Diġà hi ħaġa tat-tkexkix li xhud ewlieni tal-prosekuzzjoni jispiċċa jilgħabha mal-mewt kaġun ta’ ġrieħi gravi fuq ġismu. Iżda impossibbli li wieħed ma jitħassibx meta jara lill-Pulizija tiġbed konklużjoni tant mgħaġġla li Melvyn Theuma kien weġġa’ lilu nnifsu u fl-istess ħin tipprova tbellagħha li dan kien każ ta’ suwiċidju meta l-vittma kien għadu lanqas wasal l-isptar.

Għaliex kien daqshekk importanti għall-Pulizija li bilġri tiddikjara pubblikament li dan kien każ ta’ attentat ta’ suwiċidju? Għaliex ma stennietx sakemm Theuma jiġi eżaminat medikament mit-tobba sabiex isiru jafu x’inhi l-opinjoni professjonali tagħhom?

Waqt li kien f’daru, Melvyn Theuma kien waħdu? Din kienet ħaġa normali? Jekk huwa minnu li l-Pulizija rċeviet telefonata mingħand l-avukat ta’ Theuma li dan ma kienx qed iwieġeb it-telefon, kemm dam l-avukat sakemm iddeċieda li jinforma lill-Pulizija?  Wara li kellimhom l-avukat, il-Pulizija kemm damet sakemm ippruvat tidħol fid-dar ta’ Theuma?

Mart Melvyn Theuma kienet f’darha jew kienet barra minn darha? Il-għala l-Pulizija qagħdet tistenna sakemm waslet hi? Kemm damet tistenna?

Il-bieraħ Melvyn Theuma kellu żjarat minn xi persuni? It-telefonati li kien qed jagħmel kienu qed jiġu mgħarbla? Il-bieraħ min żaru?

Il-Pulizija kellha tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet qabel dan il-każ pubblikament iddikjaratu bħala wieħed ta’ suwiċidju?

Melvyn Theuma b’liema strument fera’ lilu nnifsu? Dan kien xi strument li diġà kellu f’daru?

Kienet qed issir għassa fuq Melvyn Theuma? Kien qed jiġi mgħarbel mill-psikjatri? Dawn għamlu rakkomandazzjonijiet?

Huwa ta’ tħassib li l-Pulizija bħal donnha trid li dan il-każ jingħalaq ftit wara li seħħ.

Il-lista ta’ mistoqsijiet hi waħda twila.

Ser inżid mistoqsija oħra.

Il-Pulizija kienet qed tipprova tikkundizzjona l-imħuħ dwar dak li seħħ il-lejl li għadda?