Sa fl-aħħar Cyrus Engerer sab ruħu fil-Parlament Ewropew. Il-mixja tiegħu kienet bdiet fl-2014 u, wara li konna ġejna kostretti li nsegwuha, issa ser ikollna nassistu għal dik l-espressjoni stupida li għandu fuq wiċċu li, b’xorti tajba, ser tkun moħbija wara maskra.

Meta f’Ġunju 2018, Cyrus Engerer kien ħabbar li kien bi ħsiebu jikkontesta l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, jien kont ktibt dan li ġej:

Fl-imgħoddi Cyrus Engerer kien diġà kellu f’moħħu li jikkontesta l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew. Iżda huwa kien irtira n-nomina tiegħu fl-aħħar minuta minħabba l-fatt li kien instab ħati li, b’vendikazzjoni, xandar ritratti pornografiċi tal-eks maħbub tiegħu u dan wara li kien kisirha minn miegħu.   

Talli kien irtira n-nomina, tgħidx kemm kien qala’ tifħir mingħand Joseph Muscat li lil dan l-eks kunsillier tal-PN b’xilja kriminali serja mdendla m’għonqu kien sejjaħlu  “suldat tal-azzar”.    

Dak iż-żmien tal-Partit Laburista kienu beżgħu li jkun hemm min jarahom koroħ li kieku kellhom jaċċettaw lil Cyrus Engerer bħala kandidat. 

Iżda talli kien abbanduna lill-PN, kien ħaqqu premju u għaldaqstant irranġawlu impjieg fi Brussell u ieħor għall-maħbub tiegħu. 

Fl-impjieg importanti li ngħata fi Brussell, wieħed jista’ jgħid li kien qisu l-Ambaxxatur ta’ Malta. Iżda meta xeba’ f’dan l-impjieg, ġie lura Malta biex ikompli fejn kien ħalla: biex jikkontesta l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew.

Tgħid ir-raġunijiet li ħames snin ilu kienu ġiegħluh jirtira n-nomina tiegħu, issa nbidlu? Tgħid irnexxilu jnaddaf ismu? Xejn affattu. Huwa kien ġie misjub ħati mill-qorti u din il-kundanna ġiet konfermata mill-qorti tal-appell. Jaqaw minn dakinhar rabbejna tolleranza akbar għax-xandir ta’ pornorafija b’vendikazzjoni? Ma naħsibx. Minn dakinhar assistejnna kjass politiku dwar filmat li nġibed dwar koppja li kienet f’pożizzjoni kompromettenti f’karrozza li f’kemm ilni ngħidlek inxterdet fil-media soċjali.  

Għandi għalxiex nifhem li issa l-Oppożizzjoni xejn m’għandhom pjaċir bil-kandidatura ta’ Cyrus Engerer daqskemm ma kellhomx pjaċir ħames snin ilu. Għalkemm għad irrid nisma’ xi lment minn naħa tagħha.   

Allura, ngħid jien, x’inbidel?

Is-sens totali ta’ impunità ta’ gvern li jħoss li ħadd ma jista’ għalih. Il-fatt li, mill-2014 ‘l hawn, fost il-persuni li l-poplu tella’ fis-setgħa hemm min ħarab mill-ħlas tat-taxxi, hemm min hu frodist, hemm giddibin u għandi għalxiex nifhem ukoll li hemm ukoll il-qattiela. Allura x’differenza ser jagħmel min m’għonqu għandu kundanna mill-qorti dwar tixrid ta’ pornografija b’vendikazzjoni?

Nittama li ma jkunx hemm min jirraġuna li Cyrus Engerer kien ħallas prezz politiku meta rtira n-nomina tiegħu fl-2014 u li issa ħallas biżżejjed għall-imġieba kriminali tiegħu.  

Il-kandidatura tiegħu m’hi xejn ħlief simbolu ieħor tal-livelli baxxi ta’ mġieba li qed jippruvaw idarruna bihom. Bħal donnu l-kriminalità hi pre-rekwiżit għall-attiviżmu politiku fi ħdan il-Partit Laburista. Tkun trid turi li int maħmuġ qabel ma tibda’ taħseb biex trodd is-salib fl-attiviżmu politiku.

Mela issa kollox huwa uffiċjali.

Fost id-delegazzjoni Maltija ta’ sitt ewroparlamentari hemm bniedem li mdendla m’għonqu għandu kundanna mill-qorti ta’ sentejn ħabs. M’għandniex xi ngħidu, dan il-fatt tgħidx kemm ser jgħin biex nikkonvinċu lid-dinja li, wara kollox, m’aħniex ċorma ta’ ħallelin.