Dawk il-politiċi li jippruvaw jieħdu l-krettu għall-għerf li jkun irnexxielha tikseb ix-xjenza, jagħmlu ħsara lill-kredibilità oġġettiva tax-xjenza daqs dawk li jiċħdu l-eżistenza ta’ dak kollu li x-xjenza jkun irnexxielha tipprova bħala fatt. Ma naħsibx li huma bosta dawk li d-diskorsi ta’ Robert Abela jieħduhom bis-serjetà. S’issa lill-partitarji tal-Labour m’hu jimpressjonahom xejn u dawn qed jistennew li li partit ikollu suċċess elettorali qabel jagħtuh il-fiduċja għamja tagħhom.
Mill-banda l-oħra, dawk li ma jappoġġjawx lill-Partit Laburista jqisuh kemmxejn redikolu. Il-bieraħ tkellem dwar it-tmiem tal-imxijja tal-Covid bħallikieku t-tmiemha b’xi mod jiddependi mill-isforzi tiegħu. “Irrid li l-pajjiż jerġa’ lura għan-normal sa Mejju,” qalilna. Tgħid bi ħsiebu jikteb xi ittra iebsa lill-imxijja? Għaliex jekk it-tmiem tal-imxijja tassew jiddependi mir-rieda tiegħu, x’qed jistenna’ l-prim ministru biex dalgħodu stess – jew f’Ġunju li għadda meta ħabbar li kien għelibha – jġibha fi tmiemha?
It-tmiem tal-imxijja ma jiddependix mir-“rieda” tiegħu. Għandna għalxiex li jkollna seba’ mitt sena sabiex tintemm l-epidemija. U meta tintemm, mhux lil Robert Abela jkollna għalxiex nirringrazzjaw. Ikollna għalxiex inroddu ħajr lix-xjentisti li studjaw u li fehmu aktar lil din l-imxijja u li żviluppaw vaċċin għal kontriha biex dan imbagħad jitqassam lill-poplu f’perijodu relattivament qasir.
Aħna membri ta’ ġenerazzjoni li tinsab f’taqtieha kontra din l-imxijja li ħakmet lid-dinja. U l-ġenerazzjonijiet tal-futur ser ikunu mħejjijin aħjar u għad iroddulna ħajr talli għaddejna minn din l-esperjenza.
Kemm kien ikun aħjar li kieku lix-xettiċi u lil dawk kollha li għadhom jiċħdu t-tibdil fil-klima kellhom jibdew japprezzaw kemm għandhom għalxiex inkunu grati lejn ix-xjentisti u r-riċerka li jwettqu. Ma tantx għandi fiduċja li għad juru dan l-apprezzament.
Issa li qed jidher xaqq dawl, ibqgħu ċerti li ser ikun hemm lil min taħkmu t-tentazzjoni biex ma jibqax attent daqs kemm kien qabel biex jara li l-imxijja ma tkomplix tinfirex. Huwa ċar li jeħtieġ li nibqgħu nżommu għajnejna miftuħin beraħ anki meta jibda’ jitqassam il-vaċċin u li nibqgħu dixxiplinati tal-anqas sas-sajf li ġej.
Issa li jidher li t-tmiem tal-imxijja m’huwiex fil-bogħod, jeħtieġ li nżommu l-kolp għal ftit xhur oħra. Niftakru li mietu ħafna nies u għad iridu jmutu oħrajn u għaldaqstant ma nistgħux inġibu ruħna bħallikieku l-kriżi għaddiet diġà jew bħallikieku m’hemmx li tgħaddi l-kriżi u li allura nistgħu niġġustifikaw l-imwiet bħallikieku ma ġara’ xejn.
Robert Abela kkritika lil min, skont hu, għorok idejh meta sema’ bin-numru tal-imwiet. Din m’hi kritika ġusta xejn. M’hawn ħadd li jifraħ li n-nies qed imutu bl-imxijja. Iżda hemm bosta li jidhrilhom li huwa dmir tagħhom li jiġbdu l-attenzjoni tal-gvern kull darba li jidhrilhom li l-gvern seta’ għamel xi ħaġa biex jevita li jseħħu l-imwiet. Minflok jippretendi l-grazzi talli nstab il-vaċċin, Robert Abela jmissu jerfa’ r-responsabbiltà għas-sinjali kontradittorji li qed jibgħat.
Lil tmiem il-ġimgħa tal-Black Friday, is-sidien ta’ ċerti ħwienet stennewħ bħall-ħobż. X’uħud minnhom kellhom żjieda fil-kummerċ. Nista’ nifhem li dawn ħadu xi ftit tan-nifs u li ħadu pjaċir bid-deċiżjoni li ħa l-prim ministru li jippermetti din l-attività. Fil-frattemp, il-piżijiet qed jiżdiedu kuljum fuq l-ITU tal-Isptar Mater Dei u l-ħaddiema huma lsienhom barra u demoraliżżati. Għalkemm hemm ċertu bilanċ fit-tqassim tar-riżorsi, ħadd m’hu jilludi ruħu li ser jinstab tarf tal-problemi li hemm bħalissa kemm il-darba n-numri tal-infezzjonijiet ikomplu jiżdiedu.
Anki jekk dak li qed iseħħ bħalissa fl-Isptar jista’ jissejjaħ “bilanċ”, is-sistema qed tippermetti li jseħħu l-imwiet kuljum. Għal kull wieħed li jmut, ibatu mitt ruħ u elf ruħ oħra jgħaddu minn tensjoni kbira ġewwa darhom. Bħalissa hemm madwar 4,000 ruħ fil-kworantina u ħafna minnhom ġew infettati wara’ li tħalltu ma’ oħrajn li wrew nuqqas ta’ dixxiplina.
Issa li x-xiri tal-Black Friday għadda, l-ħaddiema tal-Isptar Mater Dei ser ikollhom jiġu wiċċ imb’wiċċ mal-impatt li jista’ jirriżulta mit-taħlit fost in-nies li kien hemm f’dawn l-aħħar 48 siegħa. Dan huwa sagrifiċċju ieħor li seħħ f’sena maħkuma mill-imxijja fuq l-altar tal-konsumiżmu eżaġerat li ma kienx lest jitlef opportunità li jiffranka l-flus fuq xiri.
Il-ħaddiema tal-Isptar jinsabu wkoll fuq ix-xwiek huma u jantiċipaw dak li jista’ jseħħ matul il-festi tal-Milied. Minflok semma’ dak li bi ħsiebu jagħmel bil-vjaġġi fuq id-dgħajjsa li għandu minn Mejju ‘l quddiem, Robert Abela l-bieraħ kien messu tkellem dwar x’ser jiġri x-xahar id-dieħel. Lin-nies kien messu qalilha biex tieħu paċenzja għal ftit xhur oħra u biex tevita li tiltaqa’ fid-djar ta’ ħaddieħor. Kien messu qalilha biex lin-nanniet iżżommhom ‘il bogħod mit-tfal għal ftit żmien ieħor u biex, kemm jista’ jkun, taħdem aktar mid-dar.
Jekk mhux għax qed ikollna nilbsu l-maskri u noqgħodu lura milli nidħlu fil-ħwienet tax-xorb, is-sitwazzjoni m’hix bogħod daqshekk minn normal. U jekk nibqgħu għaddejjin bil-pass li mexjin bih, ser imutu skoss persuni oħrajn sakemm Robert Abela jkollu ċ-ċans iħabbar li għamel rebħa fuq l-imxijja.