L-avukati ta’ Yorgen Fenech ipprotestaw mal-Imħallfin li qed imexxu l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u stqarrew li il-prinċipju li wieħed għandu jisma’ l-qniepen kollha mhux qed jiġi rispettat. Dawn għamlu użu minn frażi bil-Latin – audi alteram partem – bħallikieku t-twassil ta’ messaġġ b’ilsien barrani għandu jagħmel xi differenza.
Dawn ilmentaw li l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia qed jingħataw aktar widen. Staqsew l-avukati ta’ Yorgen Fenech: x’inhu l-locus standi tagħhom? X’inhu l-interess tagħhom fil-każ? Għaliex għandhom jinstemgħu l-avukati tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia f’inkjesta li qed titkixxef dwar ir-raġunijiet wara l-qtil tagħha?
Diffiċli li wieħed jifhem kif għandhom il-ħila jagħmlu dawn il-mistoqsijiet. Huma t-termini ta’ riferenza tal-inkjesta li jassiguraw il-parteċipazzjoni tal-membri tal-familja, liema termini huma msejsa fuq dak li jipprovdi l-Att dwar l-Inkjesti. Skont it-termini ta’ riferenza “il-Bord tal-Inkjesta għandu jkollu aċċess sħiħ għal kull informazzjoni li jkollhom fil-pussesss tagħhom l-entitajiet tal-istat, għandu jaġixxi skont l-Att dwar l-Inkjesti u, a bażi ta’ dawn it-termini ta’ riferenza, għandu jirregola l-proċedura tiegħu stess fuq il-kwistjonijiet kollha kompriża l-kwistjoni dwar aċċess lill-familja tal-mejta u lill-pubbliku fil-proċeduri tal-inkjesta”.
Sur Yorgen Fenech, din hi appuntu r-raġuni l-għala l-membri tal-familja ta’ Daphne qed jattendu l-qorti u qabbdu lill-avukati biex jagħmlu mistoqsijiet għan-nom tagħhom.
L-inkjesta minnha nnifisha qiegħda wkoll tagħmel xi ftit tal-ġustizzja mat-telfa tagħhom. Ebda Yorgen Fenech ma jista’ jċaħħadhom minn dan id-dritt.
Daphne Caruana Galizia ġiet assassinata. Il-membri tal-bord tal-inkjesta qed jistaqsu x’seta’ għamel l-istat biex evita dan l-assassinju u l-presenza ta’ Yorgen Fenech u t-teatrini tal-avukati tiegħu m’huma qed jagħtu ebda kontribut biex tinstab tweġiba għal din il-mistoqsija.
Yorgen Fenech jinsab għaddej minn proċess kriminali quddiem il-qorti. Fil-qorti qed jingħata smiegħ xieraq, għandu l-avukati jirrappreżentawh u, jekk ikun irid, jista’ anki jsemma’ l-qanpiena tiegħu meta jasal il-mument. Jista’ wkoll jagħżel li jibqa’ sieket.
Barra minn dan, il-membri tal-familja ta’ Daphne saru “alteram partem” fil-kawża ċivili li huma bdew kontrih. F’din il-kawża jkun jeħtieġ li jressqu l-provi u l-qorti tkun ukoll fid-dmir li tisma’ l-verżjoni tiegħu qabel tiddeċiedi.
L-inkjesta pubblika la hi proċess kriminali kontra Yorgen Fenech u lanqas m’hi xi tilwima personali bejnu u bejn il-familja ta’ Daphne. M’hix qorti kriminali jew waħda ċivili. Fil-fatt m’hix qorti u dan minkejja l-fatt li qed titmexxa minn imħallfin, qed issir f’awla tal-qorti u qed isir użu mir-reġistru tal-qorti biex tintlaqa’ korrispondenza minn barra.
Forsi l-inkjesta kien messha qed issir f’awla speċjali barra l-bini tal-qorti. Jien tal fehma li bis-saħħa tad-deċiżjoni li l-proċess ma jixxandarx fuq it-televiżjoni, l-pajjiż tilef opportunità unika.
L-isforz li qed isir biex il-verità titla’ fil-wiċċ, biex il-fatti jiġu dokumentati, biex jiġi mgħarbel dak li jistqarru x-xhieda u il-fatt li kollox qed isir fil-pubbliku fuq kwistjoni tant serja u importanti huma kisbiet nazzjonali. Iżda l-inkjesta m’hix proċess kriminali u quddiemha ma jidhrux “il-partijiet”. Kulma hemm huma x-xhieda.
Għal darb’oħra, Robert Abela u Yorgen Fenech għandhom interess komuni. It-tnejn qed jagħmlu pressjoni fuq il-membri tal-bord tal-inkjesta u qed iqiegħdu lill-membri tal-familja ta’ Daphne fil-mira – mhux bħala l-vittmi li jistħoqq li ssir ġustizzja magħhom – iżda bħala “paritijiet” jew qanpiena waħda ta’ storja li għandha tkun qanpiena differenti ħafna jekk jinstemgħu Robert Abela u Yorgen Fenech.
Hemm bulijiet li huma mdorrijin li jaraw li tgħaddi tagħhom dejjem. Hemm ukoll bulijiet li saħansitra jaslu biex joqtlu biex jaraw li żgur tgħaddi tagħhom.
Lil dawn il-bulijiet, il-membri tal-bord tal-inkjesta jeħtieġ li jilqgħulhom.