Joseph Muscat illum xehed quddiem bord ta’ inkjesta li kien ħatar huwa stess, liema nkjesta qed teżamina r-rwol li seta’ kellu l-istat fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Iżda Muscat mingħalih li għadu fiċ-ċentru tal-univers u, mill-bidu nett, ipprova jaqleb lill-inkjesta ta’ taħt fuq.
Qara’ stqarrija li kien ħejja bil-quddiem li l-kontenut tagħha kien aktar dwar dak li stenna mill-inkjesta milli dak li seta’ b’xi mod jinteressa lill-membri tal-bord.
L-intenzjoni tiegħu kienet waħda ċara: ried jiskredita u jimmina kemm il-proċess u kif ukoll lill-imħallfin li qed imexxuh. Ried ukoll jassigura li s-segwaċi tiegħu – mhux dawk li kienu preżenti fl-awla iżda dawk li għad jiktbu l-istorja – għandhom jiċħdu l-konklużjoni li għad tinġibed mix-xhieda li ta llum kemm il-darba din ma tkunx konklużjoni li taċċetta mill-bidu sal-aħħar dak kollu li huwa xehed.
U ma waqafx igħid. Deher trankwill bħallikieku kien qed jindirizza udjenza siekta fil-parlament. Iżda hekk kif il-membri tal-bord tal-inkjesta bdew jistaqsuh il-mistoqsijiet deher viżibbilment skomdu. Wiċċi beda’ jiħmar, kemmex xufftejh, fettaħ imnifsejh u għolla geddumu bħallikieku ried li jikkalma lilu nnifsu.
Illum Joseph Muscat għamel reċta għal wiċċ il-kittieba tal-istorja bil-għan li jipprova jagħti tibjida lit-triq mudlama li wasslet għar-riżenja tiegħu. F’mument minnhom ikkwota lil Napuljun u ma tridx tkun għaref wisq biex tifhem ir-raġuni li wasslitu biex isemmih. Napuljun kien kiteb ittra twila mill-eżilju tal-gżira ta’ Sant’Elena u meta Muscat semma’ ktieb li jixtieq ixandar, bosta kienu dawk li fehmu x’ried ifisser.
Lill-Imħallfin kien deċiż li ma jippermettilhomx jinterrompulu l-priedka li kien ħejja u xliehom li ‘moħħhom biex jiskopru jekk Daphne kellhiex raġun’. Qalilhom li dan m’huwiex xogħolhom. Madankollu ta’ min igħid li m’hemmx mod aħjar minn dan biex wieħed jasal għal konklużjoni dwar jekk f’Malta tħallietx tinfirex u tixxettel tip ta’ impunità li wasslet għall-assassinju ta’ Daphne. Fl-istess ħin, wieħed ikun qed iwarrab darba għal dejjem il-ħrafa li kien werżaq dwarha Joseph Muscat mit-taraġ ta’ Kastilja f’Ġunju 2017 fis-sens li Daphne Caruana Galizia kienet ivvintat l-akbar gidba fl-istorja politika ta’ Malta.
Il-qofol ta’ dak li seħħ dalgħodu kellu jkun dan li ġej: jekk kienx hemm jew le katina ta’ ġrajjiet li ngħatat bidu minn deċiżjonijiet li kienu ttieħdu minn Joseph Muscat u li ntemmu bl-isplużjoni ta’ karrozza-bomba f’Ottubru 2017. Fi kliem ieħor, jekk kienx hemm domino effect.
Bl-imġieba tiegħu llum Joseph Muscat ried bilfors jassigura li, kemm il-darba l-bord tal-inkjesta jikkonkludi li tassew kien hemm dan id-domino effect, konklużjoni bħal din ma titqiesx bħala waħda kredibbli mill-pubbliku.
Biex iwassal messaġġ li l-bord tal-inkjesta huwa preġudikat kontrih, huwa xela’ lill-Imħallfin li dawn m’għamlu ebda investigazzjoni dwar dak li kien seħħ qabel l-2013. Argument bħal dan jista’ jagħti kull krettu lill-eżistenza ta’ domino effect. Iżda wieħed jeħtieġ jiftakar li ċ-ċirkustanzi li wasslu għall-qtil ta’ Daphne kienu bdew qabel tela’ hu fil-gvern. Lill-Imħallfin xliehom ukoll li ma nvestigawx l-imġieba tal-oppożizzjoni u stqarr – b’riferenza ċara għal Adrian Delia – li hu lil Daphne qatt ma kien għajjarha “biċċa blogger”. Stqarr ukoll li Daphne nqatlet minħabba dak li kien seħħ fl-aħħar xhur ta’ ħajjitha meta kienet saret politikament “irrelevanti” wara li din warrbet lill-PN.
Huwa stqarr li “Daphne kienet l-Oppożizzjoni”. Ma qalx li Daphne fil-fatt kienet ġurnalista indipendenti li kienet temmen li l-gvern għandu jkun kontabbli għal għemilu. Għal darb’oħra, lil Daphne ried ipinġija bħallikieku kienet l-avversarju politiku tiegħu u li għaldaqstant kemm hu kif ukoll dawk ta’ madwaru kienu ġustifikati li jġibu ruħħom magħha bil-mod li kienu ġabu ruħħom.
Wara kollox dan kien il-metodu li permezz tiegħu kienu jxewwxu lill-partitarji tal-Labour kontra tagħha. U llum, tliet snin u fuqhom mill-assassinju tagħha, Joseph Muscat għal darb’oħra reġa’ xewwex lin-nies tiegħu kontra Daphne Caruana Galizia u wera’ li jiġi jaqa’ u jqum mill-konsegwenzi ta’ mġieba bħal din.
Aktar tard, lill-membri tal-bord tal-inkjesta fakkarhom li kien proprju hu li ħatarhom u li kien hu li tahom it-termini ta’ riferenza li fuqu qed ifasslu l-proċess kollu. Lill-Imħallfin xliehom li m’humiex iwettqu xogħolhom kif suppost u li kienu qed jippermettu lill-membri tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia li jimponu l-aġenda tal-inkjesta. U lil tal-uffiċċju tal-avukat tal-istat xliehom li siktu u li ħallew lilhom infushom li jiġu ntimidati. Lill-Imħallfin xliehom ukoll li qed jiżfnu għad-daqq tal-familja ta’ Daphne.
Lil Daphne pinġiha bħala parti fit-tilwima miegħu u mal-gvern tiegħu u għal ftit ma riedx igħid li Daphne stess għandha tiġi mgħarbla u kontro-eżaminata minn inkjesta li suppost inħolqot biex tgħarbel lill-egħmil tal-istat.
Diffiċli wieħed igħid jekk it-teatrin li assistejna għalih illum kellux xi influwenza fuq il-ġudizzju li l-Imħallfin sejrin jiġbdu hekk kif ilestu r-rapport tagħhom. Lil Joseph Muscat ma merewħx wara li dan xliehom b’parzjalità li għandha tiskwalifikahom milli jwettqu dmirhom b’mod kredibbli. Ma skantajt xejn b’dan. Li skantani kien il-fatt – għallinqas kif rajtha jien – li l-Imħallfin kienu pjuttost kajmani u ppermettew lil Joseph Muscat ipinġi stampa rrilevanti u ħafna drabi kontradittorja, mingħajr ma nterrompewh jew merewh.
Jista’ wkoll jagħti l-każ li l-Imħallfin ma xtaqux iħalluh jagħti mpressjoni falza li ried joħloq Joseph Muscat fis-sens li l-proċess kollu huwa preġudikat kontra tiegħu: jista’ jkun li, fl-għerf tagħhom, dawn fehmu li l-interruzzjonijiet u l-argumenti sħan setgħu ġiegħlu lis-segwaċi tiegħu jibilgħuha sa griżmejhom li l-proċess tassew huwa preġudikat kontra l-alla tagħhom.
Meta mbagħad bdew il-mistoqsijiet, Joseph Muscat fehem li ma setgħax ikompli jiddefendi d-deċiżjoni tiegħu li jagħti l-kenn lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi minkejja l-kxif tal-Panama Papers bl-istess mod li kien jagħtihom il-kenn fl-imgħoddi. Fehem li ma setgħax ikompli jgħid li d-deċiżjoni li kien ħa kienet waħda tajba, għalkemm ċertament mhux ser jammetti li kien żbaljat.
Kemm ilu li warrab mis-setgħa, huwa żviluppa skuża ġdida: li ġaladarba, skont hu, kien ġie mixli bħala kompliċi ma’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, u ġaladarba – dejjem skont hu – m’hemm ħadd aħjar minnu li jaf li x-xiljiet dwaru kienu foloz, huwa assuma li x-xiljiet kontra Keith Schembri u kontra Konrad Mizzi kienu foloz ukoll.
Dan huwa argument infantili għall-aħħar. Il-provi dwar sħabu kienu pubbliċi u, li kieku tassew kellu r-rieda, seta’ jivverifikahom personalment. Kellu l-motivazzjoni kollha biex jagħmel dan appuntu għaliex hu stess kien qed jiġi mixli – skont hu, b’mod falz – li kien kompliċi. Li kieku ħeles minnhom u ma tahomx il-kenn li tahom, ħadd ma seta’ jixli lil Joseph Muscat (mingħajr il-provi li kienu għadhom ma telgħux fil-wiċċ u li ma kienux jitilgħu fil-wiċċ li kieku huwa tassew innoċenti) li kien kompliċi magħhom. Kien appuntu l-fatt li ma ħelisx minnhom li kompla sostna l-impressjoni li hu kellu x’jaqsam u kien kompliċi.
Dan huwa l-eżami tal-kredibilità tax-xhieda tiegħu. Għaliex illum Joseph Muscat ammetta li, dak iż-żmien, kien messu ħa deċiżjonijiet aktar iebsin. Huwa stqarr li meta kien feġġ l-iskandlu tal-Panama Papers, il-provi bdew jitilgħu fil-wiċċ ftit ftit. Dan huwa minnu. Anki bejn iż-żmien meta Daphne kienet xandret l-aħbar għall-ewwel darba u meta l-ICIJ xandret id-dokumenti, l-ewwel impressjonijiet u l-ewwel dubji li feġġew kien messhom ġew iċċarati. Iżda Joseph Muscat ma jridx jammetti li baqa’ m’għamel xejn meta l-informazzjoni bdiet tiġi ċċarata u hekk kif il-provi bdew telgħin fil-wiċċ.
Lil Joseph Muscat, il-membri tal-bord tal-inkjesta qalulu li l-fatt li żamm f’posthom lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri seta’ mela lil “xi nies” b’ċerta arja, b’mod li dawn ingħataw x’jifhmu li setgħu jgawdu minn tant impunità li saħansitra setgħu anki joqtlu lil Daphne Caruana Galizia.
Joseph Muscat kien imħejji għal suġġeriment bħal dan u għal darb’oħra għafas fuq l-imħallfin biex dan l-argument iwarrbuh. Huwa stqarr li jekk il-bord ser jibqa’ jsostni li d-deċiżjonijiet li hu kien ħa wara li feġġ l-iskandlu tal-Panama kienu taw bidu għal domino effect li wassal għall-pjan biex tinqatal Daphne biex b’hekk jitgħattew l-iskandli dwar 17 Black u l-Electrogas, il-bord ser ikun qed igħid li Yorgen Fenech huwa ħati.
Hawn wieħed malajr jista’ jintebaħ minn liema bir tal-ilma qed jixorbu s-sostenituri ta’ Yorgen Fenech.
Din kienet r-raġuni, qal Muscat, li ma kienx qabel li l-inkjesta ssir fi stadu li fih Yorgen Fenech għadu preżunt bħala innoċenti.
Huwa wkoll lissen il-frażi “għandkom tassumu r-responsabbiltajiet tagħkom” b’ton li fakkarni fi frażi simili li kien lissen meta Aaron Bugeja – dak iż-żmien Maġistrat – kien beda’ l-inkjesta dwar Egrant. Din ma kienet xejn ħlief twissija.
Il-kwistjoni dwar tassew kienx hemm domino effect jew le kompliet hu u jipperora quddiem l-Imħallfin. U fl-istess waqt assuma r-responsabbiltà għad-deċiżjoni li jżomm f’posthom lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi.
Huwa wkoll lissen dan il-kliem: “Jien vittma tal-ġudizzju politiku tiegħi”. U meta lissen dan il-kliem huwa ċaħad li Daphne Caruana Galizia kienet vittma tal-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet li jżomm f’posthom lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi. Huwa ammetta li Keith Schembri seta’ evita l-iskandlu tal-Panama mill-bidu nett u sejjaħlu bħala vavu politiku li naqas li jieħu “pariri politiċi” dwar jekk kienx sewwa li joħloq kumpanniji sigrieti fil-Panama. U waħħal f’Keith Schembri għall-fatt li kellu jwarrab.
Madankollu Joseph Muscat pinġa lilu nnifsu bħala l-vittma tal-egħmil ħażin ta’ Keith Schembri. U mhux ta’ Daphne Caruana Galizia.