F’Mejju li għadda Robert Abela tgħidx kemm nieda konferenzi stampa biex jiftaħar bis-“suċċess kbir” fit-trażżin tal-imxijja Covid-19. Hu ma tantx kellu x’jagħmel iżda kellu x-xorti li għandu ministru tas-saħħa fil-kabinett tiegħu li jaf x’qed jagħmel u li jaf ir-responsabbiltajiet tiegħu x’inhuma. Kellu x-xorti wkoll li għandu dipartment tal-gvern li jaħdem tajjeb u li ma ġiex effettwat ħażin mit-taħwid li ħalla warajħ Konrad Mizzi.
Dawk li tassew għamlu sagrifiċċju huma n-negozji li baqgħu għaddejjin b’xogħolhom minkejja l-maltemp ekonomiku li ġabet magħha l-imxijja, l-ħaddiema li kellhom jikkuntentaw b’tnaqqis fil-pagi u l-frontliners li komplew jaqdu dmirhom mingħajr ma jiġbdu lejn xawwathom. Robert Abela kellu x-xorti li ggverna fuq poplu li għandu sens ta’ responsabbiltà li jħares lilu nnifsu mill-mard u dan minkejja l-messaġġi kontradittorji li bgħat u li tant ħawdu mħuħ.
Kif għamilt meta ntlaqatna mill-ewwel mewġa, mhux bi ħsiebni noqgħod nippriedka lix-xjentisti dwar dak li għandu jseħħ jew x’m’għandux iseħħ. Iżda ċertament bi ħsiebni ngħarbel l-imġieba tal-politiċi.
Il-bieraħ Robert Abela rreaġixxa għall-pressjoni li qed issir biex ma jitħallewx jinġemgħu in-nies f’ġemgħat kbar u wieġeb b’mod li lanqas Donald Trump ma kien jażżarda jwieġeb. It-tweġiba tiegħu fil-fatt fakkritni f’tweġibiet li bħalhom għandu l-ħila jagħti Jair Bolsonaro – bniedem miġnun li suppost qed jiggverna fil-Brazil.
Skont it-Times of Malta, fir-Rialto ta’ Bormla waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, Robert Abela stqarr li “dawk li qed ibeżżgħu kull darba li jitfaċċa każ ġdid m’hux ser jitħallew joħolqu l-paniku”.
Ma wżax il-kelma “ibeżżgħu” b’kumbinazzjoni. Din il-kelma timplika l-presenza tat-tixwix u tal-provokazzjoni u li t-tħassib li hawn hu msejjes biss fuq l-immaġinazzjoni ta’ persuni mxajtna li moħħhom biss biex iwettqu atti ta’ sabutaġġ. Iżda l-verità hi li t-tħassib m’huwiex ġej minn, ngħidu aħna, minn naħa tal-oppożizzjoni parlamentari. Dawn bħalissa ma tantx qed jitniffsu. It-tħassib u t-talbiet biex ma jitħallewx nies jinġemgħu ġej minn naħa tal-professjoni medika, tal-għaqdiet tal-ħaddiema u saħansitra anki minn naħa tar-rappreżentanti tan-negozji.
S’issa ġejna nfurmati li l-impatt tal-ftuħ tal-ajruport kien wieħed negliġibbli u kontrollat. Iżda l-impatt tal-parties – ħdejn il-pixxini u fit-toroq; fil-lukandi u fil-parroċċi – kien wieħed enormi u nieqes mill-kontroll.
Bir-riżultat li bħalissa n-numru tal-infezzjonijiet f’jum wieħed qed jaqbeż l-għaxra. Immorru lura għas-sitwazzjoni li kellna f’Marzu. Dak iż-żmien, malli persuna waħda kienet tkun infettata konna nirċievu struzzjonijiet biex nibdew nillimitaw il-ħajja soċjali u ekonomika tagħna. Issa li qed ikollna 14 il-ruħ infettati f’jum wieħed, jiġi l-prim ministru u jixli b’imġieba sedizzjuża lil dawk li qed jistaqsu kemm kienet għaqlija d-deċiżjoni li jitħallew jinġemgħu n-nies f’ġemgħat kbar.
F’Marzu, meta tfajla li kienet waslet Malta minn barra irriżulta li kellha l-imxijja, kien hemm min kellu jabbanduna l-impjieg biex ikun jista’ jieħu ħsieb il-ġenituri anzjani. U issa min qed juri t-tħassib tiegħu għall-fatt li 14 il-ruħ ġew infettati f’jum wieħed wara li żifnu fejn jilħqilhom fil-pixxina ta’ lukanda jew għax sikru waqt il-marċ tal-festa, qed jiġi mgħajjar bis-sabutaġġi.
Araw x’qed iseħħ fil-gżejjer Baleariċi, li huma kompetituri ta’ Malta fejn għandu x’jaqsam it-turiżmu sajfi.
Fil-bidu ta’ Lulju, f’Mallorca kien qed ikollhom tliet każijiet ġodda ta’ infezzjonijiet fil-ġimgħa. U dan kien biżżejjed biex il-gvern ħareġ projbizzjoni fuq ġemgħat kbar. Mhux aktar minn 70 ruħ setgħu jattendu l-parties privati li jsiru barra; u jekk dawn isiru ġewwa, ma jistax ikun hemm aktar minn 30 ruħ. Barra minn hekk, il-maskri jeħtieġ li jintlibsu minn dawk li għandhom 6 snin ‘il fuq.
Dan is-sajf f”Ibiza ttieħdet deċiżjoni favur it-teħid ta’ miżuri preventivi u fl-istess waqt ittieħdu passi kontra x-xalar u s-sokor li jġibu magħhom dawn il-parties. Ġew projbiti l-ġiri minn ħanut tax-xorb għal ieħor, il-parties fuq il-laneċ u l-qbiż mill-gallariji. U min ikun irid jorganizza attività taħt saqaf, ma jistax jistieden aktar minn 100 ruħ bil-qiegħda.
X’kienet ir-reazzjoni tal-Awtorità tat-Turiżmu Maltija? Aqrawha hawn taħt.
Fid-dinja tas-servizzi finanzjarji, ta’ spiss tisma’ min igħid li r-riżultati tajbin tal-imgħoddi m’humiex garantiti għall-ġejjieni.
Iżda Robert Abela m’huwiex iħabbel rasu.
Jista’ jgħajjarni xewwiex kemm irid, iżda dak li qed iseħħ m’għandux mis-sewwa.