Silvio Valletta mingħalih li ġaladarba skuża tgħodd għal Joseph Muscat, din għandha tgħodd għalih ukoll.

Ma deherlux Silvio Valletta li ma kellu qatt jaċċetta stediniet għall-ikel fir-razzett tiegħu li kien għamillu Yorgen Fenech u biex isiefer miegħu sabiex ikun jista’ jsegwi partiti tal-futbol internazzjonali? Silvio Valletta wieġeb billi stqarr li kieku m’aċċettax dawn l-istediniet, kien ikabbar is-suspetti f’moħħ Yorgen Fenech. Dan huwa l-istess raġunament li nqeda’ bih Joseph Muscat meta ipprova jiġġustifika r-rigali ta’ fliexken tal-inbid li jiswew l-eluf li kien irċieva mingħand  Yorgen Fenech.

Silvio Valletta bħal donnu qed jistqarr li l-pulizija Maltija taħsibha bħalma kien jaħsibha Serpico: jiġifieri li n-normalità m’hix li uffiċjal għoli tal-pulizija m’għandu qatt jaċċetta stediniet mingħand xi ħadd li bilkemm jaf min hu.

Żmien ilu xogħli kien li nikkordina il-proċess tat-tneħħija tal-aċċess għall-karrozzi minn Misraħ il-Palazz fil-qalba tal-Belt Valletta, li dak iż-żmien kien l-isbaħ lok għall-parkeġġ fid-dinja. Kelli wkoll nibda’ proċess ta djalogu mas-sidien tal-ħwienet li jinsabu f’din l-akkwata bil-għan li nifhem aħjar il-ħtiġijiet tagħhom.

Niftakar li kienet ġiet tkellmni sidt ta’ sala taċ-ċinema lokali u nnegozjajna ftehim dwar il-ħinijiet li matulhom vannijiet tal-merkanzija kellhom jingħataw aċċess biex ikunu jistgħu jfornu lill-ħwienet li kellu fil-kumpless. Meta konna wasalna għal forma ta’ ftehim, is-sidt marret lura għax-xogħol u bħala ringrazzjament bil-posta bgħatitli żewġ biljetti b’xejn biex inkun nista’ nara film fit-teatru tagħha.

Ma domtx wisq naħsibha u l-biljetti dlonk bgħatthomlha lura.

Dan l-episodju qed insemmieħ mhux għaliex kien xi att erojku minn naħa tiegħi. Kienet biss ir-reazzjoni normali li wieħed għandu dejjem jistenna minn min hu mpjegat mal-gvern.

F’kuntest normali meta l-affarijiet jitħallew jaħdmu kif suppost, jekk negozjant irabbi relazzjoni ta’ ħbiberija ma’ uffiċjal għoli tal-pulizija, dan l-uffiċjal għandu dejjem joqgħod b’seba’ għajnejn għaliex l-esperjenza tkun għallmitu li mhux kull ma jleqq huwa deheb. Meta jkun hemm xi tfajliet ħelwin li juru interess li jsiru “ħbieb” tiegħi fuq il-Facebook, għandu jkolli biżżejjed sens f’moħħi biex nifhem li dawn it-talbiet isiru mhux għax għandi xortija tajba jew għaliex dawn għandhom xi attrazzjoni fiżika fil-konfront tiegħi.

Silvio Valletta għaliex seta’ qatt ħaseb li Yorgen Fenech kellu xi lublieba kbira biex jitħabbeb miegħu? Tgħid ħaseb li ried jitħabbeb miegħu għax kellu grazzja mas-sens ta’ umoriżmu li għandu? M’għandniex xi ngħidu, dan kollu huwa retoriku. Nasal biex nifhem li Silvio Valletta kien jaf ben tajjeb li Yorgen Fenech kien ħallaslu l-passaġġ tal-ajru u l-vaganza għaliex seta’ jinqeda’ bih. Għall-grazzja tal-arguument, ejjew naċċettaw l-ispjegazzjoni li Silvio Valletta ta lill-bord tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Jekk tkun iddeċidejt li tigdeb, ser ikun ikollok toħroġ bi storja li jkun jidhirlek li n-nies ser temminha u ser tifhimha u li ma tkunx waħda li ġġiegħelhom li jħarsu bl-ikraħ lejn l-imġieba tiegħek. Jekk tkun trid tikkonvinċi lill-martek li għal darb’oħra ma kontx qed tixrob u tixxala ma’ sħabek sa tard bil-lejl, ċertament mhux ser itejjeb il-pożizzjoni tiegħek jekk tiddeċiedi li tivvinta storja u tgħidilha li kont qed taqlibhielha mas-segretarja.

Silvio Valletta stqarr li l-istediniet ta’ Yorgen Fenech huwa ma kienx aċċettahom bil-għan li jgħinu jgħaddiha lixxa fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia jew fil-każ li fih huwa jinsab mixli li xaħħam lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi. Stqarr li hi ħaġa normali għal uffiċjal għoli tal-pulizija li jaċċetta r-rigali mingħand in-negozjanti.

Normali???