Il-lejla jiltaqa’ l-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista fuq ordni tal-Kap tal-Partit Adrian Delia. Huwa ta ordni li jitlaqqa’ kumitat li, permezz ta’ vot sigriet, sfiduċjah. U minkejja dan, baqa’ jirrombla ‘l quddiem u fuq l-aġenda qiegħed il-kliem “azzjonijiet konkreti”. Kliem li bihom ried ifisser li jrid ipatti u jivvendika.

Il-laqgħa tal-lejla ssegwi laqgħa bla sugu tal-grupp parlamentari li hu sejjaħ il-bieraħ. Il-biċċa ‘l kbira tad-deputati m’attendewx u kienet biss Therese Comodini Cachia li attendiet għal ftit tal-ħin u li fih tkellmet għan-nom ta’ sħabha li kienu assenti. Dan il-grupp parlamentari m’għandu xejn x’jiddikuti qabel tiġi miftehma data li fiha Adrian Delia għandu jwarrab. Il-grupp jidher li ssejjeħ biex jiġi diskuss il-każ ta’ Melvyn Theuma. Madankollu għandi dubju kemm dawk il-waħdiet li attendew għal-laqgħa setgħu tkellmu dwar dan is-suġġett għaliex huwa ċar li dawn qed igħixu f’dinja għalihom u bilkemm jafu fejn huma u x’qed iseħħ madwarhom.

Li kieku ma kienx hemm din il-kwistjoni fin-nofs, il-bieraħ il-grupp parlamentari tal-PN kellu jiddiskuti l-implimentazzjoni ta’ strateġija ffukata dwar il-mod kif għandu jiġi ndirizzat id-diżgwid li hemm bħalissa fis-sistema tal-ġustizzja tagħna. Ta’ min isemmi li l-bieraħ Beppe Fenech Adami kompla bix-xogħol tiegħu bħala deputat tal-Oppożizzjoni bil-kritika li għamel lill-gvern fil-Parlament u f’postijiet oħra.

Il-bieraħ Beppe Fenech Adami sejjaħ għar-riżenja ta’ Byron Camilleri u talbu jerfa’ r-responsabbiltà politika għan-nuqqas tal-istat li jħares xhud ewlieni fl-aktar każ kriminali importanti f’dawn l-aħħar ħamsin sena. Din is-sejħa għamilha waqt Adrian Delia baqa’ jiffoka l-attenzjoni politika tiegħu fuq kulħadd ħlief fuq il-gvern u talabna biex ma niġbdux konklużjonijiet dwar l-avvenimenti drammatiċi tal-aħħar 48 siegħa.

Dwar Melvyn Theuma bi ħsiebni nikteb aktar ‘il quddiem.

Il-punt hu li l-PN jinsab paraliżżat. U issa ma jista’ jagħmel xejn biex jaħbi dan il-fatt.

Jiskantawni dawk li, għal dawn l-aħħar sentejn, ilhom jikkritikaw lid-deputati Nazzjonalisti talli lil Adrian Delia naqsu li jiqfulu u li – issa li waqfulu – jitkellmu b’ċerta newtralità dwar dak li qed iseħħ fil-Partit.

Dawk li qed isejjħu biex iż-żewġ naħat f’din il-gwerra ċivili jwarrbu l-armi, jwarrbu d-differenzi u jfittxu l-għaqda bejniethom, jidher li għadhom ma fehmu xejn.

M’hemm ebda futur għall-Partit Nazzjonalista b’Adrian Delia fi ħdanu. Kien Adrian Delia stess li qatel kull tama għal kompromess. Għal diversi drabi kien ingħata ċ-ċans li jwarrab bil-kwiet u li jżomm postu fil-Partit b’xi rwol. Iżda dan ma seta’ qatt iseħħ minħabba l-imġieba distruttiva tiegħu, minħabba l-ħsara li għamel lill-Partit biex seta’ jħares lilu nnifsu u minħabba n-nuqqas ta’ ħila li għandu li saħansitra jmexxi lil dawk li huma l-aktar qrib tiegħu.

Il-karattru li għandu Adrian Delia jixbaħ ħafna lil dak ta’ ċerti politiċi lokali li issa drajnihom u li tgħallimna nistmerruhom: politiċi li għalihom huma jiġu l-ewwel u qabel kollox. Il-prinċipju ta’ “ħadd m’hu akbar mill-partit” qaliblu t-tifsira vera tiegħu. Dan il-kliem għandu jfisser li saħansitra l-kap m’huwiex aktar importanti mill-interessi tal-Partit. Skont Adrian Delia, l-interessi tal-Partit u l-interessi tiegħu personali huma ħaġa waħda.

F’Novembru u Diċembru li għadda, dawk li ħarġu jipprotestaw (jien fosthom) kienu appellaw lid-deputati tal-Labour biex jagħmlu użu sewwa mill-mandat li kien tahom il-poplu, biex iwarrbu lil Joseph Muscat u lill-klikka ta’ madwaru u biex ikomplu jiggvernaw mingħajrhom. Konna kkritikajnihom talli ma kellhom ebda ħerqa li jammettu li ma jaqblux u dan biex ma jidhrirx ikraħ il-partit tagħhom. U konna skantajna kif dawn kienu lesti li jkomplu jappoġġjaw lil Joseph Muscat minkejja dak kollu li kien inkixef dwaru.

Dakinhar aħna konna stqarrejna li dan ma kienx il-mod kif għandha taħdem id-demokrazija. Konna għidna li ċ-ċirkostanzi jinbidlu u li d-demokrazija teħtieġ li l-mexxejja jinbidlu skont it-tibdil ta’ dawn iċ-ċirkostanzi. Konna għidna li jekk politiku jikser ir-regolamenti għandu jwarrab u li, jekk ma jwarrabx, għandu jitwarrab ikun ġab kemm ġab voti fl-elezzjoni.

Saħansitra anki Joseph Muscat kellu jċedi għall-pressjoni.

M’hemm xejn x’wieħed jammira fir-ras iebsa patoloġika li għandu Adrian Delia. Bniedem li, għal snin sħaħ, jibqa’ jinsisti li jibqa’ f’żwieġ nieqes mill-imħabba – minkejja l-ħsara li tkun qed issir – ma jista’ qatt jitqies bħala xi eroj. Lanqas m’hi waħda ta’ min jammiraha l-imġieba ta’ dak li jibqa’ għaddej romblu minkejja li ta’ madwaru juruh li ma jriduħx. Il-persistenza taf toħloq il-perikli u twassal biex tiżdied il-ħsara u joktru l-weġgħat. U taf twassal ukoll għad-diżastru.

Għaldaqstant m’hemm xejn x’wieħed jista’ jammira fl-imġieba ta’ Adrian Delia. U teżisti raġuni l-għala bosta huma dawk li ma jaslux li jagħmlu dak li qed jagħmel hu. Mhux għaliex hemm bosta li huma aktar dgħajjfin minnu. Iżda għaliex il-biċċa l-kbira tan-nies għandhom il-ħila aktar milli għandu hu li jagħrfu r-realtà.

Il-lejla Adrian Delia qed jistenna’ li l-kumitat eżekuttiv għandu jippermettilu li jikkaġuna aktar ħsara lil dawk li qed jiqfulu. Francis Zammit Dimech mexa’ fuq l-ordnijiet li ħariġlu biex iniedi passi dixxiplinarji kontra l-fergħa taż-żgħażagħ talli dawn ażżardaw jagħmlulu sejħa biex iwarrab.

Dan huwa żball u ser ngħid għaliex.

Li kieku l-fergħa taż-żgħażagħ għamlet xi stqarrija li tmur kontra l-valuri li jħaddan il-Partit, il-kumitat eżekuttiv kien ikollu raġun li jieħu passi ta’ dixxiplina. Bħal, per eżempju, jekk dawn jagħmlu stqarrija favur is-segregazzjoni razzjali jew favur il-piena kapitali. Iżda fergħa tal-Partit għandha kull dritt li tesprimi l-fehma tagħha dwar it-tmexxija tal-istess Partit. Jekk organu tal-Partit ma jitħalliex jesprimi fehmtu dwar l-imġieba tal-Partit jew dwar l-imġieba tat-tmexxija tal-Partit, x’ikun l-iskop li dawn jeleġġu kumitat? Jekk ma jitħallewx jitkellmu bil-libertà, ikun imisshom jimpjegaw ruħħom, li jirċievu l-istruzzjonijiet direttament mill-kap u li jaċċettaw dak kollu li jgħidilhom.

Dan l-argument igħodd ukoll għas-Segretarju Ġenerali. Francis Zammit Dimech ma nħatarx minn Adrian Delia u m’huwiex impjegat tiegħu. M’għandux jobdi ordnijiet li l-kap jew il-kumitat eżekuttiv m’għandhomx id-dritt li jagħtuhom.

Xi drabi nisimgħu min jgħid li ċ-ċittadini għandhom setgħat li ftit li xejn ikunu qed jintebħu li għandhom. U li kieku jifhmu mill-ewwel li m’humiex obbligati li jobdu, dawn iċ-ċittadini għandhom is-saħħa li jixprunaw il-bidla. Dan igħodd ukoll għall-attivisti tal-partiti politiċi l-kbar f’Malta. Il-membri tal-kumitat eżekuttiv jeħtieġ li jagħrfu li ċ-ċavetta tinsab f’idejhom. Li għandhom id-dritt li jgħidu “le”. Li huma biex jistgħu jiddeċiedu għandhiex tittieħed azzjoni konkreta. U li l-uniku azzjoni konkreta li għandha tittieħed hi li Adrian Delia jintbagħat isaqqi l-ħass.

Fl-istadju li wasalna fih, mhux daqstant importanti x’jaħseb Adrian Delia dwar x’setgħat għandu jkollu.

Is-setgħat li kellu qed jgħebu bis-sekondi.

Kulma fadallu hi t-tama li mhux kulħadd intebaħ li qed jispiċċa bħal dak il-kannol nieqes mill-krema.