Tas-Civil Society Network ta’ spiss iniedu s-sondaġġi permezz tal-Facebook. Dawn is-sondaġġi m’humiex imsejsin fuq fatti xjentifiċi u minnhom innifishom m’humiex informattivi. Barra minn hekk ir-riżultati tas-sondaġġi kważi qatt ma jixxandru u huma biss rilevanti għall-argumenti li x’aktarx jistgħu jinġiebu mill-persuna jew l-organizzazzjoni li tagħmilhom.

Madankollu n-nies tinġibed bħad-dubbien għal dawn l-hekk imsejjħa sondaġġi online.

Minkejja l-implikazzjonijiet etiċi li jista’ jkun hemm, m’hux ser niddejjaq nagħmel xi ftit kummenti.

Tas-CSN niedew sondaġġ u staqsew lin-nies dwar jekk Adrian Delia għandux jibqa’ bħala kap tal-PN jew inkella jwarrab.

Agħtu daqqa t’għajn lejn l-ismijiet ta’ dwak li vvutaw biex Adrian Delia jibqa’ fejn hu. Wieħed mill-votanti li hu favur li jżomm postu Adrian Delia hu Ian Joseph Abdilla li għandu paġna tal-Facebook mingħajr ir-ritratt tas-sid. F’din il-paġna wieħed jista’ jsib ritratti ffirmati minn Ian J. Photos.

Jista’ jkun kumbinazzjoni li hemm ċertu Ian J Abdilla li kien il-kap tal-Economic Crimes Unit fi ħdan il-korp tal-pulizija li ukoll jagħmel xogħol ta’ fotografu professjonali.

Kumbinazzjoni?

Jekk huwa minnu li ż-żewġ persuni bl-isem ta’ Ian J Abdilla huma l-istess bniedem, inħeġġiġkom taħsbu ftit. Dak li, quddiem inkjesta pubblika, ammetta li xeħet provi dwar korruzzjoni fil-kxaxen biex irabbu t-trab, ivvota fis-sondaġġ biex Adrian Delia jibqa’ f’postu bħala Kap tal-PN. Lil Ian Abdilla jidher li ħarablu d-diskors ta’ Adrian Delia li fih instema’ jgħid li, tant qed ikun effettiv fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li ser jibqa’ jmexxi lill-PN.

Sirna pajjiż tal-kummiedji.

Tiftakruh lil Boss Hogg? Rosco wkoll riedu jibqa’ f’postu.