Sentenza li ngħatat mill-qorti ‘l bieraħ bir-raġun għandha twassal għar-riżenja ta’ Ian Borg. Mhux talli mhux ser iwarrab iżda huwa arroganti biżżejjed li jaħseb, anki bejnu u bejn ruħu, li m’għandux għalfejn iwarrab. Bis-saħħa tas-sentenza tagħha tal-bieraħ, f’kawża li fiha huwa kien xhud, il-qorti ikkonfermatu bħala bniedem li m’huwiex adattat biex iservi fil-ħajja pubblika.
Aqraw dan ir-report li xxandar fil-Malta Independent biex ikollkom sfond. Din li ġejja hi l-istorja fil-qosor:
Seba’ snin ilu, Ian Borg kien xtara biċċa art biswit proprjetà tiegħu f’Ħad Dingli, raħal li fih għal xi snin huwa serva bħala Sindku u aktar tard bħala membru parlamentari. Huwa kien akkwista l-art mingħand persuna li Ian Borg stqarr li kien ilu jafu għal madwar 18 il-sena.
Minkejja l-fatt li kienu ilhom jafu lil xulxin għal dawn is-snin kollha, sid l-art għal żmien twil ma kienx bi ħsiebu jbiegħha. Iżda f’ġurnata minnhom il-Ħadd filgħodu, wara li kien għamel tmiem il-ġimgħa jixrob ma’ żewġ persuni oħra li kienu sensara mqabbdin minn Ian Borg, is-sid iddeċieda li jbiegħ l-art li Ian Borg kien ilu għaliha u, fi spazju ta’ 24 siegħa, l-kuntratt ġie ffirmat quddiem in-nutar.
Nies il-bejjiegħ xejn ma ħadu pjaċir bl-iffirmar ta’ dan il-kuntratt u dehrilhom li l-prezz tal-bejgħ ta’ €10,000 kien baxx wisq. Uħud minnhom kienu kellmu lil tal-Malta Independent u qalulhom li qaribhom kien marid mentalment u li kellu wkoll il-vizzju tax-xorb u tal-logħob. Tal-Malta Independent irrappurtaw li l-qraba kienu tal-fehma li Ian Borg kien qabbad is-sensara biex jisfruttaw il-mard mentali ta’ sid l-art u biex jirranġawlu l-bejgħ tal-art għal dak il-prezz baxx.
Ian Borg ma kienx ħarrek lil tal-Malta Independent. Iżda kien ħarrikhom wieħed mis-sensara u Ian Borg tela’ jixhed fuq talba ta’ dan is-sensar. Dakinhar li xehed Ian Borg stqarr li, bħas-sensar li ħarrek lill-ġurnal, huwa ma kienx jaf li sid l-art kellu l-mard mentali.
Il-kawża nqatgħet il-bieraħ. Il-Maġistrat Victor Asciak iddeċieda li r-rapport tal-Malta Independent, għalkemm m’huwiex preċiż f’xi dettalji, kien sostanzjalment korrett. Il-qorti ma qagħditx togħmodha u qalet li Ian Borg ma setgħax jitwemmen:
Il-Qorti ma’ ssibx kredibbli x-xhieda tar-rikorrent u ta’ Dr. Ian Borg li huma ma’ kienux jafu bl-istat ta’ saħħa mentali ta’ Anthony Scicluna. Ir-rikorrent jisħaq li l- familji ma’ kienux jitkellmu bejniethom u li allura ma’ setax ikun jaf. Madanakollu hija ħaġa ferm u ferm dubjuża u li ma’ titwemminx illi f’raħal żgħir bħal ma’ hu Ħad Dingli in-nies ma’ jkunux jafu li wieħed minnhom, persuna li apparentement kienet maħbuba u magħrufa mar-raħal kollu, kellu problemi ta’ saħħa mentali tant kbar illi saħansitra kien jeħtieġlu jiġi rikoverat fl-Isptar Monte Karmeli għal xi żmien. Dan jgħodd iżjed u iżjed għall-familjari u iktar u iktar meta dawn jgħixu fl-istess lokalita’ . Il-Qorti ssibha ukoll diffiċli ferm biex temmen li Dr. Ian Borg, li ex-admissis kien ilu jaf lil Scicluna għal madwar tmintax-il sena u li kien jaf dwar is-sitwazzjoni ta’ ġlied fil-familja tiegħu, ma’ jkunx jaf imbagħad dwar l-istat ta’ saħħa mentali tal-istess persuna.
Fi kliem ieħor, il-qorti stqarret li Ian Borg huwa giddieb.
Iżda m’hix din ir-raġuni l-għala jeħtieġ li Ian Borg iwarrab: l-importanti hi r-raġuni l-għala gideb.
Ir-rapport li xxandar fil-Malta Independent 7 snin ilu ġie konfermat bħala rapport korrett u veritier. Ian Borg kien qabbad sensara biex bniedem vulnerabbli magħruf li għandu mard mentali u li għandu l-vizzju tax-xorb, iġiegħluh jixrob u b’hekk jitlaq minn idejh biċċa art li, kieku kien f’sensih, ma kienx ibiegħha.
Ian Borg m’huwiex biss giddieb u bniedem magħruf għall-arja li għandu. Seraq dik l-art mingħand il-ġirien tiegħu għaliex hekk ried jagħmel. Ried ikabbar id-dar tiegħu mingħajr ma jħallas prezz ġust għall-art li ried.
Fit-tifsira stretta tal-kelma, din l-istorja m’hix dwar korruzzjoni għaliex ma jeżistux provi li huwa għamel użu mill-kariga tiegħu biex igawdi personalment. Għalkemm huwa diskutibbli jekk, il-pożizzjoni tiegħu bħala xerrej bħala eks Sindku, membru parlamentari u segretarju parlamentari kellhiex influwenza fuq id-deċiżjoni li ħa bejjieħ mentalment marid u xurban li jbiegħ l-art għal prezz li ma jirriflettix il-prezz veru tagħha.
Li m’hemmx dubju hu li Ian Borg m’hu xejn ħlief bużullieqa li postu żgur m’huwiex fil-ħajja pubblika għaliex dan wera’ li m’għandux il-ħila li jġib ruħu b’mod responsabbli bħala membru tas-soċjetà fil-konfront ta’ min hu vulnerabbli u li m’għandux il-ħila li jħares l-interessi tagħhom.
U mbagħad ikun hawn min jiskanta li dan Ian Borg jiġi jaqa’ u jqum mis-siġar. Dan huwa bniedem li jasal biex saħansitra jgħaddi b’gaffa minn fuq nies vulnerabbli sabiex jiżgura li tgħaddi tiegħu u jissodisfa r-regħba li għandu.
Imissu jistħi.