It-tibdil li Robert Abela għadu kemm wettaq fil-kabinett tal-ministri fakkarni xi ftit fi tmiem l-istaġun tal-futbol. Miriam Dalli u Clyde Caruana ġew sparati ‘l fuq u tqabbżu fuq l-irjus ta’ veterani li servew taħt Joseph Muscat. Iżda l-inkwiet veru tfaċċa lejn in-naħa t’isfel tal-klassifika.

L-ewwel wieħed li ġie kalat ‘il barra kien Edward Scicluna. Dan ma seta’ qatt jibqa’ f’postu. Kif kien għamel Mosè hekk kif lemaħ l-art imwiegħda, huwa stqarr issa seta’ jirtira. Iżda r-realtà hi lil dan rabtuħ ma’ blata sabiex l-ajkli jkunu jistgħu inaqqrulu biċċiet minn ġismu ftit ftit bil-libertà kollha. Edward Scicluna ma tqalfatx ‘il barra minħabba l-età li għandu. Niftakru li quddiem bord ta’ inkjesta pubblika huwa kien xehed dwar “kabinett tal-kċina” li kien jeżisti taħt Joseph Muscat. Xhieda li matulha huwa għamel sforz biex ifarfar ir-responsabbiltà minn fuq spallejh għad-deċiżjonijiet diżastrużi u korrotti li kienu ttieħdu fiż-żmien li matulu hu kien Ministru tal-Finanzi. Din l-istqarrija tqieset bħala tradiment politiku u Scicluna ma setax jibqa’ jimraħ fil-wiċċ għaliex, b’kuntrast ma’ Evarist Bartolo, huwa ma jgawdix influwenza kbira fost l-għeruq tal-Partit Laburista.

U xi ngħidu għal Silvio Parnis? Anki lill-partitarji tal-Labour wieħed ta’ sikwit jista’ jilmaħhom jaqilbu għajnejhom kull darba li jissemma’ ismu. Dan ma tkeċċiex għaliex lill-anzjani maqfulin fid-djar tagħhom sforz l-imxijja bgħatilhom biċċiet tar-roly-poly mgeżwrin fil-plastik. Li kieku din kienet ir-raġuni, allura kien jeħel u jitkeċċa Clint Camilleri wkoll li, wara kollox, għamel praspura simili. Silvio Parnis x’aktarx tkeċċa għaliex tant kien mifxul sforz il-kriżi tal-imxijja li laqtet lid-djar tal-anzjani li Robert Abela ried b’xi mod isabbar lill-familjari ta’ dawk il-Laburisti li tilfu lill-għeżież tagħhom minħabba l-inkompetenza tiegħu.

Julia Farrugia Portelli ngħatat transfer lejn ministeru li fih żgur ma jkollhiex għalfejn tiġi mġiegħlha twieġeb għall-mistoqsijiet tal-BBC. Issa l-ħelwa hi li l-partitarji tal-Labour ta’ sikwit wieħed jismagħhom jitkażaw u jigħajjru kull darba li li xi kritiku tal-gvern jidher fuq il-mezzi tax-xandir barranin “biex igħid kontra Malta”. Iżda meta Julia Farrugia Portelli kienet għamlet dik l-imbierka intervista, bosta kienu tmeżmżu bit-tgħawiġ li din bdiet tgħawweġ ħalqha. Meta kienu waslu l-ewwel grupp ta’ turisti f’Lulju, f’idha Julia kellha kartellun bil-kliem Welcome to Malta u dawn it-turisti magħhom spiċċaw ġabu wkoll l-imxijja li kompliet tinfetta lill-poplu tagħna. ‘Ejjew araw in-nar u eħilsu mill-morda tagħna”. Dan kien biżżejjed biex ġiegħel lil Robert Abela jiddeċiedi li jċaqlaqha minn postha.

Mingħajr dubju, l-prim imbeċilli huwa Owen Bonnici: ministru tal-edukazzjoni li dam fil-ħatra għal ftit xhur biss. Kull min kellu x’jaqsam ma’ dan il-bniedem jaf li l-ħiliet tiegħu huma limitati ħafna. Għaffeġ bħala ministru tal-ġustizzja u għaldaqstant ħadd ma skanta li għaffeġ ukoll fil-ministeru tal-edukazzjoni. Dan huwa l-istess bniedem li ta kuljum kien jordna t-tneħħija tal-fjuri u tax-xemgħat minn quddiem il-mafkar ta’ protesta ta’ Daphne fil-Belt Valletta. Bniedem bħal dan ma jista’ qatt jitqies bħala bniedem validu. U bħalissa, li ninsabu f’nofs kriżi b’riżultat tal-imxijja, lill-politiċi validi neħtieġuhom bħall-ħobż. It-traġedja hi li minħabba l-istupidaġni grassa ta’ dan Owen, ser tbati l-konsegwenzi ġenerazzjoni sħiħa ta’ tfal tal-iskola.

Owen ingħata transfer għal ministeru ġdid li ser ikun responsabbli għal dak li ser iseħħ mill-gvern wara li tkun għaddiet l-imxijja. Tgħid il-gvern qed jaħseb li din l-imxijja mhux ser jinstab tarfha? Jekk dan m’huwiex il-każ Owen Bonnici, bir-rekord ta’ falliment li għandu tul id-9 xhur li għamel imexxi l-ministeru tal-edukazzjoni, jista’ jkun li ħema xi pjan ottimist li m’huwiex ġustifikat sabiex iġiegħlna nagħlqu għajnejna u nittamaw li l-imxijja għad tħallina kwieti.

Edward Scicluna, Silvio Parnis, Julia Farrugia Portelli u Owen Bonnici lkoll kemm huma ma jiswewx tebaq fwiedhom. Tant politikament ma jiswew xejn li anki l-gvern tagħhom stess ra kif għamel biex jew ikeċċihom jew inkella biex ineħħilhom penz jew tnejn. Dawn ilkoll twarrbu lejn postijiet li fihom il-gvern jittama li ma jistgħux jagħmlulu aktar ħsara.

Inħolqu żewġ ministeri ġodda sabiex Julia Farrugia Portelli u Owen Bonnici jkollhom biex jehdew. U sa dakinhar li jinħolqu d-dipartimenti ta’ taħthom, ibqgħu ċerti li tal-Labour ikunu diġà f’nofs kampanja elettorali. Fi kliem ieħor, dawn it-tnejn ser ikomplu  jitħallsu s-salarju mit-taxxi tagħna biex joqgħodu jdejhom fuq żaqqhom.

Lil Edward Scicluna ħatruh bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali u l-fatt li kien Scicluna nnifsu li stqarr li din il-ħatra ngħatatlu bħala rigal tal-“irtirar” ma tantx niżel tajjeb. Ma kienx itajjar nar bħala ministru tal-finanzi. U issa ser ikun fil-Bank Ċentrali b’xufier u jgawdi minn biljetti tal-ajru business class biex ikun jista’ jsiefer lejn Frankfurt biex b’hekk jevita laqgħat li fihom tkun diskussa l-integrità tal-banek Maltin ma persuna li ilu ma jirfes l-għatba ta’ wieħed minnhom għal snin sħaħ.

F’Kabinett li għad għandu l-wisa’ għal persuni nkompetenti bħalma huma Deo Debattista, Rosianne Cutajar, Silvio Schembri, Roderick Galdes, Edward Zammit Lewis u Josè Herrera – biex insemmu biss uħud – minn Silvio Parnis seta’ jeħles b’faċilità kbira għax wisa’ għalih żgur m’hemmx. U biex tkompli tgħaxxaqha, dan tkeċċa’ minn ħdan grupp ta’ ministri li huma stess xejn ma fihom ħobż.

Iżda għad hemm baħnan wieħed li baqa’ fil-ħatra. Dan jismu Robert Abela u huwa l-istess bniedem li wiret lil Edward Scicluna u lil Silvio Parnis u li ħatar lil Julia Farrugia Portelli u lil Owen Bonnici fil-ħatriet li għadu kemm keċċihom minnhom. Ħatarhom 9 xhur ilu u issa kellu jeħles minnhom. Mhux huma biss qed jidhru koroħ. Qed jidher ikraħ hu wkoll għax kien hu li ħatarhom.

Hekk kif tfaċċat il-kriżi tal-imxijja Covid, Julia Farrugia Portelli u Owen Bonnici bdew jgħaffġu waħda wara l-oħra. Iżda jekk sforz dan it-tgħaffiġ, dawn kien jistħoqqihom li jiġu umiljati bi tkeċċija jew b’xi transfer, Robert Abela għandu jkeċċi lilu nnifsu mill-Ministeru tat-Tqalfit tal-Imbeċilli minħabba l-kunflitt ta’ interess li għandu.