Dak li stqarr Robert Abela l-bieraħ jidher li ma wasalx f’widnejn Glenn Bedingfield. Quddiem il-bini tal-Parlament, il-mexxej tal-partit lill-ġurnalisti qalilhom li ma’ ġara’ xejn li wieħed seta’ kien ħabib, ħobża u sikkina jew soċju fin-negozju ma’ Yorgen Fenech sakemm dan kien għadu ma ġiex mixli bi qtil. Ġewwa l-bini tal-Parlament, Glenn Bedingfield tkellem u qal li tal-PN imisshom jistħu għaliex wieħed mid-deputati tagħhom kien fin-negozju ma’ Yorgen Fenech meta dan kien għadu ma ġiex arrestat.

Glenn Bedingfield semma’ kumpannija li ġġib l-isem Hummingbird Properties Limited u jidher li fehem li sidha huwa deputat Nazzjonalista li hu avukat u konsulent legali ta’ Yorgen Fenech.

Jien stħarriġt dwar Hummingbird Properties Limited. Sid din il-kumpannija hu Robert Arrigo, l-viċi kap tal-PN.

Agħtu daqqa t’għajn lejn il-mistoqsijiet li għamilt dalgħodu lil Robert Arrigo kif ukoll it-tweġibiet tiegħu:

Il-kumpannija li ssemmiet x’inhi n-natura tan-negoozju li taħdem fiha?

Din il-kumpannija tmexxi l-lukanda Topaz Hotel, li kienet fetħet għall-ewwel darba għat-turisti fit-28 ta’ Marzu 2014.

Min huma s-sidien tal-kumpannija?

Jien l-uniku sid skont il-liġi u għandi l-kontroll tal-kumpannija. Fil-fatt ismi jidher fil-reġistru tas-sidien tal-Malta Business Registry.

Dawk il-membri tal-familja tiegħi li huma s-sidien ta’ ishma, m’humiex obbligati bil-liġi li jirreġistrawhom peress li n-numru ta’ ishma li għandhom ma jaqbiżx in-numru rikjest mil-liġi.

L-interess tiegħek f’din il-kumpannija int kont iddikjarajtu? Meta? Kif?

Dażgur. Jien niddikjara l-ġid tiegħi kull sena. Il-kumpannija li hi sid Hummingbird Properties Limited tidher fil-lista tal-ġid li ta’ kull sena nissottometti bħala membru parlamentari lill-Uffiċċju tal-iSpeaker.

Din il-kumpannija għandha xi negozju ma’ kumpannija oħra li kien imdaħħal fiha Yorgen Fenech? X’kienet in-natura ta’ dak in-negozju? Dan in-negozju meta kien inbeda’? U meta kien twaqqaf, jekk twaqqaf?  

Kif ilu magħruf pubblikament għal dawn l-aħħar 40 sena, n-natura tan-negozju għandha x’taqsam mal-kiri ta’ sodod fil-lukandi. Il-kirja kienet ġiet negozjata fl-2013 ma’ Ġorġ Fenech, illum mejjet.

Il-lukanda Topaz tipprovdi s-sodod li jkunu meħtieġa. Il-ftehim huwa wieħed fit-tul u bis-saħħa tiegħu il-kumpannija tiegħi tħallas il-kera kull xahar.

X’relazzjoni kellek ma’ Yorgen Fenech qabel Ottubru 2018, bejn Ottubru 2018 u Novembru 2019 u minn Novembru 2019 ‘l hawn?  

La qatt iltqajt ma’ Yorgen Fenech u lanqas qatt għamilt negozju miegħu. Kull negozju li għamilt kien ma’ Ġorġ Fenech.

Taf x’ried ifisser biha Glenn Bedingfield meta rrifera għal “konsulenza legali kontinwa” fejn tidħol il-kumpannija tiegħek? 

Jien m’jinix avukat u ma nagħtix pariri legali. Xogħoli huwa fil-qasam tat-turiżmu f’Malta u fl-Ewropa. Dan huwa magħruf minn kulħadd: jien klijent tal-lukandi kollha li hawn f’Malta u f’Għawdex.

Għandek x’iżżid? 

Jien ilni għal żmien twil naħdem fil-qasam tal-lukandi u bħal aġent li jġib it-turisti lejn Malta. Is-servizzi tiegħi nirreklamahom kemm f’Malta kif ukoll fl-Ewropa.

M’hemmx dubju li d-diskors ta’ Glenn Bedingfield kien attentat dgħajjef biex igħatti stejjer li huwa mistenni li joħorġu fil-beraħ dwar l-imġieba ta’ kollegi tiegħu u dwar ir-relazzjoni tagħhom ma’ Yorgen Fenech wara li, f’Ottubru 2018, il-pajjiż sar jaf li Yorgen Fenech kien qed ixaħħam lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi. Dawn l-istejjer mistenni jġibu ħafna għajnejn wara l-widnejn.

Minn naħa tiegħu Robert Abela għamel attentat dgħajjef biex jantiċipa l-maltemp. Huwa għamel sejjħa lill-ġurnalisti biex ma jumiljawx lid-deputati parlamentari tal-partit tiegħu hekk kif jinkixfu aktar stejjer dwar ir-relazzjoni li kellhom ma’ Yorgen Fenech wara li l-pajjiż sar jaf bis-17 Black. Saħansitra kompla jnaqqas il-livell mistenni ta’ mġieba u ta’ diċenza u ppretenda li l-pajjiż għandu jikkuntenta b’politiċi li jkunu qaqoċċa man-negozjanti li huma magħrufa li jxaħħmu politiċi oħrajn.

Dan l-iskandlu ser ikompli jgħaddas ‘l isfel fil-ħama lil dawk li ħasbu li setgħu jgħadduha lixxa f’kollox.

Madankollu, minn dak li stqarr il-bieraħ Glenn Bedingfield u dak li stqarr miegħi Robert Arrigo llum, il-viċi kap tal-PN ċertament ta tweġibiet li huma sodisfaċenti dwar l-imġieba tiegħu.