Ix-xhieda li Evarist Bartolo ta dan l-aħħar quddiem il-bord tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fakkarni mhux ftit fil-qrara pubblika li kien għamel quddiem Tim Sebastian. Bi kliemu reġa’ stieden is-sarkażmu, l-istmerrija, x-xettiċiżmu u xi ftit tal-umoriżmu wkoll.
Iżda bi ħsiebni niffoka biss fuq l-ipokresija.
Evarist Bartolo stqarr li Keith Schembri kellu setgħa qawwija ħafna u li dan il-fatt m’għamel ġid lil ħadd ħlief lil Keith Schembri. Fit-teorija, s-setgħa ta’ bla limitu x’aktarx toħloq il-problemi. Iżda l-kwistjoni ma kienitx din, tafux. Il-kwistjoni m’hix dwar is-setgħat qawwija li kellu Keith Schembri iżda dwar il-mod li biħ abbuża minn dawn is-setgħat.
Il-problema tikkonċerna d-delitti kriminali li dan allegatament wettaq waqt li kien fil-kariga, l-korruzzjoni, t-tixħim, il-kxif ta’ sigrieti tal-istat, in-namrar mal-kriminali, l-insider trading, l-impjiegi llegali mal-gvern, l-abbuż tal-awtorità, l-influwenza lleċta u l-allegat involviment tiegħu f’assassinju.
U teżisti raġuni l-għala Evarist Bartolo ma semma’ xejn minn dan kollu. Evarist Bartolo ffoka biss fuq dak li kien iċ-chief of staff tal-eks prim ministru u jgħid li l-problema tinsab fl-awtorità mogħtija lil kull min jokkupa din il-kariga. U dan qalu għaliex issa Keith Schembri m’għadux jokkupa din il-kariga u li bħal speċi għandna naqblu miegħu li l-problema issa sabulha tarfha. U bħal speċi issa kollox ward u żahar għax Keith Schembri m’għadx għandu s-setgħa li kellu!
M’għandniex xi ngħidu, Varist lissen ħmerija grassa. Jekk jien naqla’ ċitazzjoni talli pparkjajt il-karrozza f’post ipprojbit, ikolli nħallas multa. Dik hi r-realtà. Ċertament mhux se tgħaddili minn moħħi li mmur inħabbat il-bieb tad-dar tal-Kummissarju tal-Pulizija biex nitolbu jiffrankali l-ħlas tal-multa. U anku li kieku ħsieb bħal dan kellu jgħaddili minn moħħi, ma naħsibx li kien ikolli quddiemi l-għażla li mmur niġri għand il-Kummissarju.
Iżda r-realtà hi li Keith Schembri għadu jixref fil-wiċċ. U aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar ma jitħanxru għenuq, aktar ma jinstabu tapes li jintilfu u jerġgħu jinstabu, aktar ma nifhmu aħjar il-ħmieġ u l-intiena li ħalliet warajha l-korruzzjoni li twettqet f’dawn l-aħħar snin, aktar u aktar għandna nkunu mħassba li Keith Schembri għad jista’ jgħaddiha lixxa.
Evarist Bartolo għamlilna appell biex neżaminaw il-kuxjenza. Issa li kollox ward u żahar għaliex Keith Schembri m’għadux jikkmanda f’Kastilja, jidher li Varist ħadha drawwa li jippriedka u li jfakkarna dwar id-duttrina tad-dnub tan-nisel u tal-ħtija kollettiva.
Din m’hi xejn ħlief inġustizzja kbira.
Pajjiżna qed iħallas qares u minn imnieħru sforz il-korruzzjoni mwettqa fil-każijiet tal-Electrogas, tal-VGH, tal-imtieħen tar-riħ tal-Montenegro u tan-negozji korrotti li kien daħal għalihom “il-gvern fi ħdan il-gvern”, kif sejjaħlu Evarist Bartolo. Il-poplu Malti spiċċa bħala vittma u għaldaqstant m’għandu ebda ħtija. Il-ħtija hi ta’ dawk li gawdew u li mlew bwiethom grazzi għan-negozji korrotti li seħħew. Huma dawn – u mhux aħna – li jeħtieġ li jeżaminaw il-kuxjenza tagħhom.
Evarist Bartolo lanqas m’għandu jfarfar it-tort fuq is-sistema għaliex hu stess huwa parti ewlenija minnha. Evarist Bartolo stqarr li l-partiti politiċi għandhom jiġu finanzjati mill-istat u m’għandhomx ikunu bis-sassla f’idejhom jistennew il-ħniena ta’ negozjanti sinjuruni u korrotti.
Naqbel.
Iżda l-verità hi li Evarist Bartolo m’huwiex xi attivist li qed jagħmel xi strajk tal-ġuħ fit-toroq. Huwa politiku veteran li kien impjega ruħu ma’ partit politiku. Għal snin sħaħ kien fost il-politiċi ewlenin fl-arena politika lokali. Ilu snin twal iservi fil-Parlament u serva wkoll ta’ ministru f’diversi gvernijiet mill-1996 ‘l hawn. U għal snin twal ukoll mexxa’ l-mezzi tax-xandir tal-partit li ġew iffinanzjati minn dawn in-negozjanti sinjuruni u korrotti.
Evarist Bartolo ilu żmien twil kunsidrat bħala wieħed ta’ ġewwa fil-logħba politika u, li kieku kellu r-rieda, seta’ ssielet kontra r-relazzjoni korrotta li teżisti bejn il-politika u l-kriminalità. Ma jistax issa jipprova jfarfar ir-responsabbiltà fuq ħaddieħor.
Huwa jaf ben tajjeb li kienu s-sinjuruni, l-korrotti u s-setgħana li ffinanzjaw il-kampanji elettorali tal-Partit Laburista, it-tlugħ tal-Partit fil-gvern, il-promozzjoni tiegħu għall-kariga ta’ ministru u x-xogħol li kien wettaq fi ħdan il-mezzi tax-xandir tal-partit. Iżda issa qed jipprova jġib l-istess skuża li kien ħareġ biha l-mejjet Bettino Craxi meta dan kien stqarr li l-partiti politiċi ma kellhomx għażla ħlief li jaċċettaw il-finanzjament minn taħt il-mejda. Varist qed jistieden li fil-konfront tiegħu sseħħ l-istess ħaġa li kienet seħħet fil-konfront ta’ Bettino Craxi: il-garar għal fuq rasu ta’ xita ta’ muniti kull darba li jidher fil-pubbliku.
Għaliex għandna nkunu aħna li neżaminaw il-kuxjenza u mhux Evarist Bartolo? U issa x’qed jagħmel biex jagħmel tajjeb għas-snin twal li fihom ikkollabora bla mistħija ta’ xejn mal-korruzzjoni li tagħtu s-setgħa u l-glorja kollha li gawda?
Evarist Bartolo stqarr li lil Joseph Muscat, lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi kien “qalilhom” f’wiċċhom li ma jaqbilx ma’ dak li kien qed iseħħ. Iżda l-verità hi huwa ma riedx li jitkellem fil-beraħ u jiġġieled lill-korruzzjoni bil-fatti għaliex kien aktar moħħu biex jiżgura li ma jitlifx postu u li jibqa’ jimraħ fil-wiċċ.
Jaqaw Varist qed jippretendi li għandna nagħtuh xi ċapċipa? Għamlu paragun bejn il-kompromessi li għamel u l-ġjufija tiegħu mal-ħidma li kienet qed twettaq Daphne Caruana Galizia. Din ċertament ma kellha ebda post x’titlef u spiċċat biex inħasditilha ħajjitha qasir il-għomor minħabba d-determizzajoni u l-perseveranza li kellha. Jaqaw Varist qed jippretendi li Daphne għandha teżamina l-kuxjenza tagħha sakemm huwa jixhed dwar l-atti erojċi tiegħu fl-inkjesta dwar l-assassinju tagħha?
Araw ftit il-mod kif dawn jeżaminaw il-kuxjenza tagħhom. Il-bieraħ filgħaxija, l-Parlament approva sensiela ta’ emendi fil-Kostituzzjoni li ġew miftiehmin bejn Robert Abela and Adrian Delia. Il-kollegi parlamentari tagħhom ivvutaw favur dawn l-emendi unanimament minkejja l-fatt li dawn għadhom ma nkitbux fuq karta. Din l-aħħar sentenza għandha tiftaħ l-għajnejn.
Hekk kif il-Parlament għadda l-emendi, iż-żewġ mexxejja bdew jiftaħru dwar it-tibdiliet “storiċi” li seħħew bis-saħħa tagħhom. F’filmati fil-Facebook, Adrian Delia jidher bħallikieku kien Mosè hu u jitkellem fuq l-għatba tal-art imwiegħda. Iżda, m’għandniex xi ngħidu, l-intenzjoni tiegħu mhix dik li kellu Mosè għaliex dawn l-emendi jrid li jservu biex jikkonfermawh fil-kariga.
U Robert Abela tkellem bħallikieku l-emendi kostituzzjonali kienu biss frott tal-ideat tiegħu.
Kemm huma ipokriti! Dawn huma emendi kostituzzjonali li tħallew is-snin irabbu t-trab fuq l-ixkafef u ddaħħlu issa proprju għaliex id-dinja ntebħet li Daphne Caruana Galizia nqatlet għaliex il-liġijiet tagħna ma jħarsux biżżejjed l-indipendenza tal-ġudikatura u tal-istituzzjonijiet l-oħra li suppost jaħdmu indipendentement mill-gvern.
Meta fl-Irlanda nqatlet Veronica Guerin, il-Parlament Irlandiż kien eżamina l-kuxjenza tiegħu u minnufih għadda tibdil fil-liġijiet. Kien ammettew li dawn it-tibdiliet mhux biss kienu meħtieġa iżda kellhom iservu ta’ apoloġija istituzzjonali għall-fatt li ma kienx instab rimedju għal dak kollu li Veronica Guerin kienet kitbet dwaru u li għalih spiċċat biex inqatlet.
Filgħodu mar-radd tas-salib, il-politiċi tagħna jħeġġuna biex neżaminaw il-kuxjenza u filgħaxija itaptpu fuq dahar xulxin talli għaddew liġijiet li spiċċaw kellhom jgħadduhom minħabba l-qtil ta’ ġurnalista, minħabba l-protesti fit-toroq u minħabba l-pressjoni minn naħa tal-istituzzjonijiet Ewropej.
Evarist Bartolo imissu jistħi għaliex, mal-bqija tal-klassi politika, huwa kompliċi fil-qerda tad-demokrazija. Ta’ xejn jipprova jbellagħha li żamm ruħu ‘l bogħod minn Keith Schembri.
Iżda ċertament aħna m’għandu jkollna ebda sens ta’ ħtija kollettiva.
Il-ħtija kollettiva għandhom jerfgħuha dawk li baqgħu ċassi hekk kif inħakmu l-istituzzjonijiet, hekk kif refgħet rasha l-impunità u hekk kif inqatlet ġurnalista li kixfet il-borom kollha.