Ir-rapport li xxandar dwar il-pulizija li ssemmgħet fuq diskors ta’ accountant mafjuż li jaħsel il-biljuni tal-‘Ndrangheta, waħda mill-akbar għaqdiet kriminali fid-dinja u li hi wkoll waħda mill-aktar perikolużi, għandu jġiegħel lin-nies tintebaħ ma xiex qed inħabbtu wiċċna.

Fiż-żmien meta Matthew Caruana Galizia kien ħareġ bil-kliem ‘Mafia State‘ – kliem li bosta kienu dawk li ma fehmuħx għal kollox – bniedem mafjuż minn Reggio Calabria nstema’ jlissen kliem ta’ disprezz fil-konfront ta’ omm Matthew u stqarr li, erbat ijiem wara l-qtil tagħha, ‘kienu għadhom qed jiġbru l-biċċiet ta’ ġisimha’.

Il-Mafjużi tgħidx kemm ċekċku tazez hekk kif seħħ l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dan ċertament ma jfissirx li d-deċiżjoni li tinqatel Daphne bilfors ittieħdet wara li ttieħed vot fost il-mafjużi. L-interessi tal-Mafja huma varji u skalunati u ftit ikunu dawk li jkunu jafu d-dettalji dwar dak kollu li jkun qed iseħħ. Is-swaba individwali tal-istess qarnita ma jkunux jafu x’ikunu qed jagħmlu s-swaba l-oħrajn għall-ġid tal-qarnita kollha.

Jista’ jkun hemm ukoll it-tentazzjoni li tinqabad triq li twassal għall-estrem l-ieħor. Hawn min tant ikun mifxul bil-kumplessità ta’ dawn l-interessi u bil-ġid li jgawdu dawk li m’għandhomx relazzjoni diretta mal-kriminalità tal-mafja, li wieħed jassumi li ma jkun jista’ qatt jifhem il-mod dwar kif iseħħ qtil mafjuż u dwar min seta’ kellu x’jaqsam miegħu direttament. Għalkemm din hi reazzjoni naturali, hi wkoll reazzjoni żbaljata li tagħti palata lill-mafja fl-isforzi tagħha li tara li n-nies tagħha jibqgħu jgawdu l-impunità.

Il-mafja riedet tkompli tisfrutta lil Malta biex tkattar il-biljuni tagħha u, f’għajnejhom, Daphne kienet ostaklu: il-mafja riedet tkompli tkattar il-qliegħ tagħha mit-tixrid tad-droga, qliegħ mill-bejgħ tal-armi, qliegħ mill-estorsjoni, qliegħ mill-iskjavitù, mill-frodi, mill-korruzzjoni, mil-logħob tal-azzard, mill-prostituzzjoni, eċċetra.

Biex jeħilsu minn Daphne ma kellhomx bżonn lill-mafjużi kollha. Wieħed kien ikun biżżejjed.

Tliet snin wara l-assassinju, għad hawn min ma jridx jaċċetta li l-qtil ta’ Daphne kien delitt tal-mafja. Dawn mingħalihom li kien hemm motivazzjonijiet oħra wara l-qtil biex b’hekk ma jkollhomx għalfejn joqgħodu jinkwietaw dwar fejn kellu jispiċċa pajjiżna. Hawn min għadu jikteb fil-Facebook fis-sens li l-uniku interess ta’ dawk li qed jissieltu biex isseħħ il-ġustizzja ma’ Daphne hu li jpinġu ikraħ lil tal-Labour.

Tal-Labour jidhru koroh minħabba l-qtil ta’ Daphne għaliex l-interessi kriminali tal-tmexxija tal-partit tagħhom kienu ħaġa waħda mas-swaba tal-qarnita tal-kriminalità organizzata. Kienet din it-tmexxija lill-mafja fetħitilha l-bibien biex taħsel flusha sabiex huma jkunu jistgħu jaħslu l-flus maħmuġin tagħhom stess. U issa ninsabu maħkumin mis-swaba ta’ din il-qarnita.

Ma nistgħux ninjoraw din is-sitwazzjoni gravi. Daħħalna lix-xitan f’kommitna u bgħenielu ruħna. U qabel ma nibdew naċċettaw ir-realtà kerha li l-mafja qed tgħammar fostna, nkunu lanqas biss bdejna l-proċess sabiex nerġgħu nifdu rwieħna.