Mill-bidu nett, Joseph Muscat wera’ li ma kienx qed jieħu pjaċir bil-mistoqsijiet li kienu qed isiru matul is-sena li ilha għaddejja l-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u ta’ sikwit ipprova jwaħħal fl-avukati tal-familja. U ma ddejjaq xejn jipprova jwaħħal fl-Imħallfin ukoll.
Xi drabi wera’ t-tħassib tiegħu dwar il-kwalità tax-xhieda li semgħu l-membri tal-bord tal-inkjesta u wera’ wkoll disprezz ċar lejn xi ministri li kienu jiffurmaw parti mill-gvern immexxi minnu.
Illum kien Joseph Muscat stess li rrefera għall-kwistjoni tal-“kabinett tal-kċina” u, b’mod partikolari, semma’ lil Edward Scicluna. B’ton patronizzanti, huwa ddeskriva lill-ministru tal-finanzi tiegħu bħala bniedem dgħajjef li wieħed jista’ jbellagħlu li jrid u li jista’ jiġi mġiegħel igħid dak li ma jemminx fih. Fi ftit kliem, Joseph Muscat stqarr li Edward Scicluna fil-fatt qatt ma ried li juża t-terminu “kitchen cabinet” u li dawn kien kliem li xi ħadd kien bellagħhomlu.
Skont Muscat, il-ministru tal-finanzi – is-suppost ġenju li ħoloq miraklu ekonomiku fl-aqwa żmien – m’għandux il-ħila li, f’inkjesta pubblika li qed tgħarbel l-imġieba tiegħu, jibqa’ lura milli jixhed dwar affarijiet li huwa jaf li m’humiex veri kull darba li xi ġurdien xiħ bħal Jason Azzopardi jsemmilu xi frażi bħal, ngħidu aħna, kitchen cabinet.
“Ebda wieħed mill-ministri ma qatt qalli li kienet teżisti xi kitchen cabinet,” stqarr Muscat lill-Imħallfin dalgħodu. Bħal dak li qallu stqarrija bħal din hi xi prova li l-kitchen cabinet kienet biss ħolma tal-ministri tiegħu! Jew li l-ministri li xehdu dwarha u li kienu ħassewhom mwarrbin b’xi mod ma kienux qed igħidu s-sewwa.
“M’hix daqshekk ċara,” stqarr aktar tard Joseph Muscat lill-Imħallfin meta tkellem dwar dak li kienu xehdu l-ministri. Il-ministri kollha, ħlief Chris Cardona, xehdu li lil Joseph Muscat privatament kienu talbuh ikeċċi lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi. U Joseph Muscat, bil-għan li jinstema’ ħelu f’widnejn il-partitarji Laburisti, pprova jrattab it-tweġiba tiegħu għal dak li kienu stqarrew il-ministri.
Iżda lill-Imħallfin tal-bord tal-inkjesta ried jurihom fehmtu. Jiġifieri li l-ministri kienu gidbu u li mhux veru li kienu talbuh ikeċċi lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi.
Din isbaħ issa!