Din hi stqarrija li għamlet dal-għodu Repubblika.
Repubblika hija mħassba ħafna fuq il-mod kif il-gvern qiegħed imexxi s-sitwazzjoni tas-settur tal-edukazzjoni waqt il-pandemija tal-COVID.
L-akbar inkwiet tagħna huwa li l-falliment tal-gvern qiegħed iwassal biex mhux it-tfal kollha jkollhom opportunitajiet indaqs. Qed titħalla sitwazzjoni fejn l-opportunitajiet li għandhom it-tfal tagħna ivarjaw skond liema skola li jattendu – tal-istat, tal-knisja, jew indipendenti u skond ir-riżorsi li l-iskola jkollha. Dan il-falliment u l-politika inkonsistenti tal-gvern qegħdin iżidu l-inegwaljanzi soċjali, xi ħaġa li edukazzjoni b’saħħitha twassal biex tingħeleb. B’mod partikulari, aħna mħassba li meta dan qiegħed jiġri fis-snin kruċjali tal-formazzjoni tat-tfal waqt li jsegwu l-programm obligatorju ta’ ħdax-il sena. In-nuqqasijiet u l-inegwaljanzi li mhumiex qegħdin jiġu indirizzati jistgħu jħallu impatt kemm fuq l-istudenti għal ħajjithom kollha, kif ukoll fuq is-soċjetà Maltija.
Irridu nagħmluha ċara li aħna m’aħniex korp ta’ edukaturi jew esperti fil-qasam tal-edukazzjoni. Madanakollu nemmnu li meta demokrazija tonqos milli toffri edukazzjoni lil kulħadd, hija demokrazija li tista’ twassal għal falliment totali. L-edukazzjoni għandha tkun l-element li jwassal għall-ugwaljanza bejn kulħadd, hija l-għodda li tneħħi kull inegwaljanza soċjali u li tagħti liċ-ċittadini il-ħila li jkunu infurmati, attivi, soddisfatti u li jilħqu l-għanijiet tagħhom. Għalhekk, qegħdin nagħmlu dawn l-osservazzjonijiet b’tama sinċiera li nikkontribwixxu fi sforz nazzjonali biex bħala soċjetà nwettqu l-obbligi tagħna lejn it-tfal.
L-ewwel ħsieb tagħna huwa li l-edukazzjoni hija dritt universali għat-tfal kollha. Huwa d-dmir tal-gvern li jassigura li dan id-dritt jiġi imħares għal kulħadd. Aħna m’aħniex nissuġġerixxu li l-gvern għandu xi ħtija għall-isfidi tal-pandemija tal-Covid. Iżda nsostnu li l-gvern mhux biss huwa responsabbli li jassigura li t-tfal ma jiġux infettati mill-virus, imma wkoll li l-passi li jittieħdu biex ma jiġux infettati ma jwasslux li dawn ma jirċevux l-edukazzjoni li għandhom dritt għaliha.
Għalhekk aħna inkwetati bid-deċiżjoni tal-gvern li jneħħi l-obbligu tal-ġenituri li jassiguraw li t-tfal ta’ età żgħira jattendu l-iskola regolarment, għax inkella jkollhom jiffaċċjaw konsegwenzi skond il-liġi.
Id-deċiżjoni li jitneħħa l-obbligu li t-tfal jattendu l-iskola, għall-ewwel darba mill-1946, ġiet ippreżentata bħala soluzzjoni fil-konfront tal-biża’ ta’ ġenituri ta’ tfal vulnerabbli jew ta’ dik ta’ ġenituri ta’ tfal li qegħdin jgħixu ma’ persuni vulnerabbli. Waqt li huwa d-dover tal-gvern li jsib soluzzjonijiet xierqa għal dawn il-problemi, id-deċiżjoni tiegħu li jfarfar mill-obbligu li jinforza l-liġi fuq l-edukazzjoni hija soluzzjoni superfiċjali u irresponsabbli. Fl-aħħar mill-aħħar din ma ssolvi xejn.
Ir-reazzjoni fis-sistema skolastika tagħna qed tvarja ħafna. Il-gvern mhux qiegħed jieħu passi biex jilħaq dawk l-istudenti li mhumiex qegħdin jattendu l-iskola, tal-istat u tal-knisja. Il-Gvern mhux qed jara li dawk li ftit li xejn qegħdin jirċievu edukazzjoni jkunu kkumpensati għall-edukazzjoni li qegħdin jitilfu.
Nafu li ċerti għalliema fl-iskejjel tal-knisja u oħrajn, li minkejja d-direttivi tal-unions tagħhom li ġustament qegħdin isostnu li għandhom jiġu kkumpensati għax-xogħol żejjed, komplew jaħdmu biex jagħtu lit-tfal li baqgħu d-dar xi tagħlim. Ħafna minnu qed ikun rrekordjat qabel jew inkella f’forma ta’ tagħlim supplementari; dan jista’ jkun ta’ għajnuna għalihom. Iżda t-tagħlim li jiġi rrekordjat minn qabel mhuwiex tajjeb għal kulħadd. Hemm bżonn soluzzjonijiet oħra għal dawk it-tfal fejn il-pre-recording mhuwiex adegwat jew fejn hemm nuqqas ta’ għarfien fl-IT jew nuqqas ta’ tagħmir adegwat fid-dar qiegħed ixekkel lit-tfal milli jkollhom r-riżorsi edukattivi li jeħtieġu.
Aħna konxji wkoll li hemm ġenituri li biex jippruvaw jikkumpensaw għan-nuqqasijiet fit-tagħlim tagħhom qegħdin jonfqu flus extra biex it-tfal tagħhom jirċievu tagħlim privat online. F’ċerti każi, din l-ispiża li hija ħafna aktar milli bosta familji jistgħu jonfqu, ma kienx ikun hemm bżonnha li kieku l-istat qed jipprovdi il-curriculum sħiħ kif obbligat li jagħmel. Nafu li skejjel indipendenti organizzaw lezzjonijiet online li qed joffru programm ta’ edukazzjoni ħafna aktar ta’ benefiċċju milli dak li wieħed jista’ jniżżel fuq il-kompjuter, li qiegħed jiġi offrut minn skejjel tal-gvern għat-tfal li qegħdin id-dar.
Imma anke jekk dawn l-inizjattivi huma ta’ għajnuna, il-kwalità tagħhom tvarja ħafna skond l-inizjattiva u l-kapaċitajiet differenti tal-għalliema, tal-kapijiet tal-iskejjel, u tal-edukaturi l-oħra kollha. Tvarja wkoll skond l-impenn tal-ġenituri għall-edukazzjoni tat-tfal tagħhom, u l-entużjażmu u l-kapaċità tal-istudenti li jridu jitgħallmu mingħajr ma jkollhom dak l-iskambju mal-edukaturi fil-klassi. L-iskambju personali bejn it-tfal u l-għalliema huwa ta’ ispirazzjoni u dan jista’ jiġi mfassal skond il-bżonnijiet tagħhom.
Id-diskussjonijiet tagħna ma’ għalliema u edukaturi juruna li dawn l-inegwaljanzi se jħallu ħsara kbira fuq il-kapaċitajiet tal-istudenti; dawn għandhom ħafna anqas possibilità li jirnexxu minħabba l-kwalità inkonsistenti tal-edukazzjoni li qegħdin jirċievu.
Studenti li jistgħu jmorru ħafna aħjar bl-għajnuna ta’ għalliema u edukaturi li jżommu għajnejhom fuqhom, li jirrispondu għall-mistoqsijiet tagħhom, li jindunaw bid-diffikultajiet tagħhom anke meta ma jitkellmux, u li jimmotivawhom biex joħorġu l-aħjar li għandhom skond il-kapaċitajiet tagħhom, qegħdin jiġu abbandunati weħidhom fid-djar tagħhom. Meta dan jiġri f’familji u sitwazzjonijiet fejn il-ġenituri ma jistgħux jikkumpensaw għat-telfien fl-edukazzjoni tat-tfal tagħhom, wisq probabli d-dannu li qiegħed isir huwa irreparabbli.
L-indifferenza tal-gvern lejn dawn il-problemi hija assolutament inaċċettabli.
Il-gvern wera ineffiċjenza kbira fil-mod kif mexa dwar kif l-iskejjel għandhom jikkontrollaw il-virus. Il-waqfien għas-sajf inħela minħabba d-dewmien jew in-nuqqas ta’ azzjoni mill-Ministeru tal-Edukazzjoni. L-istruzzjonijiet tal-aħħar mument eżatt qabel ma fetħu l-iskejjel ġew mibdula drammatikament, ta’ malajr u ripetutament. Dan ħoloq sitwazzjoni ħafna aktar diffiċli milli kellha tkun sabiex dawk li jamministraw l-iskejjel setgħu ikollhom kollox f’postu għall-istudenti tagħhom. Dan ħoloq inċertezzi u dewmien inaċċettabli għall-ftuħ tal-maġġoranza tal-iskejjel.
L-edukaturi jgħidulna li l-guidelines li fl-aħħar ħarġu bihom huma miktubin minn nies li ma jifhmux xi tfisser il-ħajja fl-iskejjel, partikolarment l-iskejjel primarji fejn it-tfal iħossu l-bżonn, imma mhux dejjem jesprimuh, li jkunu qrib l-għalliema tagħhom u edukaturi oħrajn. Ħrejjef bħall-“bżieżaq ta’ sigurtà” (safety bubbles) malajr jinfaqgħu f’sitwazzjonijiet inevitabbli bħat-trasport għall-iskejjel.
Il-ħrafa li d-deċiżjonijiet tad-dipartiment tal-edukazzjoni qegħdin iħallu t-tfal ‘jissoċjalizzaw’ anke waqt iż-żminijiet tal-Covid teżisti biss fl-immaġinazzjoni tad-dipartiment. Fil-parti kbira tal-iskejjel, it-tfal mhumiex qegħdin jagħmlu xogħol prattiku u l-ebda arti, ħlief dik li jistgħu jibdew u jispiċċaw fuq l-imwejjed tagħhom. F’ċerti skejjel, it-tfal ftit li xejn għandhom opportunità li jitkellmu b’mod informali ma’ ħbiebhom, l-anqas waqt il-‘breaks’, għaliex iridu jibqgħu jieklu bilqiegħda. Għandhom ħafna anqas possibilità li jagħmlu ħbieb ġodda. Fil-maġġoranza tal-iskejjel m’hemm l-ebda attività extra-kurrikulari, l-ebda kunċert, l-ebda logħob, xejn li jista’ jissejjaħ edukazzjoni li jieħdu pjaċir bih.
Ċerti aspetti huma inevitabbli minħabba ċ-ċirkostanzi barra mill-kontroll tal-awtoritajiet. Iżda ma jidher li kien hemm ebda sforz biex tinħoloq infrastruttura nazzjonali jew ‘pool’ ta’ riżorsi biex ittaffi din is-sitwazzjoni.
Il-gvern missu qiegħed jikkonsidra materjal edukattiv għal-lezzjonijiet ‘live online’ għal dawk l-istudenti li jkollhom jibqgħu ‘id-dar waqt li sħabhom imorru l-iskola. Nafu b’familji li għandhom il-mezzi biex jixtru kompjuter għat-tfal tagħhom imma li jirrifjutaw li jagħmlu dan daqs kemm jirrifjutaw li jixtrulhom il-kotba. L-istat għandu jindaħal biex jassigura li l-ebda tifel jew tifla ma jaqa’ lura minħabba din id-differenza diġitali (digital divide) bl-istess mod kif jindaħal li kulħadd għandu jkun jaf jaqra u jikteb. Hemm oħrajn li ma jifilħux jixtru kompjuter għad-dar. Il-gvern għandu joħroġ il-flus biex jassigura li n-nuqqas ta’ possibilitajiet finanzjari ma jsir qatt ostaklu għall-edukazzjoni.
Jekk it-tfal għandhom bżonn aktar lezzjonijiet online, il-gvern għandu jħallas biex dawn jingħataw. Aħna nissimpatizzaw mal-unions tal-edukaturi fid-diskussjonijiet li qegħdin jagħmlu mal-amministraturi tal-iskejjel tal-knisja. Infakkru lill-gvern li l-iskejjel tal-knisja m’għandhomx permess li jiġbru miżati biex iħallsu lill-għalliema tagħhom u edukaturi oħra. Għalhekk il-gvern għandu jirrispetta l-obbligu tiegħu f’dan ir-rigward.
Id-dipartiment tal-edukazzjoni ma jistax jibqa’ jfarfar mir-responsabbilità tiegħu biex jinforza l-edukazzjoni obbligatorja. Fiċ-ċirkostanzi attwali aħna nippretendu li d-dipartiment għandu jkollu rendikont ċar tal-istudenti kollha li ma jistgħux jattendu l-iskola, li jikkuntattja l-familji tagħhom direttament, u li jipprovdi b’kull mezz neċessarju, servizzi edukattivi li huma tal-inqas l-istess bħal dawk li qegħdin jirċievu sħabhom fil-klassi.
Aħna nqisu li l-pressjonijiet inevitabbli taċ-ċirkostanzi attwali m’għandhomx jiġu riżolti billi jitħaffef il-curriculum tal-iskola. Uffiċjalment, il-gvern ħeles minn dawk is-suġġetti “anqas importanti” bħall-mużika, arti, teatru jew disinn tekniku (technical design). Dan ifisser biss li se jkollna tfal anqas edukati. Dan huwa sagrifiċċju li m’għandniex naċċettaw.
Issa l-curriculum f’dawk is-suġġetti hekk imsejjħa “aktar importanti” ukoll sar ħaġa mhux obbligatorja, partikolarment fl-iskejjel tal-istat. Forsi min ma jinkwetawx bħalna li hemm ġenerazzjoni ta’ tfal li se jikbru mingħajr esperjenza ta’ tagħlim ta’ mużika, teatru, jew technical drawing, jinkwetaw ħafna aktar meta jifhmu li din il-ġenerazzjoni ta’ tfal tinkludi bosta li qegħdin jitgħallmu ħafna anqas matematika milli suppost.
Ma nixtiequx nidhru qisna m’aħniex nirrikonoxxu kemm hi kbira l-isfida għall-awtoritajiet tal-edukazzjoni. Nafu li hemm eluf ta’ għalliema u edukaturi oħra, eluf ta’ ġenituri, u eluf ta’ studenti akbar fl-età li qegħdin jgħinu lil ħuthom iż-żgħar fid-dar, kif ukoll mijiet ta’ kapijiet tal-iskejjel u amministraturi qegħdin jaħdmu lejl u nhar biex jgħinu it-tfal tagħna jgħaddu minn din il-pandemija mingħajr ma jitilfu kemm jista’ jkun mill-edukazzjoni tagħhom.
Imma qegħdin nosservaw nuqqas kbir ta’ tmexxija mill-awtoritajiet. Ilna xhur ma nisimgħu lill-Prim Ministru jiddiskuti l-edukazzjoni, anke jekk huwa jsostni li “l-ekonomija” hija importanti għalih. Nisperaw li b’”ekonomija” ma jfissirx biss il-benefiċċji li se jiftaħar bihom waqt li jfittex li jerġa’ jiġi elett fil-gvern. Ekonomija vera tinkludi wkoll il-kapaċità tat-tfal tagħna li jaħdmu b’mod produttiv meta jsiru adulti.
U sfortunatament, f’Owen Bonnici naraw ministru li m’għandux il-kapaċità meħtieġa biex jaffronta s-sitwazzjoni. L-uniku suċċess li jista’ jiftaħar bih huwa li għamel mezz biex ma jkollu l-ebda lment minn dawk li jiġu immultati għaliex mhumiex qegħdin jibagħtu t-tfal l-iskola.
Irridu naraw il-gvern imexxi sforz nazzjonali li jieħu ħsieb lit-tfal tagħna u li jassigura li l-vulnerabilità tat-tfulija tagħhom ma tirriżultax f’telf tal-edukazzjoni tagħhom, kif ukoll ta’ saħħithom.
Irridu naraw infieq ġeneruż fuq il-paga tal-għalliema u ta’ edukaturi oħra biex in-nies li lilhom nafdaw it-tfal tagħna jiġu ikkumpensati adegwatament. Ix-xogħol tagħhom huwa erojkament diffiċli anke fl-aqwa żminijiet. F’dawn iż-żminijiet tal-Covid aħna qegħdin nitolbuhom jagħmlu l-impossibli, u qisna qegħdin naħsbu li wara li dawn għażlu karriera fejn jiddedikaw il-ġranet tagħhom lit-tfal tagħna, issa qegħdin nippretendu li għandhom jaħdmu għalihom ukoll bil-lejl mingħajr ebda kumpens. Żieda ta’ xogħol għandha tiġi ikkumpensata adegwatament b’żieda fil-paga.
Irridu naraw, jekk hemm bżonn, li jiġu organizzati volontiera li joffru li jgħinu lit-tfal fix-xogħol tagħhom, biex iżommuhom f’saħħithom, biex jassiguraw is-saħħa fiżika u mentali tagħhom, biex isibu modi innovativi biex jgħinuhom igawdu tfulithom bis-sħiħ.
Irridu naraw li jiġu allokati fondi li jintefqu għall-iskejjel kollha f’kull settur biex jinxtara tagħmir aħjar għall-edukazzjoni għal dawk li qegħdin online u għal dawk li qegħdin fil-klassi, biex jiġu iffinanzjati attivitajiet ‘extra-curricular’ u li jiġu żviluppati malajr programmi għas-soċjalizzazjoni, għax-xogħol prattiku u għall-espressjoni artistika għat-tfal.
It-tfal tagħna jistħoqqilhom ħafna aħjar minn dak li qiegħed itihom il-gvern. Aħna neżiġu li din is-sitwazzjoni tinbidel.