Parir legali li ntalab minn grupp ta’ deputati parlamentari li talbu lill-President biex jaħtar lil Therese Comodini Cachia bħala kap tal-oppożizzjoni, jikkonferma li l-Kostituzzjoni tobbliga lill-President li jneħħi lil Adrian Delia mill-kariga u li jaħtar floku lill-kandidat magħżul minnhom.
Il-bieraħ inħolqot konfużjoni sħiħa wara li Adrian Delia stqarr li kien bi ħsiebu jibqa’ fil-kariga ta’ kap tal-oppożizzjoni għaliex il-Kostituzzjoni tipprovdi li l-President għandu jaħtar il-mexxej tal-partit ewlieni fl-oppożizzjoni bħal kap tal-oppożizzjoni. Dinl -istqarrija qabel magħha l-avukat Franco Debono.
Madankollu ma qablux ma’ din l-istqarrija l-espert kostituzzjonali Austin Bencini, dak li serva ta’ Mħallef fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Giovanni Bonello u dak li kien id-Dekan tafl-fakultà tal-Liġi fl-Unibersità Kevin Aquilina.
Lid-deputati parlamentari dawn qalulhom li, wara elezzjoni ġenerali, l-Kostituzzjoni tobbliga lill-President li jaħtar bħala kap tal-oppożizzjoni lill-kap tal-partit ewlieni fl-oppożizzjoni. Madankollu l-president jkun fid-dmir li jneħħi mill-kariga lil dak il-kap tal-oppożizzjoni kemm il-darba dan jitlef l-appoġġ tal-biċċa l-kbira tal-grupp tiegħu fil-Parlament. Dan jidher li seħħ wara li Adrian Delia tilef vot ta’ fiduċja aktar kmieni din il-ġimgħa.
L-esperti legali qalu li l-Kostituzzjoni titlob lill-President biex jaħtar bħala kap tal-oppożizzjoni dik il-persuna nominata għall-kariga mill-akbar grupp ta’ deputati parlamentari fi ħdan l-oppożizzjoni. Dan il-grupp jikkonsisti f’dawk id-deputati parlamentari li tul dan l-aħħar jumejn lill-President talbuh jissostiwixxi lil Adrian Delia b’Therese Comodini Cachia.