Dalgħodu fuq ir-radju numru ta’ lagħqa tgħidx kemm faħħru lil Julia Farrugia Portelli għall-mod kif wieġbet il-mistoqsijiet f’intervista li għamlulha tal-BBC il-bieraħ. Tgħidx kemm iggustawha talli stiednet lil Boris Johnson biex jagħmel il-jogging magħha. Tabilħaqq għandna gvern mill-medjokri għall-medjokri.

Il-bieraħ fuq it-televiżjoni Julia Farrugia Portelli waqqgħetilna wiċċna ‘l art bil-mistħija. Staqsewha mistoqsijet li huma marbutin mal-ministeru tagħha u dwar il-politika tal-gvern fuq kwistjonijiet bħalma huma tħassib dwar is-saħħa, l-proċeduri li jkun jeħtieġ li jittieħdu meta jitfaċċa l-mard u tħassib dwar it-tieni mewġa tal-imxijja.

Il-bieraħ il-ministru għamlet tabirruħa li m’hawnx tħassib fuq kwistjonijiet ta’ saħħa u tkellmet dwar termometri u telefonati bħallikieku dawk huma xi skoperta riċenti.

L-intervistaturi wrew it-tħassib tagħhom għall-fatt li l-Maltin ser ikunu qed jirriskjaw li jgħarrqu r-rekord pożittiv tagħhom f’dak li hu l-kontroll tal-imxijja kemm il-darba jitħallew jidħlu f’pajjiżna turisti mir-Renju Unit. U hekk kif intebħu kemm il-ministru ma kellha ebda idea, t-tħassib tagħhom żdied mhux naqas.

Julia Farrugia Portelli jidher li naqset li tagħmel l-istħarriġ tagħha dwar dak li qed jirrakkomanda id-dipartiment tas-saħħa. Tkellmet b’mod vag dwar “protokolli” li jeżistu, iżda wriet li dawn ma kienitx taf x’fihom.

Il-preżentaturi staqsewha x’jiġri kemm il-darba jirriżulta li jkun hemm turist f’lukanda li jkollu l-imxijja. Wieħed kien jistenna’ li twieġeb fid-dettall dwar programm ta’ azzjoni skond il-protokolli li semmiet hi stess. Iżda Julia Farrugia Portelli kulma kellha l-ħila twieġeb kien li tal-lukanda setgħu iċemplu lid-dipartiment tas-saħħa. U suq ħa mmorru!

Dakinhar li Julia Farrugia Portelli marret l-arjruport biex tagħti merħba lill-ewwel turisti li waslu Malta wara xhur sħaħ, kien hemm turist Taljan li, meta l-ministru tfaċċat quddiemu b’dik it-tbissima vojta fuq fommha, f’moħħu kien diġà ddeċieda.

Isimgħu xi stqarr f’0:17: “You can do better than this!”

Tabilħaqq.