Illum xehed quddiem il-bord tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia dak li kien l-avukat ta’ Vince Muscat il-Koħħu. Huwa stqarr li kien jaf li jinsab fil-periklu iżda l-Pulizija kienu ċaħdulu l-protezzjoni għaliex qalu li jekk jagħtuh din il-protezzjoni, kulħadd isir jaf li l-Koħħu kien qed jikxef il-borom.

Iżda sa dakinhar kulħadd kien sar jaf li l-Koħħu kien qed jikxef il-borom. Il-Pulizija tkellmu ma’ Joseph Muscat u ma’ Keith Schembri dwar dak li kien qed igħidilhom Vince Muscat. U dlonk beda’ t-theddid mill-aħwa Alfred u Ġorġ Degiorgio fuq Vince Muscat.

L-aħwa Degiorgio ma jidhirx li kienu jafu li, waqt li dan kien qed ikellem lill-avukat tiegħu, l-kompliċi tagħhom kien qed jikxef mal-Pulizija dak kollu li kien jaf. Ma jidhirx li kienu jafu li Vince Muscat kien qed jikxef kollox lil investigatur ewlieni Keith Arnaud. Iżda jidher li saru jafu b’dan wara li kienu ġew infurmati Joseph Muscat u Keith Schembri.

Minn xhieda oħra li ngħatat, nafu li Yorgen Fenech lil Melvyn Theuma kien qallu li Keith Schembri kien qed iżommu nfurmat. Nafu wkoll li Melvyn Theuma nkwieta bil-kbir meta sar jaf Vince Muscat kien qed jikxef dak li jaf.

L-avukat Arthur Azzopardi qal li f’Ottubru Lawrence Cutajar stqarr miegħu li “minn fuq ġejja li x-xhieda tiegħu hija hearsay”. U ċ-ċaħda tat-talba ta’ Vince Muscat għall-ħruġ ta’ proklama issejset fuq din l-istqarrija.

Minn fuq. Min hu fuq il-Kummissarju tal-Pulizija?

Il-membri tal-bord tal-inkjesta jeħtieġ li jistaqsu din il-mistoqsija lil Lawrence Cutajar. Jaqaw kien qed jirreferi għall-Avukat Ġenerali Peter Grech? Jekk it-tweġiba tkun “iva”, Peter Grech għandu jissejjaħ biex jispjega għaliex, mix-xhieda li ngħatat illum jidher li, lill-Pulizija, Vince Muscat għaddielhom informazzjoni li qatt ma kienu jafu biha. Meta ta dan il-parir, kien ħa in konsiderazzjoni dan kollu?

Meta semma’ l-kliem “minn fuq”, jista’ jagħti wkoll il-każ li x’aktarx kien qed jirreferi għal Joseph Muscat u għal Keith Schembri. Jien hekk nifhimha u għandi għalxiex nissuspetta li, bl-intervent ta’ Joseph Muscat u ta’ Keith Schembri, provi li jistgħu jwasslu għall-kxif tal-identità ta’ dawk li qatlu lil Daphne Caruana Galizia twarrbu fil-ġenb.

U sabiex Joseph Muscat, Keith Schembri u Yorgen Fenech jibqgħu jingħataw il-kenn, tqiegħdu fil-periklu persuni oħrajn. Ma’ persuni bħal Vince Muscat ma jista’ qatt ikolli wisq simpatija, għalkemm nifhem li t-theddid li sar fil-konfront ta’ uliedu biex iġiegħluh isodd ħalqu m’għandux jitħalla għaddej, anki jekk dan it-theddid sar fil-konfront ta’ qattiel. Iżda l-periklu qiegħed hemm għal kull min hu determinat li jikxef il-verità dwar dan il-każ: l-avukati, l-ġurnalisti, l-investigaturi, l-attivisti, kelliema tal-oppożizzjoni u oħrajn.

Dan hu dak li jseħħ meta l-istat jinħataf mill-kriminali. Jasal mument li fih dawn ikunu lesti li jirriskjaw ħajjet ħaddieħor biex isalvaw ġildhom.