qorti f’Malta biex twaqqaf lin-Nazzjonijiet Uniti milli tapplika s-sanzjonijiet kontra tiegħu jew b’xi mod twaqqaf lil Malta milli tikkonvinċi lir-Russja biex ma tkomplix topponi talba għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet.
Il-verità hi li f’din il-kwistjoni qorti Maltija tista’ tagħmel ftit li xejn u l-avukati ta’ Darren Debono ma nafx x’jippretendu li tista’ tagħmel qorti Maltija. Iżda Debono sab ix-xoqqa f’moxtha biex jagħmel stqarrija li tqanqal it-tħassib. Hu u jispjega li l-gvern Malti ċċaqlaq biss għaliex kien taħt pressjoni mill-Amerikani, Darren Debono qal li l-Amerikani ppruvaw jagħmlu pressjoni fuqu wkoll. Fi stqarrija ġuramentata li għamel f’Lulju li għadda, Darren Debono qal li l-Amerikani kienu talbuh igħaddilhom informazzjoni dwar persuni mdaħħla fit-traffikar tad-droga, dwar l-identità tal-klijenti tiegħu li kienu mdaħħla fil-bejgħ ta’ żjut bil-kuntrabandu u dwar il-mod kif kien iħallas lill-baħħara. Debono stqarr ukoll li l-Amerikani wiegħduh li jrattbu l-ħruxija tas-sanzjonijiet kemm il-darba jikkopera magħhom u jikxef dak kollu li kien jaf.
Illum għamel pass ieħor il-quddiem u stqarr li l-Amerikani talbuh jgħaddilhom informazzjoni dwar l-allegat involviment ta’ Joseph Muscat u ta’ Keith Schembri fil-kwistjoni dwar il-forniment ta’ żejt barra mill-ibħra territorjali lil bastimenti tal-gwerra Russi li kienu fi triqithom lejn is-Sirja li l-Prim Ministru ma kienx tahom permess jidħlu fil-portijiet Maltin. Darren Debono stqarr li lill-Amerikani ma riedx igħaddilhom informazzjoni għaliex “huwa l-prim ministru tiegħi, u jien m’jinix spjun”.
Din l-aħħar stqarrija ta’ Debono hi waħda li twaħħax. Araw kif Darren Debono ma ċaħadx li huwa jaf li Joseph Muscat kien imdaħħal fil-kwistjoni dwar il-forniment illegali ta’ żjut lil bastimenti tal-gwerra Russi u dan wara li, b’mod mill-aktar pubbliku, rrifjuta l-permess lil dawn il-bastimenti biex jidħlu fl-ibħra Maltin. Minn dan kollu ma ċaħad xejn u stqarr li l-Amerikani talbuh igħaddilhom informazzjoni, ħaġa li rrifjuta li jagħmel għaliex “Joseph Muscat huwa l-prim ministru tiegħu u jien m’jinix spjun”.
Hemm ukoll kwistjoni oħra. Meta f’Mejju 2017, kienet inkixfet l-identità tal-whistleblower fil-Pilatus Bank, Joseph Muscat kien stqarr li kellu s-suspett li din il-mara Russa kienet aġent tal-gvern Russu u li din kienet qed tipprova tiddistabilizza lill-gvern ta’ Malta bi tpattija għad-deċiżjoni tiegħu li ma jippermettix bastimenti tal-gwerra Russi jidħlu f’Malta. Dak iż-żmien, bosta kienu dawk li lil din l-istqarrija ma tantx tawha piż. Dak iż-żmien seta’ kellu affarijiet oħra f’moħħu minbarra l-Egrant.
Dak li jogħġbu jistqarr Darren Debono ċertament m’huwiex vanġelu. Dan huwa bniedem li, kemm il-darba jinstab ħati fl-Italja tal-akkużi li jinsab mixli bihom, ikollu jiffaċċja konsegwenzi serji. Barra minn dan, għandu wkoll ma’ wiċċu s-sanzjonijiet Amerikani li qed ixekklu lilu u lin-negozji tiegħu.
Madankollu, Darren Debono wera’ li f’Malta ma jista’ għalih ħadd u saħansitra ġie ngaġġjat bħala manager ta’ klabb tal-football lokali.
Illum fil-qorti Darren Debono kompla waqqa’ l-kredibilità ta’ Joseph Muscat meta stqarr li l-prim ministru jinsab taħt pressjoni kbira mill-awtoritajiet Amerikani biex jikkopera magħhom u dan biex jevita li jispiċċa fiċ-ċentru tal-attenzjoni huwa stess.
F’dan il-kuntest huma ferm sinjifikanti l-kummenti li għadda dan l-aħħar f’Malta l-assistent segretarju tal-istat Amerikan dwar l-iffinanzjar tat-terroriżmu u tal-kriminalità finanzjarja Marshall Billingslea meta tkellem ma’ Jacob Borg tat-Times of Malta. Jacob Borg kiteb li “ħafna drabi tittieħed azzjoni lokalment meta tinġibed l-attenzjoni tal-gvern minn awtoritajiet barranin. Per eżempju, fil-każ ta’ Darren u George Debono, l-azzjoni li ttieħdet lokalment għandha l-għeruq tagħha fl-investigazzjoni li saret fl-Italja”. U Marshall Billingslea, wara li tkellem dwar il-kumplessità ta’ l-attivitajiet li kien imdaħħal fihom Darren Debono, stqarr li “l-awtoritajiet Maltin, b’inizjattiva tagħhom stess, jeħtieġ li jmexxu bi proċeduri fil-qorti f’Malta stess. Din hi r-raġuni il-għala ninsab hawn: biex nara kif nista’ ngħin biex jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa”.