Għaliex jinsab maħkum mid-delużjoni jew inkella għaliex jaħseb li għandu f’idejh strateġija rebbieħa, Adrian Delia jinsab miexi fuq il-passi ta’ Joseph Muscat.

Agħtu daqqa t’għajn lejn din il-poeżija – waħda minn sensiela għal kull darba li taqbdu l-muża – li huwa xandar permezz tal-media soċjali:

Hawn bħal speċi jrid ibellagħha li l-PN u Adrian Delia huma ħaġa waħda, bl-istess mod li bih il-Kbir Joseph kien bellagħha li ma teżistix distinzjoni bejnu u bejn il-Partit Laburista, il-gvern u l-pajjiż innifsu.

Fl-immaġinazzjoni ta’ Adrian Delia, l-PN u l-mexxej preżenti tiegħu ma jistgħux igħaddu mingħajr xulxin. Għax huma ħaġa waħda inseparabbli.

U għaldaqstant kull minn anki tgħaddilu minn rasu li jitneħħa Adrian Delia minn kap ikun qed jaħdem kontra l-interessi tal-PN.

Din il-mentalità lil Adrian Delia tinżillu għasel. Biżżejjed wieħed jara dak li qed iseħħ fuq in-Net TV bħalissa. Dan l-istazzjon, anki fl-aqwa tiegħu, qatt ma kellu xi numru kbir ta’ telespettaturi segwaċi. Iżda għal eluf ta’ attivisti tal-PN, dan l-istazzjon iservi ta’ għajn importanti ta’ informazzjoni u ta’ influwenza. Dan l-istazzjon bħalissa qed iwassal il-messaġġ li l-PN m’għandux futur mingħajr il-preżenza ta’ Adrian Delia fit-tmun.

Iżda l-fatti m’humiex dawk.

Il-futur huwa nċert u dan ifisser li l-possibilitajiet huma bosta. U fost dawn il-possibilitajiet hemm dik li flok Adrian Delia jidħol ħaddieħor. Dan ma jfissirx li l-ġejjieni kollu jinsab f’idejn dawk li qed jieħdu d-deċiżjonijiet u f’idejn il-membri tal-Partit Nazzjonalista. Għadda wisq żmien u jista’ jkun li diffiċli li l-PN jiġi salvat.

Fil-poeżija tiegħu Adrian Delia jgħidilna li dawk li ltaqgħu miegħu qalulu li jistmerru l-firda u l-inkwiet intern u li jridu jaraw lill-partit jinġabar u jingħaqad biex ikun f’pożizzjoni aħjar li jissielet kontra l-avversarji politiċi. B’dan Adrian Delia jridna nifhmu li dawk li kellmuh iriduh jibqa’ jmexxi lill-partit, li jibqa’ jgħolli l-ponn tiegħu quddiem folol kbar u quddiem attivisti li jkunu lesti jobduh f’kollox.

Adrian Delia jridna nemmnu li l-PN m’għandux futur mingħajru fit-tmun.

Għaliex is-segwaċi tiegħu li jimirħu fil-każini – l-akkaniti ta’ rashom iebsa – jiġu jaqgħu jqumu jekk il-partit tagħhom ikunx wieħed magħqud. Ftakru x’kien qal l-Oraklu ta’ Delphi lil Kroesu, s-Sultan Grieg ta’ Lydia, qabel il-battalja li għamel kontra l-Persjani: “Jekk is-Sultan Kroesu jaqsam ix-Xmara Halys, jitfarrak imperu kbir.” Kroesu ħaseb li din kienet aħbar tajba, iżda hekk kif beda’ issielet kontra l-Persjani, kien l-imperu tiegħu li spiċċa tfarrak.

Fil-Facebook, Adrian Delia kiteb li leħen il-poplu – jiġifieri l-oraklu – irid PN magħqud.

Il-verità hi li, mingħajru, l-PN ċertament jista’ jingħaqad fil-ġejjieni.