Darba minnhom kienu ħarrkuni talli lil xi ħadd sejjaħtlu “ipokrita”. Justin Schembri ma jistax iħarrikni talli sejjaħtlu “razzist” għaliex għamilt dan fuq stedina tiegħu stess. Ejjew naraw ftit il-għala kliemu jikxfu bħala ipokrita.
Waqt konferenza organizzata s-sena li għaddiet minn NGO Musulmana msejjħa Ahmadiyya Muslim Jamaat Malta, Justin Schembri kien tkellem għan-nom tal-PN bħala “kelliem dwar l-Edukazzjoni”.
It-tema tal-konferenza kienet “L-isfidi tas-seklu 21, l-Edukazzjoni u l-Paċi”.
Il-website ta’ din l-NGO li nediet il-konferenza fih sunt tad-diskors ta’ Justin Schembri:
“Mr Justin Schembri għan-nom tal-Onor. Ministru Dell għall-Edukazzjoni tkellem dwar il-mod kif qed jiddominaw il-media soċjali u dwar il-ħtieġa li wieħed jagħmel użu minn dan il-mezz b’responsabbiltà. Meta tkellem dwar l-isfidi attwali, huwa qal li: ‘l-edukazzjoni hija l-għodda li biha wieħed ikun jista’ jsib tarf kwistjonijiet bħal dawn. L-edukazzjoni twassal għal żvilupp uman u twassal għas-sliem. U meta titwaħħad mat-taħriġ tekniku, l-edukazzjoni twassal ukoll biex jitnaqqas il-faqar. L-edukazzjoni twassal għall-paċi, għall-għerf, għas-setgħa u għas-sigurtà”.
U llum fil-Facebook kiteb li r-refuġjati għandna nerħulhom jegħrqu u dawk li qed jirsistu biex isalvawhom huma kriminali u għandna naqfluhom il-ħabs.
Tassew eżempju ta’ użu tal-media soċjali li jispirak.
Dak li qed jirrakkomanda għal ħaddieħor għandu japplikah għalih innifsu. U lit-trolls li fuq il-Facebook qed jistaqsu il-għala ħassar dak li kiteb (jista’ jgħidilna il-għala ħassar dak li kiteb?) u dwar kemm għandu raġun.