Bil-konfużjoni li hemm bħalissa fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u bit-theddid ta’ Adrian Delia li jisplodi kollox u jġib lill-partit frak, faċli ħafna li wieħed jaljena rasu minn ġrajjiet oħra li qed iseħħu fil-pajjiż.

M’għandniex xi ngħidu, wieħed faċli li jaljena rasu għaliex Adrian Delia qed jhedded bit-tifrik appuntu sabiex ma nindunawx b’dak kollu li qed iseħħ fil-pajjiż. Robert Abela ikkonferma li, l-ġimgħa li għaddiet, Adrian Delia ltaqa’ miegħu. Minn wara dahar il-Partit, Adrian Delia kellu laqgħa strateġika ma’ prim ministru li Delia bħal donnu għandu xi interess li jaqdi l-interessi tiegħu.

Din hi r-raġuni li llum dak kollu li rriżulta fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia bilkemm għamel ħoss. L-imħallfin tal-inkjesta għafsu fuq Ian Abdilla dwar dak il-lejl f’April 2017 li fih Ali Sadr Hashemi Nejad, ftit sigħat biss wara li Daphne rrappurtat li l-bank kellu f’idejh provi dokumentati li sidt l-Egrant hi Michelle muscat, ħareġ inkiss inkiss mill-uffiċċju tiegħu b’bagalji f’idejh li Alla biss jaf x’kien fihom.

Ian Abdilla ta l-verżjoni tiegħu dwar dak li kien seħħ f’dak il-lejl. Dwar kif, meta kien poġġa bil-qiegħda biex jiekol, ġie infurmat dwar il-ħarba ta’ Ali Sadr Hashemi Nejad. Dwar kif l-eks Kummissarju Lawrence Cutajar lil Ian Abdilla kien qallu biex jiekol d-diżerta u jieħu belgħa kafè. Dwar kif kienu stennew bil-paċenzja kollha sakemm tfaċċa fil-Kwartier Ġenerali tal-Pulizija l-avukat ta’ Joseph Muscat fis-sigħat bikrin tal-għada filgħodu biex setgħu jibdew investigazzjoni dwar l-imġieba tal-klijent tiegħu.

Dwar kif stennew sakemm ajruplan mingħajr passiġieri telaq minn Malta u niżel Baku qabel qabad triqtu lejn id-Dubaj.

Dan kollu konna ilna diġà nafuh. Iżda issa ikkonferma dan kollu l-investigatur ewlieni tal-pulizija. Dan xehed ukoll dwar kemm kien limitat apposta minn Joseph Muscat innifsu l-iskop tal-inkjesta Egrant. Dwar kif din il-limitazzjoni tat skuża komda lill-Pulizija biex iżżomm lura milli tinvestiga bis-serjetà għaliex inkella setgħu nkixfu borom dwar l-identità ta’ dawk li kienu qed jaħslu l-flus maħmuġin.

U dwar kif l-inkjesta qagħdet biss fuq il-kelma ta’ Brian Tonna meta dan kien stqarr li l-Egrant kienet inħolqot biex tinbiegħ li min kien lest li jixtriha u dan mingħajr ma għarblu stqarrija bħal din fl-isfond tal-gideb li kienu nqabdu fihom tan-Nexia BT.

Xehed ukoll dwar kif tan-Nexia BT fiżikament kienu fil-ministeru ta’ Owen Bonnici fiż-żmien li dan kien qed jipprova jserrħilna moħħna li kienet qed issir ġustizzja.

Adrian Delia ma jridniex b’xi mod niddubitaw mir-riżultat tal-inkjesta Egrant li ddikjarat li Joseph Muscat ma kienx is-sid tagħha. Wara kollox, il-konklużjoni tal-inkjesta Egrant kienet daqqet għal widnejn Adrian Delia. U din il-konklużjoni kien użaha bħala arma biex jipprova joqtol lil Simon Busuttil politikament.

Iżda għarralu. Simon Busuttil telaq meta deherlu li kellu jitlaq u mhux meta riedu jitlaq Adrian Delia li, minn naħa tiegħu, kien moħħu biss biex jagħti pjaċir lill-allat taċ-Ċentru Nazzjonali tal-Labour.

Issa jidher li Adrian Delia ser jerġa’ jipprova jagħmel dak li kien fallielu li jagħmel ma’ Simon Busuttil fil-konfront ta’ 19 il-deputat parlamentari li ażżardaw li jitolbuh iwarrab biex ikunu jistgħu iżommu lill-gvern kontabbli bis-serjetà.

Meta jkun hemm xi ħadd li jhedded li jisplodi kollox, ir-reazzjoni għandha tkun waħda sempliċi. Ħallih jhedded u ffoka fuq affarijiet oħrajn li jkunu aktar produttivi. Bħal, per eżempju, li l-Avukat Ġenerali jiġi mġiegħel jerġa jiftaħ l-injesta Egrant u dan fl-isfond tal-istqarrijiet li għamel Ian Abdilla llum fil-qorti.