Jien m’jinix qorti (daqskemm lanqas l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia m’hi qorti). Għaldaqstant m’għandix għalfejn nibqa’ lura milli nasal għall-konklużjonijiet tiegħi meta xi ħadd “jagħżel li ma jweġibx għal mistoqsija” sabiex ma jinkriminax ruħu.

Għiduli kemm tridu li jien frodist u, wara reazzjoni fiżika ta’ nofs kedda li tfakkarni f’dawk il-ġranet twal li konna nqattgħu fil-bitħa tal-iskola, nwieġbek bla tlaqliq li frodist m’jinix. M’jinix ser noqgħod inħabbel rasi li jekk ngħidlek li m’jinix frodist nista’ nkun qed ninkrimina ruħi. Jien naf li m’jinix frodist u għalhekk naf li m’hux ser jinqalali l-inkwiet kemm il-darba niċħad li jien frodist.

Issa ejjew nippruvaw nifhmu l-loġika li llum ħareġ biha Brian Tonna. Wara li ngħata l-ġurament, huwa ġie mistoqsi jekk huwiex frodist. Huwa rrifjuta li jwieġeb għaliex stqarr li t-tweġiba tiegħu tista’ tinkriminah. Għal mistoqsija bħal din, hemm għażla ta’ waħda minn żewġ tweġibiet biss. L-ewwel tweġiba hi “iva” – u tweġiba bħal din bla dubju kienet tinkriminah. It-tweġiba alternattiva hi “le”, li hi tweġiba li tista’ tinkriminak kemm il-darba tinqabad li gdibt meta tkun stqarrejt li m’intix frodist. Għaldaqstant, minħabba l-fatt li kien hemm biss żewġ alternattivi, jidher li Brian Tonna ammetta b’mod indirett li huwa frodist.

Ammetta wkoll li għandu disprezz kbir fil-konfront tal-proċess kollu tat-tfittxija tal-verità minkejja l-fatt li jinsab f’pożizzjoni aħjar minn ħaddieħor biex din il-verità jikxifha. Għaliex huwa “għażel li ma jweġibx” għall-mistoqsijiet li sarulu mill-membri tal-bord tal-inkjesta, huwa diġà wieġeb barra mill-inkjesta.

Brian Tonna u Karl Cini serrħu raskom li m’intomx ser tgħadduha lixxa.

Fil-frattemp, qed nieħdu pjaċir narawkom b’denbkom taħt il-blata.

Ja mbroljuni.