Bix-xieraq Malta llum sellmet ‘il Oliver Friggieri. Qatt m’għallimni imma għal xi xhur kien ixandar fuq ir-radju meta fuq ir-radju kien hemm diskors li kont ridt tisma’. Oliver Friggieri ma kienx jinqala’ għat-teknoloġija. Uliedi ma jemmnuniex imma meta kelli 17-il sena kont saħħar tat-teknoloġija u allura kont inħaddam l-apparat waqt li Oliver Friggieri kien jiffoka fuq xogħlu fuq ir-radju: jaħseb u jitħaddet.
Kont nisimgħu iċċassat bl-intensità ta’ ħsibijietu. Nifhem li dan ħsieb limitat u ma rrid inweġġa’ ‘l ħadd meta ngħid li niftakar li kont sorpriż kif kunċetti tant kumplessi setgħu jitfissru b’tant eleganza u sempliċità bl-ilsien Malti. Il-problema m’hix il-lingwa imma kemm hu rari li tiltaqa’ darbtejn f’għomor wieħed ma’ xi ħadd bħal Oliver Friggieri.
Qatt ma ftakar ismi. Kien jgħajjatli ‘Michael’ anke jekk kont nikkoreġih. Imbagħad waqaft għax ma kienx jimporta. Li kien jimporta u li stajt nisimgħu.
Ma jixraqx li nuża kliemi biex insellem raġel bl-elokwenza eċċezzjonali tiegħu. Imma llum xi ħadd bgħatli kopja ta’ diskors li kien għamel f’jum il-gradwazzjoni fl-1991. Kien pubblikat għall-ewwel darba fil-University of Malta Gazette (Volume 23/4 ta’ Diċembru 1991). Ma tlabtx permess biex nirriproduċih hawn. Nittama li ma jiddejjqux.
Żomm sew.
TAĦDITA LI SARET MILL-PROFESSUR OLIVER FRIGGIERI, IL-KAP TAD-DIPARTIMENT TAL-MALTI F’JUM IL-GRADWAZZJONI TAT-22 TA’ NOVEMBRU, 1991
Kanċillier, Onorevoli Ministru, Rettur, sinjuri,
Dan hu jum l-istudenti u jixraq li dawn il-kelmtejn ikunu fuqhom u lilhom. Illum niftakru fit-tagħlim li huma ħadu minn għandna, iżda llum irrid nistqarr kemm jien innifsi tgħallimt mill-istudenti.
Mingħandkom, gradwati ġodda, tgħallimt li intom għadkom ma tħassartux mill-interessi u mill-ambizzjonijiet tagħna l-kbar, għad li għandkom ċans kbir li tagħmlu bħalna. Tgħallimt li lilna tgħallmuna dak li aħna aktarx m’għallimnikomx: kif tħobbu tassew lil art twelidkom, bla ma tħossu li intom inqas minn ħaddieħor, kif tatkom x’tifhmu s-sistema edukattiva tagħna.
Tgħallimt li fikom hemm kuxjenza ġdida b’riżq l-ambjent li minħabba l-flus aħna l-kbar qegħdin neqirdulkom darba għal dejjem, wirt naturali li ma jerġa’ jiġi qatt. Tgħallimt li intom intbaħtu li dan hu pajjiż miġnun li qiegħed jeqred lilu nnifsu, u tafu tibku din it-telfa. Aktar ma Malta ċkejkna tiċkien, aktar se tikber ix-xewqa tal-ftuħ, tal-ħarba, imqar bid-droga; se jikbru n-nervożiżmu u l-klawstrofobija li jiżvugaw fil-vjolenza. F’Malta wkoll il-kriminalità m’għadhiex monopolju ta’ l-adulti. Tgħallimt li l-għaqdiet li waqqaftu huma kollha b’riżq ħaddieħor u mhux fl-interess persunali tagħkom. Tgħallimt kemm tafu fuq in-natura, kemm għandkom kuraġġ taqbżu għall-annimali maħqura li ħadd mill-istituzzjonijiet ma jaqbeż għalihom, u la l-gvern u lanqas il-knisja li sikwit taħqarhom hi stess fil-festi u tbierek il-moħqrija. Tgħallimt kemm intom imgħarrfin dwar il-flora u l-fawna tal-gżira. Tgħallimt kemm tħossu d-dmir li tgħinu lit-tielet dinja, bla ma ssibu l-għarfien u l-għajnuna li jixirqilkom. Tgħallimt ħafna ħwejjeġ oħra u llum inħoss li se niggradwa jien ukoll.
Nixtieq nitlobkom ma tidħlux fl-għadira ta’ ilma-qiegħed ta’ din is-soċjetà. Jeħtieġ li tkunu intom li ċċaqalqu l-ħsieb rieqed, tqanqlu l-qlub biex iħossu, tieħdu t-tmun f’idejkom u tressquna lejn jum ġdid. Laqatni ħafna x-xettiċiżmu ta’ bosta minnkom, iċ-ċiniżmu li bih tħarsu lejn is-soċjetà u d-daħk li bih tisimgħu din il-kaxxa infernali ta’ kliem li tisplodi madwarna u li ma tfisser xejn. F’art fejn il-kliem hu mħawwad, fejn il-kelma qajla hi stmata jew imfissra tajjeb, tistgħu tkunu intom li tgħidu kelma ġdida. Għiduha dil-kelma, bla ma tibżgħu minn ħadd ħlief mill-kuxjenza tagħkom. Timxu ma’ ħadd ħlief weħidkom ma’ Alla tagħkom, tistennew it-tifħir ta’ ħadd ħlief tal-leħen ta’ ġewwa fikom. Qisu li ma togħġbux lil kulħadd u serrħu raskom li jkollkom l-egħdewwa u ma tkunux nies ta’ kull staġun, bażar li ssiblu minn kollox.
L-istudenti tiegħi u dawk kollha li kelli x-xorti li nsir naf fostkom jafu kemm tħadditna flimkien dwar il-falzità ta’ pajjiżna, dwar il-qerda mgħaġġla ta’ kulma hu Malti, dwar il-vizzji tal-kalma, tal-paċi, tat-tolleranza, ta’ l-apatija, tal-kwiet. Lill-gradwati fl-istudji reliġjuzi nitlobhom jeħduna lura lejn l-għajb ta’ Betlem u mhux lejn it-tlellix fieragħ ta’ Ruma. Lin-nutara pubbliċi nitlobhom igħallmuna kemm sikwit huma ‘l bogħod minn xulxin il-liġi u l-ħaqq, u kemm sikwit il-liġi hi trijonf ta’ l-inġustizzja. Lid-diplomatiċi nitlobhom juruna kemm il-verità u l-etikett huma sikwit egħdewwa ta’ xulxin, u kemm il-prudenza u 1l-fedeltà sikwit huma vizzji kriminali. Lill-gradwati fl-istudji soċjali applikati nitlobhom tassew jiftakru kemm hawn nies imbikkma u msikkta f’din is-soċjetà fejn l-istituzzjonijiet iħambqu l-ħin kollu bejniethom bla ma jħallu lil ħadd jinstema’; nitlobhom jiftakru fil-problemi soċjali li huma riżultat dirett ta’ l-edukazzjoni, tal-kultura, tal-preġudizzji politiċi, razzjali u reliġjuzi li ninsabu mgħaddsin fihom. Nitlobhom ifittxu lin-nies li waqgħu fit-triq u li jintrifsu l-ħin kollu. Lill-gradwati ta’ l-arti nitlobhom inisslu ftit poeżija f’dan il-pajjiż li qiegħed isir monotonu dejjem aktar; nitlobhom joħorġu bħal żgħażagħ ta’ artijiet oħrajn fit-toroq u fl-imsieraħ u jkantaw għanjiet li jmissulna qalbna, jirreċtaw poeżiji li jċaqalquna. Aqbdu l-kitarri tagħkom, l-istrumenti mużikali tagħkom u oħolqulna pajjiż li jemmen f’xi ħaġa oħra minbarra fil-liġi tal-qligħ.
Hemm xi ħaġa li qiegħda xxekkel lir-ruħ Maltija. Forsi nsejna li aħna Mediterranji, bħal ħutna l-Għarab u 1-Ewropej. Forsi għadna ma nafux min aħna u għalhekk lanqas nistgħu nagħarfu lil ħaddieħor.
Nitlobkom ma temmnux fil-paċi qabel ma jkun l-ilsir li jgħidilkom li jinsab ħieles. Nitlobkom tidħku bl-appelli għall-paċi u għall-għaqda għaliex il-paċi u l-għaqda jiġu b’riformi mill-qiegħ u mhux bi kliem ta’ l-okkażjoni li jlissen min ma huwiex imġarrab. Nitlobkom ma temmnux fil-ġustizzja qabel ma mmorru l-ġenna. Nitlobkom ma temmnux li sirna stat qabel ma nkunu sirna nazzjon. Nitlobkom ma temmnux li l-poplu Malti hu sovran qabel ma jkun hu li jieħu l-mikrofonu f’idejh u jitkellem hu. Nitlobkom ma ssirux partiġġjani fanatiċi, iżda tgħallmuna kif inkunu nisa u rġiel sħaħ.
Nitlobkom tidħku bil-ġugarelli tas-soċjetà Maltija, tiksru r-regoli ħżiena, ma tobdux kull ordni li hi dubjuża, nitlobkom tisfidaw l-istrutturi soċjali li m’humiex xierqa, nitloblom tinkwetaw ħafna, tħossu ħafna u tirrabjaw ħafna. Nittama li ntbaħtu li l-maturità li wieħed jikseb f’Università hi l-ħila li jistaqsi, jiddubita, jikkritika bil-għaqal, jistħarreġ u ma jemminx malajr; hi wkoll il-ħila li jkun skomdu u imbarazzanti kull meta jkun meħtieġ. Il-maturità hi sikwit il-kuntrarju tal-prudenza. Nawguralkom tgħaddu inkjesta u tiġu fl-inkwiet kull meta jkun hemm bżonn għal kawża tajba.
Ilkoll, teologi, nutara, diplomatiċi, soċjologi, letterati tistgħu tħarsu lejn l-art u taraw in-nies taħt riġlejkom. Hawn ħafna nies mirfusa f’din ir-roqgħa art. Ilkoll tistgħu terfgħu lil min waqa’, tagħtu leħen lil min immuta, tirfdu bil-kuraġġ lil min is-soċjetà tellfitu l-fiduċja fih innifsu. Malta wkoll għandha d-deżerti u l-boskijiet u l-egħrien tagħha fejn hemm in-nies moħbija. Malta wkoll għandha distanzi kbar bejn bniedem u ieħor. Malta li tidher ħamra jew blù hi sikwit ħadra. Ħaddruha intom bil-lewn taż-żgħożija tagħkom u stennew li tkunu mweġġgħa. U meta tweġġgħu għidu: illum sirt mara, illum sirt raġel.
Dan kollu jidher qisu xi lezzjoni oħra, iżda m’huwiex. Dan kollu tgħallimtu jiena minn għandkom bla ma ndunajtu. Tajtuhuli intom matul das-snin u llum irrid irroddulkom lura.