Ian Borg reħielha għall-Facebook u, minn fuq il-pulptu għoli tiegħu, xela’ lil min qed jiġbed ċerti konklużjonijiet dwar il-qtil ta’ Myriam Pace – persuna li b’kumbinazzjoni kienet tgħix f’dar biswit ħofra kbira li tħaffret fl-art – bi  sfruttament ta’ din it-traġedja bil-għan li jikseb il-voti.

Bħala persuna li ta’ spiss insib lil min imerini fuq il-Facebook, impressjonajt ruħi mhux ftit bil-fatt li, b’risposta għall-kitba ta’ Ian Borg, kien hemm madwar 1,000 kumment li l-biċċa l-kbira tagħhom kienu kummenti ta’ kritika.

Għalkemm huwa minnu li mpressjonajt ruħi, fil-fatt ma kelli għalfejn niskanta xejn.

Milli jidher Ian Borg irid liċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż ikunu eternament grati lejh għad-diżastri li qed isibu ma’ wiċċhom bis-saħħa tal-korruzzjoni tal-gvern tiegħu.

Nieħdu eżempju. Fl-1986 kienet seħħet l-isplużjoni fl-impjant nukleari ta’ Chernobyl fl-Ukrajna Sovjetika u kienu nqatlu mas-60 ruħ. Dak iż-żmien il-popolazzjoni tal-Unjoni Sovjetika kienet tlaħħaq mal-291 miljun jew 0.00002% tal-popolazzjoni kollha.

Fit-traġedja li seħħet il-bieraħ, inqatlet persuna waħda minn popolazzjoni ta’ madwar 470,000 ruħ jiġifieri 0.0002% tal-popolazzjoni kollha. Jekk jittieħed proporzjon f’termini ta’ mwiet, it-tiġrif li seħħ f’Santa Venera kien 100 darba agħar minn dak ta’ Chernobyl.

Jeħtieġ jingħad ukoll li bis-saħħa tar-radjazzjoni li kienet ġiet ikkaġunata, kienu mietu qabel iż-żmien eluf oħra kemm fl-Ukrajna kif ukoll fil-Belarus. Hawn Malta, qiegħdin ngħoddu l-imwiet ta’ dawk li qed imutu qabel iż-żmien minħabba mard respiratorju kaġunat mill-industrija tal-konstruzzjoni? Għandi suspett li, hekk kif nibdew ngħoddu l-imwiet kollha kaġunati mit-trab u t-tniġġiż tal-arja li jġib miegħu it-tagħmir li tuża l-industrija tal-kostruzzjoni, għandna nsibu li l-kostruzzjoni f’Malta tmarrad nies daqs kemm kienet marrdet nies it-teknoloġija nukleari Sovjetika.

Hawn min forsi jistaqsi: kif qatt jista’ jgħodd dan il-paragun? Igħodd għaliex wara li seħħet it-traġedja ta’ Chernobyl, l-istat Sovjetiku kien infexx fl-istess logħob propagandistiku li qed jinfexxu fih Ian Borg u Robert Abela. Wara l-każ ta’ Chernobyl, kienu saru arresti fil-pront ta’ nies li kienu direttament responsabbli għal dak li kien seħħ. Iżda fl-istess waqt, l-istat Sovjetiku beda’ jixli lil kull min xeħet it-tort tal-isplużjoni fuq fallimenti istituzzjonali, bi skopijiet ulterjuri kontro-rivoluzzjonarji u b’qadi tal-interessi Amerikani.

Hawn Malta, ma’ ras Ian Borg weħlu n-Nazzjonalisti li – skont hu – bdew jisfruttaw “il-mewta traġika” tas-Sinjura Pace “bil-għan li jirbħu l-voti”. Ara ma jkunx hemm xi ħadd li jipponta subgħajh lejn il-fallimenti tal-Ministru Ian Borg, għax b’rasu jdur! Ara ma jkunx hemm xi ħadd li jistaqsi mistoqsijiet rilevanti u jitħajjar li jivvota għall-dawk il-mingħulin ta’ Nazzjonalisti!

Fil-ktieb ċelebri Animal Farm ta’ George Orwell, il-kelliem tal-ħnieżer jirrepeti l-istess tweġiba kull darba li xi wieħed mill-annimali fir-razzett juri t-tħassib tiegħu dwar il-mod kif kien qed jitmexxa r-razzett. Il-ħnieżer jistaqsu b’ton ta’ theddid jekk l-annimali l-oħrajn iridux lura lill-gabillott xurban li kellhom biex imexxi r-razzett. M’għandniex xi ngħidu, ħadd mill-annimali ma jrid jerġa’ jara lill-gabillott lura fir-razzett u d-diskussjoni għaldaqstant tieqaf hemm.

L-isplużjoni ta’ Chernobyl kienet seħħet għaliex dawk li kienu qed imexxu l-impjant ma kellhomx it-taħriġ meħtieġ, kienu ambizzjużi żżejjed u kienu wkoll traskurati f’xogħolhom. Kienet seħħet ukoll għaliex il-gvern Sovjetiku kien għamel użu minn teknoloġija rħisa bil-għan li jipprova jikseb riżultati mgħaġġlin u fl-istess waqt ħeba kull informazzjoni li setgħet tevita l-inċident għaliex kienet informazzjoni politikament imbarazzanti.

Nistgħu nagħmlu paragun mal-mod kif il-gvern Malti fetaħ il-bibien beraħ għal żvilupp mhux regolat u, ħelu ħelu, warrab it-tnedija ta’ rapporti ġeoloġiċi li fl-imgħoddi kienu meħtieġa għal każijiet bħal dawn biex setgħu jiġu evitati d-diżgrazzji.

Chernobyl kien il-bidu tat-tmiem tar-reġim Sovjetiku. In-nies ma kienux lesti li jkomplu jibqgħu kwieti u bdew jagħmlu l-mistoqsijiet pertinenti. Bdew ukoll joħolqu għaqdiet favur l-ambjent minkejja l-fatt li, dak iż-żmien, dawn kienu llegali u mal-mogħdija taż-żmien dawn ittrasformaw ruħħom f’partiti politiċi li ma kienux iħaddnu l-ideoloġija komunista.

Fl-Unjoni Sovjetika fl-1986, kien hemm bosta li kienu ġabu ruħħom bħal Ian Borg. Dawn kienu nies arroganti li ħasbu li ma jista’ għalihom ħadd u li ħadd ma jista’ jmisshom. Kienu ħasbu li kellhom is-setgħa li jsikktu lil kulħadd bit-theddid dwar l-Amerikani. F’temp ta’ ftit snin, spiċċaw barra mill-gvern.

Ian Borg imissu jifli sewwa ‘l fuq minn 1,000 kumment li s’issa attirat il-kitba tiegħu fil-Facebook. Id-destin politiku tiegħu jinsab jimraħ fost dawk it-tweġibiet.

Is-saqaf li għandu fuq rasu fil-Ministeru tiegħu huwa sod u mhux ser jiġġarraf.

Madankollu għandu jifhem li s-soqfa politiċi għandhom il-ħabta li jiġġarrfu f’radda ta’ salib bħas-saqaf li ġġarraf fuq ras l-imsejkna Sinjura Pace.