Robert Abela jaf sewwa li, malli jinstab tarf tal-epidemija tal-coronavirus, il-qagħda tal-pajjiż ser tkun agħar milli kienet meta feġġet il-marda għall-ewwel darba. U kif dejjem jiġri kull meta l-pajjiż jinħakem minn xi saram, id-dgħjufijiet li ta’ spiss kienu jiġu injorati fiż-żminijiet tal-ġid wieħed jibda’ jagħti każhom aktar meta jaslu ż-żminijiet tal-għaks. Żminijiet li fihom in-nies tibda’ tapprezza aktar dak li tkun tilfet minħabba l-korruzzjoni u r-regħba. Is-solidarjetà fost in-nies li ħolqot l-epidemija ser tikkuntrasta mal-inugwaljanzi li dejjem qed jinfirxu u li nħolqu mill-attitudnijiet individwalistiċi u edonistiċi li kellna tul is-snin sa tmiem l-2019. M’hemmx dubju li ser ikollna nagħmlu t-tibdiliet u dan ser ifisser ukoll li s-soluzzjonijiet nofs kedda bis-saħħa ta’ xiri permezz tal-flus li konna drajna bihom taħt Joseph Muscat m’humiex ser jibqgħu japplikaw.
Robert Abela qed jifhem li, minkejja d-dgħjufijiet li għad hemm fi ħdan l-avversarju politiku ewlieni tal-Partit Laburista, minkejja l-fatt li ma kellu ebda tort għall-wasla f’pajjiżna tal-epidemija tal-coronavirus, minkejja l-fatt li – b’xorti ħażina għalih – fl-ewwel ġranet tat-tmexxija tiegħu kellu jiffaċċja l-akbar sfida li qatt rat l-umanità f’dawn l-aħħar 80 sena, l-elezzjoni ġenerali li jmiss għalih ser tkun waħda iebsa.
Lejliet l-elezzjoni ġenerali mhux ser ikollu wisq x’iqassam biex ikun jista’ jsaħħaħ l-appoġġ għall-partit tiegħu fost l-elettorat u x’aktarx li, tort tat-tmexxija ta’ dak ta’ qablu, xejn m’hu se jinżel għasel mas-segwaċi tal-partit tiegħu.
Il-flus li qed joħroġ il-gvern ikun jeħtieġ li jintraddu lura. Ikun jeħtieġ li jara kif se jiffinanzja l-ispejjeż li ġabet magħha l-epidemija u jkun jeħtieġlu jsiefer barra mill-pajjiż biex jipprova jattira l-investiment lejn Malta. M’hix ser tkun xi biċċa xogħol faċli. L-epidemija laqtet lid-dinja kollha. L-investituri kollha ntlaqtu ħażin u kull gvern ser jara kif jagħmel biex jegħleb lill-kompetituri sabiex jirbaħ l-investiment lejn pajjiżu. U bosta minn dawn l-investituri se jkunu nkoraġġiti mill-gvernijiet ta’ pajjiżhom biex jaħsbu f’pajjiżhom u biex jinvestu fih.
U Robert Abela ser ikollu jiffaċċja fenomenu ġdid: il-qgħad massiċċ. Għalkemm għad hawn minn jipprova jbellagħha li kien fl-2013 li telgħet ix-xemx f’Malta għall-ewwel darba, pajjiżna ilu aktar minn 25 sena ma jkollu qgħad li jaqbeż iċ-ċifra ta’ 4%. M’hix ħaġa ċerta li, hekk kif jinstab tarf tal-epidemija, ser ikollna l-qgħad fil-pajjiż. Iżda jekk ma nieħdux ħsieb minn issa biex nilqgħu għall-mewġ, il-possibilità li jkollna l-qgħad x’aktarx li ssir realtà.
Robert Abela dan kollu jafu sewwa u qed iħejji ruħu għal ċirkostanzi bħal dawn.
Huma bosta dawk li ntebħu li qed iberraq bejn Robert Abela u l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u li dawn qed jagħmlu l-bsaten fir-roti lil xulxin. Xi ftit mill-kaġun ta’ dan kollu ġej mit-tħanfis. Robert Abela xejn m’hu jieħu pjaċir jara lir-rival tiegħu għat-tmexxija tal-partit igawdi r-rispett kważi unanimu tal-poplu. Dan ma jfissirx li Chris Fearne ma żbalja qatt u li m’għandux jerfa’ wkoll ir-responsabbiltà tiegħu dwar il-kwistjoni ta’ Steward Health Care. Iżda n-nies qed tifhem u tħoss li kieku fil-pożizzjoni ta’ Chris Fearne hemm ħaddieħor, konna mmorru l-baħar. Tinsewx li, għal ġieħna, Konrad Mizzi kien għamel żmien bħala Ministru tas-Saħħa!
Biex inkun ġust ma’ Robert Abela, rrid ngħid li bil-prim ministru l-ġdid għamilna titjib meta wieħed jipparagunah ma’ dak ta’ qablu. Li kieku bħalissa Joseph Muscat għadu prim ministru, ma kienitx tkun ħaġa kbira li kien jitħajjar jagħmel bħal sieħbu Victor Orban u jissospendi d-demokrazija. Għall-grazzja tal-ħanin Alla, Robert Abela ma jimmaġinax lilu nnifsu bħala dittatur.
Madankollu għandu biżżejjed immaġinazzjoni biex jipprova jirbaħ elezzjoni u li jsir ikona tal-partit tiegħu. Issa hemm iċ-ċans li kollox isirlu suf. Il-5 metodi ta’ Joseph Muscat m’għadhomx igħoddu. Dawn il-5 metodi għandkom tiftakruhom:
- lill-udjenza li jkollok quddiemek, dejjem għidilha dak li jdoqq għal widnejha;
- lin-nies ikkuntentahom minkejja l-iżbalji li tkun għamilt;
- eqred l-infurzar;
- il-flus erħilhom jinfirxu, ġejjin minn fejn ikunu ġejjin;
- lejliet l-elezzjoni qassam aktar milli tkun tiflaħ.
Robert Abela dan kollu ma jistax jagħmlu, in parti tort tal-politika ta’ Joseph Muscat stess. Fl-2013 kien ħajjar ħafna nies jivvutawlu minħabba l-wegħda li kien għamel li jraħħas il-kontijiet tad-dawl. Wegħda bħal din, Robert Abela jista’ jkompli wettaqha għaliex il-prezz taż-żejt waqa’ għal-livelli tas-sena 2002. Iżda l-verità hi li ma jistax iraħħas għaliex Joseph Muscat kien għadda l-kontroll tad-distribuzzjoni tal-enerġija tagħna f’idejn iċ-Ċiniżi u l-kontroll tal-produzzjoni tal-enerġija f’idejn l-Ażerbajġan.
Għaldaqstant Robert Abela kien jeħtieġ li jħabbel rasu u issa qed iħejji ruħu biex, fl-elezzjoni li jmiss, ikun f’pożizzjoni biex jiġġustifika lilu nnifsu għall-għaks li ser iġibu magħhom ekonomija dgħajjfa, finanzi pubbliċi mgħaffġin, aktar taxxi u żjiediet fil-livelli tal-qgħad. Ser igħidilna li ma kienx tort tiegħu li l-ekonomija ddghajjfet minħabba l-epidemija u li għamel kulma seta’ biex itaffi t-tbatija. U li kien għal Chris Fearne, l-pajjiż kien jingħalaq mill-bidu nett u l-konsegwenzi kienu jkunu ħafna agħar.
Iċ-ċapċip li qed igawdi bħalissa Chris Fearne, Robert Abela jridu għalih. U malli jinsab tarf tal-epidemija, ibqgħu ċerti li ser iwaħħal fil-Ministru tas-Saħħa għall-għaks ekonomiku. Ser igħid li, kieku għaddiet tiegħu, hu seta’ evita l-għaks li ser ikollna ngħaddu minnu.
Politikament Robert Abela jrid jibqa’ jimraħ fil-wiċċ. U bħalma jiġri dejjem, tkun il-verità li tieħu l-ewwel daqqa.