Ir-raġuni li kien ta l-Prim Ministru kienet waħda li wieħed seta’ joqgħod fuqha: l-ittra tar-riżenja ma kienitx qed tinżamm fl-uffiċċju tal-Prim Ministru u għaldaqstant ma setgħetx titqassam kopja tagħha.
Min naħa l-oħra l-President, hu u jiċħad it-talba, għamel riferenza għall-eċċezzjonijiet li jinsabu fil-liġi u stqarr li dawn l-eċċezzjonijiet jippermettulu li jiċħad it-talba biex tixxandar l-ittra tar-riżenja tal-Prim Ministru.
L-Att dwar l-Informazzjoni Ħielsa ilu 11 il-sena jifforma parti mil-liġijiet ta’ Malta u l-iskop warajh hu li “jippromwovi t-trasparenza u l-kontabilità tal-gvern fejn jidħol id-dritt ta’ informazzjoni li tkun f’idejn l-awtoritajiet pubbliċi”. Huwa ċar li l-pubbliku kellu kull dritt li jara dak li ntalab minn The Shift News. Dan m’huwiex xi pjaċir li jista’ jfettillu jagħmel il-gvern. Iżda huwa dritt li l-poplu huwa intitolat għalih.
M’hemmx dubju li dan id-dritt għandu wkoll ċerti limitazzjonijiet li għandhom mir-raġuni. Per eżempju, ħadd m’għandu d-dritt li jifli ċ-ċertifikati mediċi ta’ persuna. Daqs kemm ukoll ħadd m’għandu dritt li jitlob lill-Pulizija kopja tal-iskeda tar-ronda tal-ġimgħa d-dieħla biex b’hekk insir naf liema hu l-aħjar ħin biex nagħmel serqa minn bank.
Ir-realtà hi li, wara li dan id-“dritt” kien ġie rikonoxxut bil-liġi, l-istess liġi għamlet ukoll lista ta’ eċezzjonijiet li l-gvern jista’ jiddendel magħhom biex ikun jista’ jiċħad talbiet għax-xandir ta’ informazzjoni. Il-gvern, per eżempju, kien ċaħad talbiet biex jixxandru l-ismijiet u l-indirizzi ta’ dawk il-persuni li akkwistaw passaport Malti u dan bl-iskuża fjakka li l-gvern ma riedx li ssir ħsara lir-relazzjonijiet ta’ Malta ma’ pajjiżi oħrajn.
Skużi bħal dawn il-gvern qed jiggranfa magħhom ta’ spiss. Minkejja l-fatt li l-liġi Maltija tirrikonoxxi dan id-“dritt” għat-tixrid tal-informazzjoni u għat-trasparenza, fil-prattika l-gvern qed ixandar dak biss li jidhirlu li għandu jixxandar. Din l-attitudni qed ixxekkel it-tħaddim tal-liġi u qed tgħaffeġ fuq dritt mogħti lill-pubbliku.
L-iskop kollu wara t-tfassil tal-Att dwar l-Informazzjoni Ħielsa huwa li jġiegħel lill-gvern ixandar dak li ma jkunx lest li jxandar minn jeddu.
Dwar l-ittra tar-riżenja ta’ Joseph Muscat, il-President semma’ dik il-parti tal-liġi li tittratta dwar it-tħaris tal-pajjiż mill-paraliżi istituzzjonali u mill-inkwiet politiku. Bis-saħħa ta’ din l-eċċezzjoni, l-liġi tipprovdi rimedju f’sitwazzjonijiet li jkunu eċċezzjonalment drammatiċi u l-użu ta’ din il-klawżola tal-liġi biex il-pubbliku jiċċaħħad mid-dritt li jkun infurmat jeħtieġ ikun eċċezzjonali b’mod proporzjonat.
Milli jidher din it-triq tant eċċezzjonali nqabdet sabiex tinżamm il-pubblikazzjoni ta’ ittra ta’ riżenja li ma kien fiha sugu ta’ xejn. M’hemmx dubju li din l-ittra tirrifletti ħażin fuq dak li kitibha. Min kitibha wera’ li ma kienx lest li jammetti l-falliment tiegħu li jerfa’ r-responsabbiltajiet kostituzzjonali tiegħu, li jirrikonoxxi r-rwol tiegħu f’dan il-falliment tal-gvern tiegħu u li jesprimi l-iċken indiema. Iżda din l-imġieba ta’ Joseph Muscat konna nafu biha diġà u ma kellna bżonn ebda ittra biex iġġiegħelna nintebħu biha. M’hemmx dubju li konna niskantaw li kieku xammejna xi forma ta’ ndiema minn bniedem li jehda jixgħel ix-xemgħat quddiem xbiegħat tiegħu.
Dakinhar li President iddeċieda li ma jxandarx l-ittra tar-riżenja ta’ Joseph Muscat, bejna u bejn ruħna konna ħsibna li forsi Joseph Muscat kien għamel xi xiljiet kontra ċerti nies li kien jeħtieġ li jiġu nvestigati. Jew li forsi xela’ lill-ministri li ttradewh jew li heddu xi ħadd barra mill-gvern. Jew li forsi kien qed jiġi mġiegħel iwarrab kontra qalbu.
Dawn ċertament kienu jkunu eċċezzjonijiet validi biex tiġi mħarsa l-istabilità.
Iżda fl-ittra tar-riżenja m’hemm assolutament xejn minn dan kollu.
Għaldaqstant lil George Vella nixlieh li gidbilna meta stqarr li kien qed jagħti r-raġunijiet tiegħu biex iċaħħadna minn dritt għall-informazzjoni mogħti lilna b’mod speċifiku mil-liġi. Diġà huwa ħażin li l-Att dwar l-Informazzjoni Ħielsa jippermetti lill-gvern li joħroġ b’sensiela ta’ skużi biex jaħrab mid-dmir tiegħu li jxandar l-informazzjoni. Iżda tal-anqas nistennew li dawn l-iskużi jkollhom mis-sewwa.
Mhux minnu li sserva l-interess pubbliku meta nċaħdet it-talba biex tixxandar l-ittra tar-riżenja. U ma kienx minnu li x-xandir tal-ittra seta’ kellu “effett ħażin fuq il-ħidma ta’ awtorità pubblika.”
Għalkemm jista’ jkun li – bħal fil-każ tad-deċiżjoni li ttieħdet biex Adrian Delia jibqa’ jżomm il-kariga ta’ kap tal-oppożizzjoni – l-President igħaddi biex iwaħħal fl-avukat tiegħu Ian Refalo tal-parir li tah, huwa l-President George Vella waħdu li jkun irid jerfa’ r-responsabbiltà għad-deċiżjonijiet li jagħżel li jieħu.
Id-deċiżjoni tal-President George Vella li jiċħdilna d-dritt għall-informazzjoni kienet imsejsa fuq gidba. Ma tistax tippretendiha tal-“gwardjan tal-kostituzzjoni” u ta’ “missier in-nazzjon” meta tinqabad fi praspar bħal dawn.
Issa li ntbaħna b’dak kollu li kien qed jaħbi u bir-raġunijiet fjakki li kien ġab biex jostor l-informazzjoni, il-pożizzjoni tal-President m’għadhiex waħda tenibbli.