Fit-8 ġimgħat li ġejjin, il-gvern stqarr li jrid ilesti sptar temporanju li jkun jesa’ 84 sodda.

Din l-istqarrija tqajjem numru ta’ mistoqsijiet li l-gvern kien messu weġibhom qabel sirna nafu dwar dan l-iżvilupp.

L-ewwel, liema hu ż-żmien li fiħ il-gvern qed ibassar li Malta ser ikollha l-ogħla numru ta’ persuni morda bl-epidemija? Fejn tinsab Malta paragunata mal-esperjenzi ta’ pajjiżi oħra li diġà leħqu l-quċċata f’dawk li huma persuni infettati? Malta se tilħaq din il-quċċata wara li jkunu għaddew 8 ġimgħat mil-lum jew din ser tintleħaq bejn issa u t-tmiem tat-8 ġimgħat li fihom irid jitlesta l-isptar temporanju ta’ emerġenza?

It-tieni, x’ried ifisser il-Ministru Chris Fearne meta nhar il-Ħadd li għadda stqarr li r-riżorsi kollha nazzjonali ser jintużaw biex tingħata kura fl-isptar lill-pazjenti nfettati bil-COVID-19? Dawn ir-riżorsi nazzjonali jinkludu l-isptarijiet mmexxija minn Steward Health Care? L-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex jinsabu mħejjija biex jilqgħu l-pazjenti nfettati bil-COVID-19? Jekk it-tweġiba hi “iva”, kemm ser jakkomodaw pazjenti u meta ser ikunu lesti biex jilqgħuhom?

It-tielet, jekk l-isptarijiet li jinsabu f’idejn Steward m’humiex jitħejjew biex jilqgħu l-pazjenti nfettati bil-COVID-19, x’inhi r-raġuni li dawn m’humiex jiġu kunsidrati bħala li huma sptarijiet tajbin għal dan il-għan? Fil-kuntest tal-emerġenza li ninsabu fiha, għaliex sptar pre-fabrikat huwa kunsidrat bħala l-aħjar u l-eħfef soluzzjoni u soluzzjoni li hi wkoll irħas?

Il-Ministru Chris Fearne għamel żewġ stqarrijiet: l-ewwel, li proprjetà ta’ natura medika fil-pajjiż għandha tkun għad-dipożizzjoni tal-gvern biex ikun jista’ jirbaħ din il-gwerra kontra l-epidemija, hu min hu sid din il-proprjetà. Dan għandu jfisser li jekk hemm sodod fi sptar li jgħoddu għall-kura ta’ pazjenti nfettati bil-COVID-19, Chris Fearne ser jitlobhom u, jekk dawn is-sodod ma jingħatawlux bis-sewwa, jkollu jieħodhom bid-dnewwa.

It-tieni stqarrija hi fis-sens li qed ikun hemm koperazzjoni sħiħa minn naħa ta’ Steward Health Care. X’kwalità ta’ koperazzjoni talab mingħandhom? Ir-riżorsi li jinsabu f’idejhom, kif qed jistenna’ li jintużaw?

Wieħed jittama li l-gvern fehem li r-rabja tan-nies għad-deċiżjoni li kienet ittieħdet biex jinbiegħu tliet sptarijiet, kulma jmur qed tiżdied. U l-gvern imissu jiftakar ukoll li n-nar tar-rabja tan-nies kompla jitkebbes minħabba s-suspetti raġjonevoli li jeżistu ta’ korruzzjoni tenut kont tal-involviment ta’ Konrad Mizzi u ta’ Joseph Muscat fil-kwistjoni.

U din ir-rabja għad trid tkompli tinfirex jekk, kaġun ta’ din il-privatizzazzjoni żbaljata u s-suspetti ta’ korruzzjoni, ser ikun hemm pressjonijiet kbar u bla bżonn fuq dak li fadlilna mis-servizz pubbliku tas-saħħa u fuq it-tobba, fuq l-infermiera u fuq il-ħaddiema mediċi li jista’ jwassal biex ikollna ta’ bilfors nagħmlu għażliet li jfissru ħajja jew mewt, liema għażliet ma kienx ikollna għalfejn nagħmluhom li kieku l-gvern żamm f’idejh dawk it-tliet sptarijiet.