‘Il-membri huma s-sidien tal-partit,’ kienu qalulna s-segwaċi ta’ Adrian Delia. Dawn il-membri kienu għażlu lilu u allura, skont dawn is-segwaċi, min jipprova jwarrbu ikun qed iċaħħadhom mid-dritt li jagħżlu l-mexxej.
Is-sistemi demokratiċi ma jitħaddmux b’dan il-mod. Jitħaddmu b’dan il-mod il-monarkiji eletti. Ma tantx fadal minn dawn u fl-istorja ma tantx kien hawn minnhom. Eżempju ħaj huwa l-Vatikan li jeleġġi l-mexxej tiegħu permezz tal-voti tal-kardinali. L-istess bħat-tesserati, l-kardinali huma grupp esklussiv ta’ votanti li jagħżlu lir-re tagħhom permezz ta’ vot sigriet u ħieles. U hekk kif jingħażel, dan ikollu d-dritt li jokkupa t-tron sal-mewt (jew sakemm jagħżel li jwarrab). Ħadd ma jista’ jġiegħlu jwarrab anki jekk ħadd ma jkollu grazzja miegħu.
Bis-saħħa ta’ loġika bħal din, Adrian Delia stqarr li ma kien jimporta xejn li l-biċċa ‘l kbira tad-deputati Nazzjonalisti wrew li m’għandhomx fiduċja fih. Ma kien jimporta xejn li l-biċċa ‘l kbira tal-membri tal-kumitat eżekuttiv tal-PN m’għandhomx fiduċja fih.
F’dan l-istadju, dejjem jekk Adrian Delia jibqa’ ma jwarrabx, il-pass loġiku li jmiss kien ikun li l-Kunsill Ġenerali tal-PN jiddeċiedi għandux fiduċja fil-Kap tal-Partit jew le. Niftakru li l-Kunsill Ġenerali huwa kompost minn madwar 1,500 ruħ li l-biċċa ‘l kbira tagħhom huma eletti mill-fergħat u mill-kumitati sezzjonali tal-Partit.
Il-bieraħ Adrian Delia pprova jevita dan il-pass loġiku u ħabbar quddiem il-kumitat eżekuttiv li ried lit-tesserati kollha tal-partit jiddikjaraw għandhomx fiduċja fih jew le.
Din il-proposta huwa ppreżentaha bħallikieku kienet xi inizjattiva demokratika. Ftit hemm paraguni storiċi iżda dawn huma sinjifikanti ferm. Napuljun kien sar il-Konslu Ewlieni ta’ Franza bis-saħħa ta’ kolp ta’ stat. Kien jeħtieġ il-leġittimità u għaldaqstant kien talab vot mingħand in-nies dwar jekk għandux jinħatar bħala Konslu għal għomru (jiġifieri dittatur). Meta kien iddeċieda li jerġa’ jarma l-monarkija, bih bħala fundatur ta’ dinastija ġdida, l-kwistjoni reġa’ għaddieha għall-vot tan-nies. U ż-żewġ votazzjonijiet kien rebaħhom bil-kbir.
Iżda fuq il-polza tal-vot kien hemm ismu biss.
It-teħid ta’ vot bħal dan jagħti lemħa lid-demokrazija għaliex in-nies tingħata l-opportunità li tivvota. Iżda meta n-nies tiġi mistiedna tivvota sabiex tikkonferma dittatur, din ma tkun demokrazija xejn iżda dittatorjat.
Adrian Delia jridha ta’ xi Napuljun. Iżda eżatt bħal Joseph Muscat qablu, l-Bonapartiżmu tiegħu huwa wieħed imwerreċ u m’hu xejn ħlief kultiżmu vojt li jimraħ fis-saltna tal-vanaglorja. Kultiżmu vojt li lanqas biss għandu l-ħila li jiġbru bis-saħħa ta’ xi kwalitajiet ta’ tmexxija għaliex m’għandux dawn il-kwalitajiet. Il-fundatur ta’ dan il-kultiżmu vojt, li fih il-mexxej ikun iridha ta’ xi alla żgħir, kien Franco Debono.
Adrian Delia mingħalih li ħareġ b’idea brillanti iżda kien jaf minn qabel li tal-kumitat eżekuttiv ma kienux ser jibilgħu l-lixka. Għaldaqstant it-trolls tiegħu ħejjew ruħħom u fil-Facebook xlew lir-“ribelli” – għax hekk isejħulhom – li jridu jċaħħdu d-dritt lit-tesserati li jagħżlu lil min iridu huma li jmexxi l-Partit.
Il-verità hi li jeżisti qbil ġenerali li s-sistema li permezz tagħha l-Kap tal-Partit jingħażel mit-tesserati ġabet id-diżgwid u l-inkwiet li l-PN jinsab fih bħalissa. Sistema li tfakkarni fid-demokratizzazzjoni ta’ Karmenu Mifsud Bonnici fit-Tarzna ta’ Malta fejn il-membri tal-Bord tad-Diretturi kienu jingħażlu mill-ħaddiema. M’għandniex xi ngħidu, sistema bħal din kienet ġabet diżastru.
Madankollu dan ma jfissirx li s-sistema li biha jingħażel il-Kap tal-PN tista’ tinbidel. Ebda suċċessur ta’ Adrian Delia ma jkollu l-leġittimità meħtieġa jekk dan jiġix elett mill-istess votanti li kienu għażlu lil Adrian Delia. Li kieku ma jkunx hekk, ibqgħu ċerti li l-argumenti dwar leġittimità jew dwar in-nuqqas tagħha ma jiqfux.
Għalkemm teknikament għadha possibbli, l-proposta ta’ Adrian Delia biex jittieħed vot ta’ fiduċja dwaru fost it-tesserati ma ġietx approvata mill-kumitat eżekuttiv u d-deċiżjoni ġiet mgħoddija lill-Kunsill Ġenerali li issa jkun irid jiddeċiedi għandux jittieħed vot ta’ fiduċja fuq Adrian Delia mit-tesserati jew inkella għandux jitnieda proċess biex jiġi elett il-kap. Tellieqa li fiha l-Kap preżenti jkollu jtellaq ma’ oħrajn li jkunu nteressati li jikkontestawh.
X’ifisser dan kollu? Ifisser li l-Kunsill Ġenerali ser iniedi vot ta’ fiduċja fil-Kap mingħajr ma jsejjaħlu “vot ta’ fiduċja”. Jekk il-biċċa l-kbira tal-membri tal-Kunsill Ġenerali jivvutaw favur it-teħid ta’ vot ta’ fiduċja fost it-tesserati, dawn ikunu qed jagħtu vot ta’ fiduċja lil Adrian Delia u jirrakkomandawh lit-tesserati. Iżda jekk jivvutaw favur it-tnedija ta’ tellieqa biex jinħatar il-Kap, ikunu qed jesprimu l-isfiduċja f’Adrian Delia u x-xewqa tagħhom li jikkunsidraw lil ħaddieħor biex imexxi l-Partit.
Jeħtieġ li wieħed jifhem li jekk il-Kunsill Ġenerali jivvota favur it-tnedija ta’ elezzjoni għal Kap ġdid, il-proċess elettorali u l-metodu tal-għażla ser ikun l-istess bħal dak li permezz tiegħu kien ingħażel Adrian Delia. Iva, se jkunu t-tesserati li jiddeċiedu. Iżda qabel jiddeċiedu, ser ikun il-Kunsill Ġenerali li jgħaddi lit-tesserati l-ismijiet ta’ żewġ kandidati li minnhom ikun jeħtieġ li jingħażel wieħed.
Dan ifisser li, jekk Adrian Delia jiddeċiedi li jerġa jtellaq, ikun jeħtieġ li – tal-anqas – ikun it-tieni għażla tal-Kunsilliera.
Għad fadlilna x’naqdfu. L-arja li qed jagħmlu l-manigoldi (nisa u rġiel) ta’ Adrian Delia bejn l-erba’ ħitan tad-Dar Ċentrali għadna qatt ma rajna bħalha. Il-bieraħ qabel il-laqgħa tal-kumitat eżekuttiv assistejna għal orġja ta’ intransiġenza, ta’ theddid, ta’ għajjat, ta’ dagħa u ta’ twerżiq. U Adrian Delia ma ħabbel rasu xejn meta għażel li ripetutament jikkwota b’mod qarrieq mill-istatut tal-Partit biex jipprova jaqdi l-interessi tiegħu kontra l-interessi tal-Partit stess. Għandu ħila kbira li jgħawweġ it-tifsira tar-regolamenti u forsi kien għalhekk li s-segwaċi tiegħu tliet snin ilu kienu dendlulu t-titlu ta’ “avukat ta’ klassi”.
Dawk li telqu lill-Partit wara snin sħaħ ta’ servizz jiftakru sewwa x-xeni ta’ intimidazzjoni u ta’ prattiċi korrotti li kienu raw ma’ wiċċhom matul l-elezzjoni għal kap ġdid bejn Ġunju u Settembru tal-2017. M’hemmx dubju li t-tnedija ta’ elezzjoni ġdida għal kap bis-segwaċi ta’ Adrian Delia jmexxu il-mezzi ta’ xandir tal-Partit u jokkupaw uffiċċji, organi u riżorsi, se tkun agħar minn dik ta’ qabilha. Diġà kienet kerha x-xena tal-assedju fuq il-Partit li kienu għamlu minn barra l-manigoldi ttiegħu. Aħseb u ara kemm ser jkun aktar ikrah assedju minn ġewwa mill-manigoldi li fadallu.
L-hekk imsejjħa ribelli għadhom ma rebħux il-battalja biex jifdu lill-Partit tagħhom. S’issa rnexxielhom biss iġiegħelu lil Adrian Delia jidħol fil-kamp tal-battalja. Għad hemm ħafna ċpar fl-arja u ħadd għadu ma jaf x’appoġġ għandu Adrian Delia fost it-tesserati tal-PN. Dan l-appoġġ ma jistax jitkejjel mal-appoġġ jew in-nuqqas tiegħu li għandu fost il-poplu in ġenerali. It-tesserati ma jirrappreżentawx kampjun ta’ dawk li tipikament jivvotaw lill-PN. Ħażin jagħmel min ma japprezzax id-differenza fil-mentalità ta’ dawn iż-żewġ gruppi ta’ persuni.
Hemm ukoll l-element tal-biża’. M’aħna ser niskantaw xejn jekk ser ikollna niffaċċjaw manipulazzjoni tal-votanti, proċess dgħajjef ta’ votazzjoni, kontroll fuq il-mezzi tax-xandir tal-partit, intimidazzjoni u finanzjament mhux regolat bil-għan li jingħata vantaġġ lil Adrian Delia.
Lill-PN f’dan l-istat miskin kellhom il-ħila jġibuh. Stat li, sforz l-għatx għas-setgħa politika, twarrbu d-diċenza, il-ġustizzja u l-korrettezza.
Il-laqgħa tal-kumitat eżekuttiv tal-bieraħ wasslet biex, minn Settembru 2017 ‘l hawn, il-PN jerġa’ jiftaħ għajnejh. Iżda tista’ twassal ukoll lill-PN għat-tmiem tiegħu.
U għal darb’oħra ser ikunu t-tesserati li ser jiddeċiedu d-destin tal-Partit.